EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ewropa Globali — l-Istrument tal-UE ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

Ewropa Globali — l-Istrument tal-UE ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali). Huwa mfassal biex isostni u jippromwovi l-valuri, il-prinċipji u l-interessi fundamentali tal-Unjoni Ewropea (UE) madwar id-dinja biex jiġu segwiti l-objettivi u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-UE, biex l-UE tingħata l-flessibbiltà li twieġeb aktar malajr għal kriżijiet u sfidi ġodda, biex jiżdiedu l-effettività u l-viżibbiltà tal-politiki esterni tal-UE u biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tagħhom mal-politiki interni. Għandu l-għan li:

  • jikkontribwixxi għat-tnaqqis u, fit-tul, għall-qerda tal-faqar;
  • jikkonsolida, jappoġġa u jippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
  • jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
  • jindirizza l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat, inkluż il-kawżi ewlenin tagħhom;
  • jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu u l-kisba ta’ impenji u objettivi internazzjonali li l-UE qablet dwarhom, b’mod partikolari, l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs), l-aġenda tal-2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi;
  • jippromwovi sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inkluż mal-Viċinat Ewropew, ibbażati fuq interessi reċiproċi u sjieda, biex irawmu l-istabbilizzazzjoni, il-governanza tajba u r-reżiljenza.

PUNTI EWLENIN

Strument uniku

Ir-regolament joħloq strument uniku, li jgħaqqad flimkien 10 strumenti separati mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2014–2020 u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li qabel kienu barra mill-baġit tal-UE.

Objettivi

Ir-regolament għandu għadd ta’ objettivi speċifiċi:

  • li jappoġġa u jrawwem djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni mhux tal-UE fil-viċinat Ewropew, fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Asja u fil-Paċifiku, u fil-kontinent Amerikan u fil-Karibew;
  • li jiżviluppa sħubijiet imsaħħa speċjali u kooperazzjoni politika msaħħa mal-viċinat Ewropew;
  • fil-livell globali:
    • li jipproteġi, jippromwovi u jmexxi ’l quddiem id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
    • li jappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili,
    • li jkabbar l-istabbiltà u l-paċi u jevita l-kunflitt, u b’hekk jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili,
    • li jindirizza sfidi globali oħra bħat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent, kif ukoll il-migrazzjoni u l-mobbiltà;
  • li jirrispondi malajr għal:
    • sitwazzjonijiet ta’ kriżi, instabbiltà u kunflitt — inkluż dawk li jistgħu jirriżultaw minn flussi migratorji u spostament furzat — u theddid ibridu,
    • sfidi għar-reżiljenza, inkluż diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, u r-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-azzjoni ta’ żvilupp u l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE.

Struttura

L-istrument huwa organizzat fuq 3 pilastri.

  • Ġeografiku — il-promozzjoni ta’ sħubijiet permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab u l-enfasi fuq kwistjonijiet bħal:
    • governanza tajba;
    • it-tkabbir inklużiv;
    • l-objettivi klimatiċi u ambjentali;
    • il-qerda tal-faqar; u
    • il-prevenzjoni tal-kunflitti.
  • Tematiku — azzjonijiet ta’ finanzjament marbuta mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-livell globali u li jiffukaw fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, is-soċjetà ċivili, l-istabbiltà u l-paċi, flimkien ma’ sfidi globali bħal:
    • is-saħħa;
    • l-edukazzjoni u t-taħriġ;
    • in-nisa u t-tfal;
    • il-kultura;
    • il-migrazzjoni; u
    • it-tibdil fil-klima.
  • Rispons rapidu.

Prijoritajiet

L-istrument għandu għadd ta’ miri, fosthom:

  • li mill-inqas 93 % tan-nefqa fl-ambitu tal-Istrument għandha tissodisfa l-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, stabbiliti mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD);
  • li mill-inqas 20 % tan-nefqa jiġu ffukati fuq l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp f’dak li huwa l-iżvilupp tal-bniedem;
  • li 30 % jiġu allokati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
  • li b’mod indikattiv 10 % jiġu allokati għall-attivitajiet relatati mal-migrazzjoni,
  • li jiġi żgurat li mill-inqas 85 % tal-azzjonijiet ikollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti, li mill-inqas 5 % minnhom għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali.

Qafas ta’ investiment

L-istrument fih qafas ta’ investiment, bażi għall-finanzjament ta’ azzjoni esterna mill-pilastru ġeografiku biex jinġabru fondi addizzjonali għall-iżvilupp sostenibbli mis-settur pubbliku u privat. Dan jikkonsisti f’dawn li ġejjin:

  • il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+); u
  • il-garanzija għall-azzjoni esterna.

Baġit

Il-finanzjament tal-istrument ikopri mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, it-tul tal-QFP. Għandu baġit ta’ EUR 79.462 biljun, li jitqassam kif ġej:

  • programmi ġeografiċi: EUR 60.388 biljun
  • programmi tematiċi: EUR 6.358 biljun
  • operazzjonijiet ta’ reazzjoni rapida: EUR 3.182 biljun

b’ammont addizzjonali ta’ EUR9,534 biljun għal sfidi u priojoritajiet emerġenti

Att supplimentari

Ir-Regolament (UE) 2021/947 ġie ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1530 tat-12 ta’ Lulju 2021.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, pp. 1–78)

L-Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/947 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 02.08.2021

Top