Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Formula tat-trabi u ta’ prosegwiment — kompożizzjoni u informazzjoni

Formula tat-trabi u ta’ prosegwiment — kompożizzjoni u informazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/127 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jissupplimenta r-Regolament (UE) 609/2013 dwar l-ikel għal gruppi speċifiċi, li jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta regoli dwar il-kompożizzjoni u l-ittikkettar għall-formula tat-trabi* u l-formula ta’ prosegwiment*, permezz ta’ att delegat, u bbażat fuq l-aħħar parir xjentifiku.
  • Huwa jipprojbixxi indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq il-formula tat-trabi biex jiġi protett u mħeġġeġ it-treddigħ.
  • Huwa jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw aħjar is-suq tal-formoli tat-trabi permezz ta’ regoli addizzjonali ta’ notifika.

PUNTI EWLENIN

Formula tat-trabi jew formula ta’ prosegwiment mhux magħmula għalkollox mill-ħalib tal-baqar jew mill-proteini tal-ħalib tal-mogħoż iridu jingħatawlhom l-ismijiet kif stabbilit għal kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE). Fl-Ingliż, dawn huma rispettivament “formula tat-trabi” u “formula ta’ prosegwiment”.

Ingredjenti

Il-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment iridu:

  • jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament, u mar-regoli rilevanti oħra tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi;
  • isegwu r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tar-Regolament li huma applikabbli għal prodotti lesti għall-użu, mqiegħda fis-suq bħala tali, jew għal prodotti lesti għall-użu wara l-preparazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-manifatturi;
  • ma jkunu jeħtieġu xejn aktar ħlief żieda ta’ ilma għall-preparazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-manifatturi;
  • jiġu manifatturati minn sorsi ta’ proteina kif stipulat fir-Regolament u ingredjenti oħra tal-ikel, li l-adegwatezza għat-trabi mit-twelid (għall-formula tat-trabi) jew għal trabi li għandhom aktar minn sitt xhur (għall-formula ta’ prosegwiment) hija stabbilita minn data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali;
  • ma jkunx fihom residwi ta’ pestiċidi li jaqbżu 0.01 mg/kg għal kull sustanza attiva, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet;
  • ma jkunux magħmula minn prodotti agrikoli li għall-produzzjoni tagħhom jużaw pestiċidi li fihom is-sustanzi pprojbiti elenkati fir-Regolament, soġġett għal valur massimu ta’ residwi għall-finijiet tal-verifika;

L-ebda prodott ieħor għajr il-formula tat-trabi ma jista’ jiġi kkummerċjalizzat jew irrappreżentat bħala xieraq biex waħdu jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ nutrizzjoni ta’ trabi normali f’saħħithom matul l-ewwel xhur tal-ħajja.

Informazzjoni dwar l-ikel

Il-formula trid tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, bl-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

  • għal formula tat-trabi:
    • dikjarazzjoni li l-prodott huwa adatt għat-trabi mit-twelid meta ma jkunux qegħdin jieħdu l-ħalib tal-omm,
    • “avviż importanti” (inkluż ukoll fir-reklamar) dwar is-superjorità tat-treddigħ mill-omm u dikjarazzjoni li tirrakkomanda li l-prodott jintuża biss fuq parir ta’ professjonisti;
  • għall-formula ta’ prosegwiment:
    • dikjarazzjoni li l-prodott huwa tajjeb biss għat-trabi ta’ ’l fuq minn 6 xhur, li għandu jifforma parti biss minn dieta diversifikata, li ma għandux jintuża bħala sostitut għall-ħalib tal-omm matul l-ewwel 6 xhur tal-ħajja u li d-deċiżjoni biex jinbeda l-ikel komplementari għandha ssir biss fuq il-parir ta’ professjonisti fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi individwali relatati ma’ kemm qiegħda tikber it-tarbija, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħha;
  • struzzjonijiet għall-preparazzjoni, il-ħażna u r-rimi xieraq tal-prodott u twissija dwar il-periklu għas-saħħa meta l-preparazzjoni u l-ħażna ma jsirux kif suppost.

It-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment iridu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-użu xieraq tal-prodotti. Dan sabiex ma jkunx skoraġġut it-treddigħ, u l-informazzjoni pprovduta trid tevita kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni bejn il-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment.

Minbarra l-informazzjoni msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011, id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għall-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment trid tinkludi l-ammont ta’ kull sustanza minerali u ta’ kull vitamina elenkati fl-annessi ta’ dan ir-Regolament, rispettivament u preżenti fil-prodott, bl-eċċezzjoni tal-molibdenu u l-ammont ta’ melħ.

Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni tista’ tkun issupplimentata bl-ammonti ta’ komponenti ta’ proteini, karboidrati jew xaħam u l-proporzjon ta’ proteini tax-xorrox/kaseina, kif ukoll sustanzi oħra elenkati fl-annessi ta’ dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) Nru 609/2013.

Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa m’għandhomx jingħataw fuq il-formula tat-trabi.

Id-dikjarazzjoni “lattożju biss” tista’ tintuża fejn il-lattożju jkun l-uniku karboidrat preżenti fil-prodott. Id-dikjarazzjoni “mingħajr lattożju” tista’ tintuża biss meta l-kontenut tal-lattożju fil-prodott ma jkunx aktar minn 2.5 mg/100 kJ (10 mg/100 kcal).

Meta tintuża d-dikjarazzjoni “mingħajr lattożju” għall-formuli manifatturati minn sorsi ta’ proteina għajr mill-iżolati tal-proteina tas-sojja, din trid tkun akkumpanjata mid-dikjarazzjoni “mhux adatt għat-trabi bil-galaktosemija*”. Id-dikjarazzjoni “fiha l-Aċidu dokosaeżaenojku (DHA)*” jew “fih DHA” (kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni għal kull formula tat-trabi) tista’ tintuża biss għall-formula tat-trabi mqiegħda fis-suq qabel it-22 ta’ Frar 2025.

Reklamar u promozzjoni

Ir-reklamar tal-formuli tat-trabi, li jrid ikun fih biss informazzjoni ta’ natura xjentifika u fattwali, huwa ristrett għal pubblikazzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-kura tat-trabi, u għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi. L-Istati Membri tal-UE jistgħu japplikaw regoli aktar stretti bħall-projbizzjoni ta’ tali reklamar. Ir-reklamar m’għandux jimplika jew joħloq twemmin li t-tmigħ bil-flixkun huwa ekwivalenti jew superjuri għat-treddiegħ.

M’għandux ikun hemm reklamar fuq il-post tal-bejgħ, għoti ta’ kampjuni bla ħlas jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ promozzjoni li jippromwovi l-bejgħ tal-formula tat-trabi direttament lill-konsumatur.

Informazzjoni dwar it-tmigħ

L-Istati Membri jridu jiżguraw li tingħata informazzjoni oġġettiva dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar. Materjali informattivi u edukattivi jridu jinkludu informazzjoni ċara dwar dan li ġej:

  • il-benefiċċji u l-vantaġġ superjuri tat-treddigħ mill-omm;
  • in-nutrizzjoni materna u l-preparazzjoni għat-treddigħ mill-omm u ż-żamma tiegħu;
  • l-effett negattiv possibbli fuq it-treddigħ mill-omm meta jiġi introdott it-tmigħ parzjali bil-flixkun;
  • id-diffikultà li terġa’ lura mid-deċizjoni li ma treddax;
  • fejn jinħtieġ, l-użu xieraq tal-formula tat-trabi.

Din l-informazzjoni trid tinkludi l-implikazzjonijiet soċjali u finanzjarji tal-użu tal-formula tat-trabi, ir-riskji għas-saħħa ta’ ikel mhux xieraq jew metodi ta’ tmiigħ, u l-perikli għas-saħħa ta’ użu mhux xieraq tal-formula tat-trabi. Ma jridx ikun fiha xi stampi li jistgħu jidealizzaw l-użu tal-formula tat-trabi.

Notifika

Meta l-formula tat-trabi titqiegħed fis-suq, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-informazzjoni fuq it-tikketta billi jibgħat mudell tat-tikketta użata u l-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa neċessarja biex tintwera l-konformità mar-Regolament. Dan japplika wkoll għall-formula ta’ prosegwiment magħmula minn idroliżati tal-proteina jew li jinkludu ċerti sustanzi.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-22 ta’ Frar 2020, ħlief għar-regoli dwar il-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment magħmula minn idroliżati tal-proteina, li ilhom japplikaw mit-22 ta’ Frar 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Formula tat-trabi. Ikel għall-użu minn trabi (tfal taħt it-12-il xahar) matul l-ewwel xhur ta’ ħajjithom u li waħdu jissodisfa r-rekwiżiti nutrittivi tat-trabi sal-introduzzjoni ta’ tmigħ komplementari adegwat.
Formula ta’ prosegwiment. Ikel għall-użu minn trabi meta jiġi introdott it-tmigħ ta’ ikel kumplementari adegwat u li jikkostitwixxi element likwidu ewlieni f’dieta bi progess differenti ta’ dawn it-trabi.
Galaktosaemia. Kundizzjoni fejn it-tarbija ma tistax tikkonsma l-galaktożju, wieħed mill-komponenti tal-lattożju, iz-zokkor li jinstab fil-ħalib.
Aċidu dokosaeżaenojku (DHA). L-aċidu xaħmi li jinstab b’mod naturali fil-ħalib tas-sider u li hu importanti fl-iżvilupp bikri tal-moħħ u l-għajnejn.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1–29).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/127 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut għat-dieta kollha u għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009, (ĠU L 181, 29.6.2013, pp. 35–56).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 18–63).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9–25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1–24).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 30.03.2023

Top