Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Servizzi ta’ intermedjazzjoni online — ġustizzja u trasparenza għall-utenti kummerċjali

Servizzi ta’ intermedjazzjoni online — ġustizzja u trasparenza għall-utenti kummerċjali

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2019/1150 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jiżgura t-trattament ġust u trasparenti tal-utenti kummerċjali permezz ta’ pjattaformi online, jagħtihom għażliet aktar effettivi għal rimedju meta jiffaċċjaw problemi, billi joħloq ambjent regolatorju prevedibbli u favur l-innovazzjoni għall-pjattaformi online fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament jintroduċi regoli ġodda għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online* (pjattaformi online) u magni tat-tiftix online li għandhom l-għan li jgħaqqdu negozji tal-UE u siti web professjonali mal-konsumaturi tal-UE.
  • Il-pjattaformi online jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li jinkludu:
    • swieq online;
    • midja soċjali u mezzi ta’ kontenut kreattiv;
    • pjattaformi ta’ distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet;
    • siti web għat-tqabbil tal-prezzijiet;
    • swieq ta’ ekonomija kollaborattiva, sal-punt li dawn jospitaw utenti professjonali; u
    • magni tat-tiftix ġenerali online.
  • Huma jaqsmu karatteristiċi ewlenin inkluż l-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jiffaċilitaw l-interazzjonijiet (inklużi tranżazzjonijiet kummerċjali) bejn l-utenti, ġbir u użu ta’ data dwar dawn l-interazzjonijiet, u effetti tan-netwerk li jagħmlu l-użu tal-pjattaformi b’ħafna mill-utenti l-aktar ta’ valur għal utenti oħra.

Termini u kundizzjonijiet

Il-fornituri ta’ pjattaformi online jridu:

  • jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom għall-utenti professjonali jkunu faċli biex jinftiehmu u faċilment disponibbli;
  • jispeċifikaw bil-quddiem ir-raġunijiet possibbli għar-restrizzjoni, għas-sospensjoni jew għat-tmiem tas-servizzi tagħhom;
  • jinnotifikaw lill-utenti professjonali tagħhom mill-anqas 15-il jum bil-quddiem bi kwalunkwe modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom sakemm ma jkunux soġġetti għal obbligu legali speċifiku jew biex jindirizzaw riskji ta’ ċibersigurtà mhux previsti u imminenti — in-nuqqas ta’ rispett ta’ dan l-obbligu jkun ifisser li kwalunkwe modifika tkun nulla u mingħajr effett;
  • jaġixxu in bona fede billi jżommu lura milli jimplimentaw bidliet retro-attivi għat-termini u l-kundizzjonijiet, billi jipprovdu dritt ta’ terminazzjoni lill-utenti professjonali tagħhom u billi jiddeskrivu jekk iżommux aċċess għad-data tal-utenti kummerċjali tagħhom wara t-tmiem tal-kuntratt tagħhom;
  • jispjegaw jekk jirriservawx xi dritt fir-rigward tal-propjetà intellettwali tal-utenti professjonali tagħhom jew f’termini tal-kapaċità tal-pjattaformi li jikkummerċjalizzaw l-oġġetti jew is-servizzi tal-utenti professjonali tagħhom barra l-pjattaforma rilevanti;
  • jipprovdu lill-utenti professjonali b’dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal restrizzjoni, sospensjoni jew terminazzjoni tas-servizzi tagħhom — fil-każ ta’ tmiem ġenerali, dikjarazzjoni bħal din għandha tingħata 30 jum bil-quddiem;
  • jiżguraw li l-identità tal-utenti professjonali tagħha tkun viżibbli b’mod ċar.

It-termini u l-kundizzjonijiet għandhom jinkludu:

  • il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni u l-importanza relattiva tagħhom relattiva għall-parametri l-oħra kollha — din id-deskrizzjoni għandha tinkludi kull possibbiltà li tinfluwenza l-klassifikazzjoni kontra rimunerazzjoni diretta jew indiretta (minbarra l-pjattaformi online, il-magni tat-tiftix online jridu jistabbilixxu wkoll il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni);
  • jekk applikabbli, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe oġġett jew servizz anċillari li l-pjattaforma online tista’ toffri hi stess bħala komplement għall-oġġetti jew is-servizzi tal-utenti professjonali tagħha;
  • deskrizzjoni ta’ kwalunkwe trattament iddifferenzjat mogħti lill-oġġetti u s-servizzi li joffru huma stess (jew mill-utenti professjonali li jikkontrollaw), meta mqabbel mat-trattament li jagħtu lil oġġetti u servizzi offruti minn utenti professjonali oħra (dan l-obbligu japplika wkoll għal magni tat-tiftix online);
  • deskrizzjoni tal-aċċess tekniku u kuntrattwali tal-utenti professjonali għal data personali jew data oħra li l-utenti kummerċjali jew konsumaturi jipprovdu għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jew li huma ġġenerati permezz tal-użu ta’ dawk is-servizzi;
  • jekk applikabbli, il-kunsiderazzjoni legali, ekonomika jew kummerċjali għal kwalunkwe restrizzjoni tal-abbiltà tal-utenti professjonali li joffru l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom taħt termini differenti permezz ta’ kanali oħra;
  • informazzjoni rigward l-aċċess u l-funzjonament tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti tal-pjattaformi online kif ukoll medjatur wieħed jew aktar li jistgħu jirrikorru għalihom l-utenti kummerċjali biex jippruvaw isolvu kwalunkwe tilwima mal-fornitur rilevanti tal-pjattaforma online.

Ilmenti, medjazzjoni u rimedju

  • Il-fornituri ta’ pjattaforma online li jimpjegaw aktar minn 50 persuna jew li għandhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 10 miljun għandhom jistabbilixxu u jħaddmu sistema interna għat-trattament ta’ lmenti minn utenti professjonali dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu legali stabbilit fir-regolament, jew kwalunkwe kwistjoni teknoloġika, miżuri meħuda jew imġiba minn fornituri li jistgħu jaffettwaw l-utenti kummerċjali. L-ilmenti għandhom jiġu pproċessati malajr u b’mod effettiv, u l-eżitugħandu jiġi kkomunikat individwalment, b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.
  • Biex jinfurmaw is-sorveljanza inkluż permezz tal-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaforma Online, il-fornituri tal-pjattaforma online għandhom jippubblikaw statistika dwar l-effettività tas-sistemi interni tagħhom għat-trattament tal-ilmenti.
  • Biex ikomplu jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta’ tilwim rapida u effettiva, il-fornituri tal-pjattaforma online għandhom jidentifikaw medjatur wieħed jew aktar li jistgħu jirrikorru għalihom l-utenti kummerċjali biex jippruvaw isolvu kwalunkwe tilwima mal-fornitur rilevanti tal-pjattaforma online.

Infurzar

  • L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u l-korpi pubbliċi għandhom dritt awtonomu li jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali u biex imorru kontra kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-regolament mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u magni tat-tiftix.
  • Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE se jipprovdu mekkaniżmi effettivi ta’ infurzar pubbliku.

Reviżjoni

L-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaforma Online se jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-impatt tar-regoli l-ġodda kif ukoll tal-kwistjonijiet u l-opportunitajiet emerġenti fl-ekonomija diġitali. Sat-13 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni se tevalwa jekk jistgħux ikunu meħtieġa regoli addizzjonali jew differenti bħala parti mir-reviżjoni prevista tar-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan jibda japplika mit-12 ta’ Lulju 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Servizzi ta’ intermedjazzjoni online: pjattaformi online — servizzi tas-soċjetà tal-informatika li jippermettu lill-utenti kummerċjali joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi, bil-għan li jiffaċilitaw il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn dawk l-utenti kummerċjali u l-konsumaturi; jiġu pprovduti lill-utenti kummerċjali abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornitur ta’ dawk is-servizzi u l-utenti kummerċjali li joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, pp. 57-79)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, pp. 1-18)

Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89-131)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2016/680 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU L 241, 17.9.2015, pp. 1-15)

Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, pp. 1-32)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, pp. 6-16)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, 24.5.2008, pp. 3-8)

l-aħħar aġġornament 19.08.2019

Top