EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil

Ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili

Id-Deċiżjoni 2010/489/UE — iffirmar f’isem l-UE tal-Ftehim bejn l-UE u l-Brażil dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

Id-Deċiżjoni 2011/694/UE — konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Brażil dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

Il-ftehim għandu l-għan li:

  • jiffaċilita l-kummerċ fi prodotti ajrunawtiċi ċivili bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Brażil,
  • ineħħi duplikazzjonijiet mhux meħtieġa fiċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili,
  • inaqqas l-ispejjeż għall-awtoritajiet u l-industrija tal-avjazzjoni,
  • jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-UE u l-Brażil.

Id-deċiżjoni tal-2010 tapprova l-iffirmar tal-ftehim innegozjat mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-UE.

Id-deċiżjoni tal-2011 tapprova u tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-ftehim japplika għal:

  • l-approvazzjoni tal-ajrunavigabbiltà u l-monitoraġġ ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili;
  • it-tkomplija tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru fis-servizz;
  • l-approvazzjoni u l-monitoraġġ tal-faċilitajiet tal-manutenzjoni;
  • l-ittestjar u l-approvazzjoni ambjentali ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili;
  • attivitajiet kooperattivi relatati;
  • inizjattivi tas-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni tas-sigurtà relevanti.

Il-partijiet jistgħu sussegwentement jiddeċiedu li jestendu l-ambitu tal-ftehim.

Obbligi ġenerali

  • L-UE u l-Brażil jiddeterminaw b’mod reċiproku li l-istandards u s-sistemi għall-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali jew l-aċċettazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili huma suffiċjentement ekwivalenti.
  • Il-ftehim jippermetti għal aċċettazzjoni reċiproka jew għarfien tal-approvazzjonijiet maħruġa mill-parti l-oħra, kif speċifikat fl-annessi għall-ftehim.
  • Il-ftehim ma jillimita lill-ebda parti fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni li tikkonsidra xieraq għas-sigurtà jew għall-ambjent.
  • Kull parti għandha tiżgura li l-aġenti tekniċi tagħha u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom skont il-ftehim.

Kooperazzjoni, assistenza u trasparenza

L-UE u l-Brażil jaqblu li jikkooperaw b’diversi modi, fosthom li:

  • iżommu lill-parti l-oħra informata dwar reviżjonijiet sinifikanti proposti għal-liġijiet, regolamenti, standards, rekwiżiti u sistemi ta’ ċertifikazzjoni relevanti tagħhom, u joffru l-opportunità li jikkummentaw;
  • jiżviluppaw proċeduri dwar kooperazzjoni u trasparenza regolatorja għall-attivitajiet fl-ambitu tal-ftehim;
  • jipparteċipaw fl-assigurazzjoni tal-kwalità interna ta’ xulxin biex jippromwovu l-ftehim u l-kompatibilità bejn is-sistemi regolatorji tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili;
  • jippermettu l-parteċipazzjoni fl-ispezzjonijiet u l-verifiki ta’ xulxin fuq bażi ta’ kampjun jew iwettqu spezzjonijiet u verifiki konġunti skont kif ikun xieraq;
  • jipprovdu kooperazzjoni u assistenza reċiproka fi proċeduri ta’ investigazzjoni u infurzar ta’ ksur allegat jew suspettat tal-liġijiet jew tar-regolamenti fl-ambitu tal-ftehim;
  • jinnotifikaw lil xulxin malajr dwar xi investigazzjoni fejn ikunu involuti interessi reċiproċi.

Informazzjoni dwar is-sikurezza

L-UE u l-Brażil jaqblu li:

  • ikollhom approċċ proattiv għal kwistjonijiet ta’ sigurtà;
  • jikkoordinaw politiki u inizjattivi ta’ sigurtà, jiskambjaw informazzjoni u data, u jiżviluppaw programmi konġunti;
  • jipprovdu lil xulxin, fuq talba u f’waqtu, b’informazzjoni u assistenza relatata ma’ aċċidenti, inċidenti jew okkorrenzi;
  • jaqsmu informazzjoni dwar is-sikurezza relatata ma’ operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru u riżultati ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza inklużi spezzjonijiet fir-rampa.

Kumitat konġunt

Il-funzjonament effettiv tal-ftehim huwa sorveljat minn kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet li jiltaqgħu regolarment.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 273, 19.10.2011, pp. 3–22).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/489/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 dwar l-iffirmar ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 243, 16.9.2010, p. 1).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/694/UE tas-26 ta’ Settembru 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 273, 19.10.2011, pp. 1–2).

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (COM(2015) 598 final, 7.12.2015).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (COM (2012) 556 final, 27.9.2012).

l-aħħar aġġornament 26.01.2022

Top