Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Faċilitazzjoni tal-viżi

Faċilitazzjoni tal-viżi

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim u d-Deċiżjoni 2014/242/UE bejn l-UE u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

Il-Ftehim u d-Deċiżjoni 2013/628/UE bejn l-UE u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

Il-Ftehim u d-Deċiżjoni 2013/521/UE bejn l-UE u r-Repubblika ta’ Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra

Il-Ftehim u d-Deċiżjoni 2007/340/KE bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIMIET U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehimiet jintroduċu proċeduri simplifikati biex il-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra (mhux aktar minn 90 jum f’perjodu ta’ 180 jum) isir proċess aktar faċli għall-pajjiżi mhux tal-UE u ċ-ċittadini kkonċernati u, f’xi każijiet, l-arranġament ikun reċiproku għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE). Dawn għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni bħala aspett importanti tal-iżvilupp stabbli tar-rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u ta’ rabtiet oħrajn.
  • Id-deċiżjonijiet jikkonkludu d-diversi ftehimiet f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Stati Membri tal-Unjoni Ewropea koperti minn dawn il-ftehimiet

  • Il-ftehimiet japplikaw biss għall-ivvjaġġar għal żjarat qosra lejn pajjiżi taż-żona Schengen. Mis-27 Stat Membru, 22 japplikaw il-korp ġuridiku ta’ Schengen (acquis). Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija għadhom mhux japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, filwaqt li l-Irlanda żżomm nonparteċipazzjoni. L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera mhumiex membri tal-UE iżda huma parti miż-żona Schengen.
  • Id-Danimarka u l-Irlanda jżommu n-nonparteċipazzjoni fl-ispazji tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u mhumiex parti minn dawn il-ftehimiet.

Ħtiġijiet tal-viża għal dawk li mhumiex ċittadini tal-UE

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 iħassar u jikkodifika r-Regolament (KE) Nru 539/2001. Ir-regolament jelenka l-pajjiżi mhux tal-UE li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża (Anness II) u dawk il-pajjiżi mhux membri tal-UE li ċ-ċittadini tagħhom iridu jiksbu viża biex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen.

Arranġamenti reċiproċi għaċ-ċittadini tal-UE

L-arranġamenti għaċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, Kap Verde u r-Russja japplikaw b’mod reċiproku għaċ-ċittadini tal-UE.

Prova dokumentarja tar-raġuni taż-żjara

Hija meħtieġa prova dokumentarja xierqa biex tikkonferma l-għan taż-żjara għal diversi kategoriji ta’ applikanti għal viża, li skont il-pajjiż, jistgħu jinkludu:

  • qraba stretti ta’ residenti legali: konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet jew neputijiet;
  • membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali;
  • negozjanti u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju;
  • xufiera li jkunu qed joffru servizzi internazzjonali ta’ ġarr ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri;
  • tfal tal-iskola, studenti u l-għalliema li qed jakkumpanjawhom fuq vjaġġi għal studju;
  • persuni li qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali jew artistiċi;
  • ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjahom;
  • parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u assistenti professjonali;
  • parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju ta’ bliet ġemellati;
  • persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi u dawk li għandhom bżonn jakkumpanjawhom;
  • professjonisti li qed jipparteċipaw f’wirjiet, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti simili internazzjonali;
  • rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq vjaġġi marbuta ma’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi u programmi ta’ skambju;
  • qraba li qed jattendu ċerimonji ta’ dfin;
  • viżitaturi li jżuru ċimiterji militari jew ċivili;
  • persuni li jivvjaġġaw għat-turiżmu.

Viżi għal dħul multiplu

Rekwiżiti differenti japplikaw għal kategoriji differenti ta’ applikanti għal viża, b’viżi validi sa massimu ta’ 5 snin wara l-ħruġ. Ġeneralment, skont il-pajjiż, il-membri tal-familja u l-viżitaturi uffiċjali huma eliġibbli għal viżi ta’ 5 snin, filwaqt li kategoriji oħra huma eliġibbli għal viżi validi għal bejn sena u 5 snin.

Tariffi

Il-ftehimiet jipprovdu għal tnaqqis ta’ miżati għal ċittadini mhux tal-UE meta japplikaw għal visa tax-Schengen. Apparti l-Ftehim ta’ Kap Verde, il-ftehimiet l-oħra kollha għall-faċilitazzjoni tal-viżi kkonċernati jistabbilixxu l-livell tat-tariffa għal EUR 35 (għal kull applikazzjoni). Barra minn hekk, it-tariffi jitneħħew għal ħafna kategoriji ta’ ċittadini skont ir-raġuni għall-ivvjaġġar tagħhom.

Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

Ċittadini li jkunu tilfu d-dokumenti tagħhom jew li nsterqulhom id-dokumenti tagħhom jistgħu jitilqu mill-pajjiż jekk ikollhom dokumenti ta’ identità validi li jintitolawhom li jaqsmu l-fruntiera maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew minn uffiċċji konsulari mingħajr viża jew xi awtorizzazzjoni oħra.

Estensjoni ta’ viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali

Iċ-ċittadini li ma jistgħux jitilqu saż-żmien stipulat fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ċirkostanzi imprevedibbli (force majeure) jistgħu jkollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż bla ħlas soġġett għal-liġijiet tal-pajjiżi involuti.

Passaporti diplomatiċi

Id-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi jistgħu jidħlu, jitilqu u jgħaddu minn territorji koperti minn dawn il-ftehimiet mingħajr viżi. Il-Ftehim ta’ Kap Verde jipprovdi wkoll għall-istess eżenzjoni għad-detenturi ta’ passaport ta’ servizz (passaporti maħruġa għal impjegati tal-gvern).

Dawn il-kategoriji ta’ detenturi ta’ passaport jistgħu jibqgħu fiż-żona Schengen għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f’perjodu ta’ 180 jum.

Kumitati konġunti

Kumitati Konġunti ta’ esperti magħmula minn rappreżentanti tal-UE u dawk ta’ pajjiżi mhux tal-UE kkonċernati jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet.

Ritorn u riammissjoni

Dawn il-ftehimiet huma marbuta ma’ ftehimiet ta’ riammissjoni u ma’ regoli komuni għall-ġestjoni tar-ritorn ta’ migranti irregolari.

Sospensjoni tal-faċilitazzjoni tal-viżi tal-UE-Russja

Wara d-deterjorament tas-sitwazzjoni kkawżata mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li wasslet għal għadd ta’ miżuri restrittivi (ara s-sommarju) u tiġġustifika miżuri biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, l-applikazzjoni tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi hija sospiża kompletament għaċ-ċittadini kollha tar-Russja mit-12 ta’ Settembru 2022 (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500).

Il-Kummissjoni aġġornat linji gwida dwar il-ħruġ tal-viżi fir-rigward tal-applikanti Russi u l-kontrolli taċ-ċittadini Russi fil-fruntieri esterni, inklużi ċ-ċittadini Russi li qed jaħarbu mill-mobilizzazzjoni militari. Il-linji gwida jitolbu lill-konsulati u lill-awtoritajiet tal-fruntieri tal-Istati Membri biex japplikaw aktar kontrolli tas-sigurtà u skrutinju għall-ħruġ tal-viżi, flimkien ma’ kontrolli msaħħa tal-fruntieri, filwaqt li jirrispettaw il-politika tal-ażil tal-UE għal dawk li għandhom bżonn ġenwin ta’ protezzjoni internazzjonali (ara l-linji gwida u l-komunikazzjoni dwar l-għoti ta’ linji gwida dwar il-ħruġ tal-viżi fir-rigward tal-applikanti Russi).

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Pajjiż

Data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim

Id-Deċiżjoni tapplika mill-

Ażerbajġan

1 ta’ Settembru 2014

14 ta’ April 2014

l-Armenja

1 ta’ Jannar 2014

22 ta’ Ottubru 2013

Kap Verde

1 ta’ Diċembru 2014

7 ta’ Ottubru 2013

ir-Russja

1 ta’ Ġunju 2007

19 ta’ April 2007

SFOND

Il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi konklużi mill-UE mal-pajjiżi mhux tal-UE segwenti ma għadhomx japplikaw aktar għal detenturi ta’ passaporti bijometriċi minn dawk il-pajjiżi li sussegwentement ġew eżentati mir-rekwiżit tal-viża: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Georgia, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u l-Ukrajna.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 49-60).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/242/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 47-48).

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 289, 31.10.2013, pp. 2-11).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/628/UE tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 289, 31.10.2013, p. 1).

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta’ Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 282, 24.10.2013, pp. 3-12).

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/521/UE tas-7 ta’ Ottubru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta’ Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 282, 24.10.2013, pp. 1-2).

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 129, 17.5.2007, pp. 27-34).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/340/KEtad-19 ta’ April 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra (ĠU L 129, 17.5.2007, pp. 25-26).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitartal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 234I, 9.9.2022, pp. 1-3)

Ir-Regolament (UE) 2019/592 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 103I, 12.4.2019, pp. 1-4).

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni) (ĠU L 303, 28.11.2018, pp. 39-58).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98-107).

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 215, 21.7.2014, p. 1).

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi (ĠU L 334, 13.12.2013, p. 1).

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta’ Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 321, 7.11.2014, p. 1).

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa (ĠU L 173, 3.7.2007, p. 34).

l-aħħar aġġornament 14.09.2022

Top