EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (mill-2023)

Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (mill-2023)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-direttiva tistabbilixxi d-dazju tas-sisa fuq l-oġġetti li ġejjin:

Hija tippermetti l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jimponu:

  • taxxi oħra indiretti għal raġunijiet speċifiċi fuq oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa, ladarba dawn jirrispettaw ir-regoli tal-UE;
  • taxxi fuq prodotti minbarra prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u fuq ċerti servizzi.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva:

  • tapplika għat-territorju tal-UE u għall-Irlanda ta’ Fuq fuq bażi tal-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuql għall-Ftehim ta’ Ħruġ tar-Renju Unit;
  • tikkonferma li dawn li ġejjin mhumiex ittrattati bħala pajjiżi mhux tal-UE skont ir-regoli ta’ moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa:
    • Monaco,
    • San Marino,
    • il-bażijiet sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia f’Ċipru,
    • l-Isle of Man,
    • Jungholz u Mittelberg (Kleines Walsertal);
  • ma tapplikax għat-territorji li ġejjin li huma parti mill-unjoni doganali tal-UE:
    • il-Gżejjer Kanarji,
    • it-territorji Franċiżi ekstra-Ewropej,
    • il-Gżejjer Åland,
    • iċ-Channel Islands,
    • il-gżira ta’ Heligoland,
    • it-territorju ta’ Büsingen,
    • Ceuta,
    • Melilla,
    • Livigno.

Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli ġenerali li japplikaw meta l-oġġetti jkunu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

  • “Arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju” huwa arranġament tat-taxxa applikata għall-produzzjoni, għall-ipproċessar, għaż-żamma jew għall-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li taħthom id-dazju tas-sisa huwa sospiż.
  • Oġġetti soġġetti għas-sisa għandu jitħallsilhom id-dazju meta sseħħ xi waħda minn dawn li ġejjin fl-UE:
    • produzzjoni jew estrazzjoni;
    • importazzjoni, legali jew illegali.
  • Id-dazju tas-sisa ssir taxxabbli fiż-żmien meta, u fi Stat Membru fejn, l-oġġetti soġġetti għas-sisa jiġu rilaxxati għall-konsum.

Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli ġenerali li japplikaw meta l-oġġetti soġġetti għas-sisa, wara li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed, jitmexxew għal Stat Membru ieħor għal raġunijiet kummerċjali. F’dawn il-każijiet, l-oġġetti soġġetti għas-sisa jistgħu biss jiġu mmexxija minn speditur irreġistratt* lil destinatarju reġistrat*.

  • Oġġetti rilaxxati għall-konsum tfisser:
    • it-tluq ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
    • iż-żamma jew il-ħżin ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa barra arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx ġie impost skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali;
    • iI-qerda totali jew it-telf ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
    • l-importazzjoni ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, sakemm dawn jitpoġġew taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju immedjatament fuq l-importazzjoni.
  • Persuni soġġetti li jħallsu d-dazju huma:
    • detenturi tal-maħżen awtorizzati*, li għandhom jilħqu ċertu kundizzjonijiet biex jiġu rikonoxxuti;
    • destinatarju reġistrat*;
    • kwalunkwe persuna oħra li tirrilaxxa l-oġġetti.
  • Id-dazju li jiġi applikat huwa dak li japplika fl-Istat Membru meta l-oġġetti jiġu rilaxxati għall-konsum.
  • Kull Stat Membru jiddetermina r-regoli tiegħu stess fuq il-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma u l-ħażna ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa.
  • Il-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma u l-ħażna ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, meta d-dazju ma tħallasx, ser iseħħ f’maħżen tat-taxxa.

Oġġetti soġġetti għas-sisa huma eżentati mid-dazju u jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni meta jintużaw għal:

  • għanijiet diplomatiċi u konsulari;
  • organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • forzi armati tal-Istati Membri tal-UE jew tan-NATO ħlief jekk dawn ikunu fil-ġurisdizzoni tagħhom stess;
  • forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati f’Ċipru;
  • konsum taħt ftehim ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Passiġġieri li qed jivvjaġġaw lejn pajjiż mhux tal-UE bl-ajru jew bil-baħar ma jħallsux dazju fuq oġġetti soġġetti għas-sisa li nxtraw għal użu personali abbord jew fi ħwienet bla taxxa.

Regoli fuq il-moviment ta’ oġġetti ta’ merkanzija soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazji* jistabbilixxu dan li ġej.

  • Iħallu l-oġġetti jitmexxew minn maħżen tat-taxxa, jew minn fejn huma importati, għal maħżen ieħor, għal destinatarju reġistrat jew għal punt ta’ ħruġ tal-UE.
  • Dawn jeħtieġu:
    • numru uniku tad-dazju tas-sisa li jidentifika l-ispeditur reġistrat* jew destinatarju;
    • garanzija valida fl-UE kollha mill-kustodju tal-maħżen awtorizzat li qed jibgħat, jew mill-ispeditur reġistrat, biex ikopri kwalunkwe riskji (minbarra għal prodotti ta’ enerġija mmexxija permezz ta’ pajplajn fiss);
    • dokument amministrattiv elettroniku ta’ akkumpanjament jew dokument ta’ riżerva* li jkun fih l-istess data jekk is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli.
  • Huma jipprovdu arranġamenti speċjali, u jħallu li l-kunsinni jinqasmu fi tnejn jew f’iktar partijiet għal prodotti tal-enerġija trasportati bil-baħar jew b’passaġġ fuq l-ilma ntern.
  • Dawn jispeċifikaw il-bidu u t-tmiem ta’ perjodu ta’ tmexxija u l-formalitajiet fid-destinazzjoni.
  • Dawn joffru proċeduri simplifikati għal oġġetti li qed jitmexxew biss fi Stat Membru wieħed jew fuq bażi frekwenti u regolari bejn tnejn jew iktar Stati Membri.

Destinatarji reġistrati:

  • ma jistgħux jipproduċu, jipproċessaw, iżommu, jaħżnu jew jibgħatu merkanzija taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
  • għandhom:
    • jiggarantixxu pagament ta’ dazju qabel ma jintbgħatu l-oġġetti,
    • idaħħlu l-oġġetti fil-kontijiet tagħhom meta jaslu,
    • jaqblu li jsiru verifiki biex jassiguraw ir-riċeviment tal-oġġetti.

Ir-regoli fuq individwi privati li jittrasportaw oġġetti soġġetti għas-sisa għall-użu tagħhom stess minn Stat Membru wieħed għal ieħor jistipulaw dan li ġej.

  • Id-dazju jitħallas fejn l-oġġetti ġew mixtrija.
  • L-Istati Membri jiddeterminaw “l-użu tagħhom stess” skont testijiet bħal:
    • l-istat kummerċjali tal-individwu;
    • il-post fejn l-oġġetti jkunu qed jinżammu jew it-tip ta’ trasport użat;
    • id-dokumentazzjoni relatata ma’, jew in-natura jew il-kwantità tal-oġġetti.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jistipulaw il-livelli gwida għall-kwantità bħala forma ta’ evidenza, imma dawn ma jistgħux ikunu inqas mill-ammonti li ġejjin għal ċerti prodotti.
    • tabakk: 800 sigarett, 400 sigarru żgħir, 200 sigarru, 1 kg tabakk tat-tipjip.
    • alkoħol: 10 l spirti, 20 l prodotti intermedjarji, 90 l inbid, 110 l birra.

Ir-regoli fuq l-oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed u trasportati kummerċjalment lejn Stat Membru ieħor huma kif ġejjin.

  • Id-dazju jitħalles fil-pajjiż tad-destinazzjoni.
  • Id-destinatarju reġistrat:
    • huwa responsabbli għad-dazju;
    • jipprovdi garanzija li tkopri n-nuqqas ta’ ħlas possibbli qabel mal-oġġetti jintbgħatu;
    • jaqbel ma’ kawlunkwe verifika;
    • jirrapporta fi żmien ħamest ijiem mir-riċeviment tal-oġġetti.
  • Dokument elettroniku għal amministrazzjoni simplifikata, jew dokument ta’ riżerva li jkollu l-istess data, jeħtieġ li jakkumpanja l-kunsinna.
  • Proċeduri simplifikati jistgħu jintużaw għal oġġetti soġġetti għas-sisa li jimxu bejn żewġ Stati Membri jew iktar.

Regoli dwarbejgħ transkonfinali mill-bogħod jeħtieġu li d-dazju jitħallas fil-pajjiż tad-desintazzjoni.

Id-dazju tas-sisa:

  • ma jitħallasx jekk l-oġġetti li ntbagħtu għal Stat Membru ieħor ġew totalment meqruda jew mitlufa b’mod irrimedjabbli minħabba ċirkustanzi imprevedibbli, force majeure jew permezz ta’ ordni minn dak l-Istat Membru;
  • jitħallas,, għal oġġetti li ntbagħtu minn Stat Membru wieħed għal ieħor, fl-Istat Membru fejn seħħet irregolarità.

L-Istati Membri jistgħu:

  • jeħtieġu li l-oġġetti soġġetti għas-sisa jġorru marki tat-taxxa jew marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali għal raġunijiet fiskali;
  • jeżentaw lil produtturi żgħar tal-inbid, li jipproduċu inqas minn 1 000 hl fis-sena, mill-ħafna regoli u rekwiżiti dwar tmexxija u monitoraġġ;
  • iżommu regoli nazzjonali fuq imħażen tad-dgħajjes u tal-ajruplani sakemm il-miżuri tal-UE jiġu adottati;
  • japplikaw arranġamenti speċjali għal oġġetti użati fil-bini jew fil-manutenzjoni ta’ pont transfruntier.

Il-Kummissjoni Ewropea tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kull 5 snin — l-ewwel sal-iktar tard 3 snin wara l-applikazjoni tad-direttiva — dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Id-direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dan li ġej.

(a) Atti delegati biex jistabbilixxu limiti komuni ta’ telf parzjali minħabba n-natura tal-prodotti, l-istruttura u l-kontenut tad-dokument elettroniku amministrattiv u dokument ta’ riżerva u dawk tad-dokument elettroniku ta’ amministrazzjoni simplifikata u dokument ta’ riżerva.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1636, applikabbli mit-13 ta’ Frar 2023:

  • jistabbilixxi limitu ta’ telf parzjali komuni 0 % għat-tabakk manifatturat, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/64/UE;
  • iħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 684/2009 u 3649/92 mid-data tal-applikazzjoni tiegħu.

(b) atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri għall-iskambju tad-dokument elettroniku amministrattiv u dokument ta’ riżerva, u d-dokument elettroniku għal amministrazzjoni simplifikata u dokument ta’ riżerva, u biex tiġi stabbilita l-forma li għandha tintuża għaċ-ċertifikat tal-eżenzjoni.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1637, japplika wkoll mit-13 ta’ Frar 2023:

  • jistabbilixxi l-formola ta’ ċertifikat tal-eżenzjoni għal oġġetti soġġetti għas-sisa minn Stat Membru għal ieħor, meta l-Istati Membri jeżentaw il-ħlas tad-dazju tas-sisa;
  • jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 31/96.

Id-direttiva:

  • tirrevedi u tissostitwixxi d-Direttivi 2008/118/KE (ara s-sommarju) u 2010/12/UE mit-13 ta’ Frar 2023;
  • hija relatata mill-qrib mad-Deċiżjoni (UE) 2020/263 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Diversi artikoli kellhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembr 2021, filwaqt li l-bqija tal-artikoli japplikaw fl-Istati Membri mit-13 ta’ Frar 2023.

SFOND

  • Id-direttiva timmodernizza l-qafas eżistenti għall-oġġetti soġġetti għas-sisa billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni ġusta fis-suq waħdieni u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Hija tallinja l-proċeduri tal-UE dwar is-sisa u d-dazju.
  • Id-dħul minn taxxi tad-dazji jmorru kompletament għall-pajjiż li jitħallsu fih. Sa mill-1992, l-UE kellha regoli komuni f’posthom biex tassigura li d-dazji tas-sisa jiġu applikati bl-istess mod u għall-istess prodotti.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Speditur irreġistrat. Operatur ekonomiku li jista’ jibgħat oġġetti soġġetti għas-sisa li ġew rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u mbagħad immexxija għal territorju ta’ Stat Membru ieħor waqt il-kummerċ.
Destinatarju reġistrat. Operatur ekonomiku li jirċievi oġġetti soġġetti għas-sisa li ġew rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u mbagħad immexxija għal territorju ta’ Stat Membru ieħor waqt il-kummerċ.
Detenturi tal-maħżen awtorizzati. Operatur ekonomiku li huwa awtorizzat li jipproduċi, jipproċessa, jżomm, jaħżen, jirċievi u jibgħat oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.
Destinatarju reġistrat. Operatur ekonomiku awtorizzat li jirċievi oġġetti soġġetti għas-sisa mingħand Stat Membru ieħor taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.
Sospensjoni tad-dazju. Arranġament dwar it-taxxa fejn id-dazju tas-sisa huwa sospiż, li jiġi applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma, il-ħażna u l-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa.
Speditur reġistrat. Operatur ekonomiku awtorizzat li jibgħat l-oġġetti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju meta jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera.
Dokument ta’ riżerva. Dokument li għandu jintuża/jiġi sottomess jekk is-Sistema ta’ Movimenti u Kontroll tas-Sisa (EMCS) — sistema kompjuterizzata għall-monitoraġġ tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa — ma tkunx disponibbli. Skont l-EMCS, f’kull stadju l-moviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa permezz ta’ Dokument Amministrattiv elettroniku (eAD) jiġi dokumentat.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni) (ĠU L 58, 27.2.2020, pp. 4-42).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2020/262 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni) (ĠU L 58, 27.2.2020, pp. 43-48).

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 5.7.2011, pp. 24-36).

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, pp. 12-30).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, pp. 51-70).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 21-27).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 29-31).

l-aħħar aġġornament 14.10.2022

Top