EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE (2021–2027)

Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

ir-regolament jistipula l-ammonti annwali massimi li jistgħu jintefqu fuq politiki tal-Unjoni Ewropea (UE) matul il-perjodu 2021-2027. Il-baġits annwali adottati matul dak il-perjodu jridu jikkonformaw ma’ dan il-qafas ġenerali.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jistabbilixxi, għall-perjodu 2021-2027, l-ammonti annwali massimi (il-“limiti massimi tal-QFP”) għan-nefqa tal-UE kollha kemm hi u għall-kategoriji ewlenin ta’ nefqa li jirriflettu oqsma ta’ politika ewlenin (“l-intestaturi tal-QFP”).

Ir-regolament dwar il-QFP huwa adottat skont proċedura leġiżlattiva speċjali, bil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaġixxi b’mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

It-tliet istituzzjonijiet baġitarji ewlenin tal-UE (il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea) iridu jiżguraw li n-nefqa fil-baġits annwali tal-UE tikkonforma mal-limiti massimi tal-QFP.

Għall-perjodu 2021-2027, il-QFP jistabbilixxi livell massimu ta’ nfiq ta’ €1,074 biljun (l-ammonti kollha skont il-prezzijiet tal-2018), li jkopri seba’ oqsma ewlenin, imqassma kif ġej:

  • suq uniku, innovazzjoni u diġitali: €132.8 biljun,.
  • koeżjoni, reżiljenza u valuri: €377.8 biljun,.
  • riżorsi naturali u l-ambjent: €356.4 biljun,.
  • migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri: €22.7 biljun,.
  • sigurtà u difiża: €13.2 biljun,.
  • viċinat u d-dinja: €98.4 biljun,.
  • Amministrazzjoni pubblika Ewropea: €73.1 biljun.

B’mod partikolari, il-QFP jalloka wkoll livelli massimi ta’ impenji ta’ pagamenti matul il-perjodu għal żewġ proġetti fuq skala kbira:

  • Il-programm spazjali tal-UE (€13,202 biljun),
  • reattur termonukleari sperimentali internazzjonali (€5 biljuni).

Il-QFP jistabbilixxi wkoll l-ammonti massimi li jistgħu jintefqu flimkien mal-limiti massimi tal-QFP għal rispons ta’ emerġenza jew għal ħtiġijiet mhux previsti, bl-użu ta’ “strumenti speċjali”, kif ġej:

  • Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (€186 miljun fis-sena);
  • Riżerva ta’ Solidarjetà u ta’ Għajnuna f’Emerġenza (€1.2 biljuni fis-sena);
  • Riżerva ta’ Aġġustament tal-Brexit għall-oqsma u s-setturi l-aktar affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (€5 biljuni matul il-perjodu);
  • Strument ta’ Marġni Uniku li jippermetti t-trasferiment tal-marġnijiet disponibbli bejn is-snin finanzjarji u f’xi każijiet anki bejn l-intestaturi tal-QFP;
  • Strument ta’ Flessibbiltà biex tiġi koperta nefqa mhux prevista li ma tistax tiġi ffinanzjata fil-limiti tal-QFP (€915-il miljun fis-sena).

Isiru diversi aġġustamenti għal-limiti massimi tal-QFP matul il-ħajja tiegħu. Dawn huma:

  • aġġustamenti tekniċi annwali fil-prezzijiet kurrenti meta l-Kummissjoni tkun qed tfassal l-abbozz tal-baġit annwali tas-sena ta’ wara;
  • aġġustamenti speċifiċi għall-programm fejn ammont addizzjonali, ekwivalenti għall-introjtu annwali li l-UE tirċievi minn multi li timponi għall-ksur tar-regoli tal-UE, se jiġu allokati għal programmi/politiki speċifiċi tal-UE — dan jammonta għal €11-il biljun bejn l-2022 u l-2027.

Aġġustamenti oħra għall-QFP jistgħu jinkludu:

  • id-dħul mill-ġdid ta’ impenji baġitarji li jkunu ġew sospiżi biex tiġi żgurata governanza ekonomika tajba jew biex jiġi protett il-baġit tal-UE — ladarba titneħħa s-sospensjoni, l-ammonti jistgħu jintużaw fis-sena ta’ wara;
  • riprogrammazzjoni maż-żmien tal-impenji u l-pagamenti baġitarji relatati ma’ regoli jew programmi ġodda adottati wara l-1 ta’ Jannar 2021.

Il-QFP jista’ jiġi rivedut — f’konformità mal-istess proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni tiegħu — minħabba:

  • ċirkostanzi mhux previsti;
  • ir-reviżjoni tat-trattati tal-UE b’konsegwenzi baġitarji;
  • l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE;
  • ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru.

Il-QFP kien rivedut fi Frar 2024 bir-Regolament li jemenda (UE Euratom) 2024/765. Din ir-reviżjoni għamlet disponibbli €64.6 biljun addizzjonali biex ikunu indirizzati sfidi ġodda u emerġenti li tiffaċċja l-UE u biex tilħaq obbligi legali li inkella ma jkunux jistgħu jintleħqu mingħajr il-limiti eżistenti baġitarji. Dan il-finanzjament addizzjonali jinkludi:

  • appoġġ għal Ukrajna — €50 biljun (€17-il biljun f’għotjiet u €33 biljun f’selfiet);
  • migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri — €2 biljuni.
  • viċinat u d-dinja — €7.6 biljuni;
  • il-Fond Ewropew għad-Difiża skont it-Teknoloġiji Strateġiċi għal strument tal-Pjattaforma Ewropea — €1.5 biljuni;
  • l-istrument dwar il-Flessibbiltà — €2 biljuni;
  • ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u ta’ Għajnuna f’Emerġenza — €1.5 biljuni;

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali, jikkooperaw b’rieda tajba u jaħdmu b’mod koerenti skont il-ftehim interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f’materji baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (ara s-sommarju).

Il-QFP jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal QFP ġdid qabel l-1 ta’ Lulju 2025.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 Jannar 2021.

SFOND

L-ammonti addizzjonali ta’ €1,074.3 biljun tal-QFP u s-€750 biljun addizzjonali eċċezzjonali u temporanji tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istrument ta’ Rkupru (UE) 2020/2094 (ara s-sommarju) jipprovdu ammont mingħajr preċedent ta’ €1.8 triljuni biex jiġi appoġġjat l-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-COVID-19 b’enfasi speċjali fuq l-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE u t-tranżizzjoni għal futur ekoloġiku u diġitali.

Il-bidu tal-QFP il-ġdid ikkonċeda mal-bidliet fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE għall-finanzjament tan-nefqa tal-UE tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (ara s-sommarju).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 {ĠU L 433 I, 22.12.2020, pp. 11–22).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433 I, 22.12.2020, pp. 28–46).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23–27).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, pp. 1–10).

l-aħħar aġġornament 10.07.2024

Top