Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas tal-iskrinjar għall-investimenti diretti barranin

Qafas tal-iskrinjar għall-investimenti diretti barranin

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2019/452 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jipprovdi qafas tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-iskrinjar tal-investimenti diretti minn pajjiżi mhux tal-UE għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku. Dan jistabbilixxi:

  • possibbiltà li l-Istati Membri tal-UE jkollhom mekkaniżmi trasparenti, prevedibbli u mhux diskriminatorji għall-eżaminazzjoni tal-investimenti diretti barranin* (FDIs), għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku;
  • proċeduri ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-FDIs li aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku;
  • il-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ opinjonijiet, u li l-Istati Membri joħorġu kummenti, dwar dawn l-investimenti.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni ma tarmonizzax l-iskrinjar* nazzjonali tal-FDIs. Xejn ma jipprevjeni Stat Membru milli jiddeċiedi jekk ikollux jew le mekkaniżmu nazzjonali tal-iskrinjar, jew jekk għandux jiskrinja FDI partikolari jew le.

L-Istati Membri:

  • jistgħu jżommu, jemendaw jew jadottaw mekkaniżmi tal-iskrinjar* tal-FDI;
  • jistgħu jiddeċiedu jekk għandhomx ikollhom mekkaniżmi tal-iskrinjar tal-FDI, u jekk iva, iridu:
    • jiżguraw li dawn il-mekkaniżmi jkunu trasparenti, li ma jiddiskriminawx bejn il-pajjiżi mhux tal-UE, li jipproteġu informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva u li joperaw sal-iskadenzi,
    • jippermettu lill-investituri u lill-kumpaniji barranin jappellaw kontra d-deċiżjonijiet dwar l-iskrinjar,
    • ikollhom il-miżuri meħtieġa fis-seħħ biex jidentifikaw u jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tal-mekkaniżmi tal-iskrinjar u tad-deċiżjonijiet dwar l-iskrinjar,
    • jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi tal-iskrinjar eżistenti tagħhom sal-10 ta’ Mejju 2019 u jirrapportaw dawk ġodda fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ tagħhom;
  • kull sena jeħtiġilhom jissottomettu d-dettalji tal-FDI tat-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu;
  • jeħtiġilhom jaħtru punti ta’ kuntatt biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni, bl-istess mod bħall-Kummissjoni.

Fil-valutazzjoni tagħhom tal-FDIs għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jqisu l-effett potenzjali tal-FDIs fuq:

  • l-infrastruttura fiżika jew virtwali kritika, li tvarja minn dik tal-enerġija, tat-trasport u tad-difiża għal dik elettorali, finanzjarja u infrastrutturi oħrajn;
  • it-teknoloġiji kritiċi u l-oġġetti b’użu doppju, bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, il-ħażna tal-enerġija u l-bijoteknoloġiji;
  • provvisti kritiċi, bħall-enerġija jew il-materja prima; u s-sigurtà tal-ikel;
  • l-aċċess għall-informazzjoni sensittiva, inkluża d-data personali;
  • il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; u
  • jekk l-investitur barrani:
    • huwiex direttament jew indirettament kontrollat minn gvern mhux tal-UE, inkluż minn korpi tal-istat jew mill-forzi armati,
    • diġà kien involut f’attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru,
    • ikunx ta’ riskju serju minħabba li jkun involut f’attivitajiet illegali jew kriminali.

Meta Stat Membru jiskrinja FDI, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jistipula li:

  • l-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar jeħtieġlu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-aktar fis possibbli;
  • Stati Membri oħra jistgħu jissottomettu kummenti jekk iqisu li l-FDI aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom;
  • il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni jekk tqis li l-FDI aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f’aktar minn Stat Membru wieħed;
  • il-Kummissjoni teħtieġ tinforma lill-Istati Membri l-oħra meta jkunu ġew sottomessi kummenti jew tkun inħarġet opinjoni.

Jekk FDI ma jiġix skrinjat mill-Istat Membru ospitanti tiegħu, Stat Membru ieħor jista’ jissottometti kummenti jekk iqis li l-FDI jista’ jkollu impatt fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni jekk tikkunsidra li jista’ jiġi affettwat aktar minn Stat Membru wieħed.

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni għal Stat Membru fejn l-FDI ikun ippjanat jew fis-seħħ, jekk tqis li l-proġetti u l-programmi ta’ interess għall-UE jistgħu jiġu affettwati minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew tal-ordni pubbliku. Il-lista attwali, li l-Kummissjoni tista’ temenda permezz ta’ att delegat, tidentifika l-proġetti u l-programmi li ġejjin ta’ interess għall-UE:

L-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu d-dettalji li ġejjin mingħajr dewmien żejjed meta jinnotifikaw l-iskrinjar ta’ FDI, jew jirċievu talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor:

  • l-istruttura tas-sjieda tal-investitur barrani;
  • il-valur approssimattiv tal-FDI;
  • il-prodotti, is-servizzi u l-operazzjonijiet ta’ negozju tal-investitur barrani u tal-impriża fil-mira;
  • l-Istati Membri li fihom il-kumpanija benefiċjarja tinnegozja;
  • is-sors tal-finanzjament tal-investiment;
  • id-data meta l-FDI huwa ppjanat jew ikun tlesta.

Il-Kummissjoni:

  • iżżomm lista aġġornata ta’ mekkaniżmi nazzjonali tal-iskrinjar;
  • tista’ taċċessa pariri minn grupp ta’ esperti li jispeċjalizzaw fl-iskrinjar tal-FDI;
  • tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-gvernijiet tal-UE (l-ewwel rapport annwali ġie ppubblikat fl-2021);
  • tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-evalwazzjoni ġenerali tagħha tal-effikaċja tal-leġiżlazzjoni sat-12 ta’ Ottubru 2023 u kull 5 snin wara dan;
  • għandha s-setgħa li tadotta atti delegati.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-11 ta’ Ottubru 2020.

SFOND

  • Wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat gwida għall-Istati Membri dwar l-FDI u l-moviment liberu tal-kapital minn pajjiżi mhux tal-UE, u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa.
  • Bi tweġiba għall-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, appoġġata b’mod attiv mill-Belarussja, fil-5 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ppubblikat gwida għall-Istati Membri dwar il-valutazzjoni u l-prevenzjoni tat-theddid għas-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-UE mill-investimenti Russi u Belarussi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Investiment dirett barrani. Investiment minn investitur barrani f’operazzjoni bbażata fl-UE li tista’ twassal għal rabtiet dejjiema u diretti, inkluż il-parteċipazzjoni tal-maniġment jew saħansitra l-kontroll tal-kumpanija.
Skrinjar. Proċedura għall-valutazzjoni, għall-investigazzjoni, għall-awtorizzazzjoni, għall-kundizzjoni, għall-projbizzjoni jew għat-treġġigħ lura tas-sistemi
Mekkaniżmi tal-iskrinjar. Il-liġijiet u r-regolamenti li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom iseħħ l-iskrinjar.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, pp. 1-14).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/452 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Gwida lill-Istati Membri rigward l-investiment dirett barrani u l-moviment liberu tal-kapital minn pajjiżi terzi, u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa, qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452 (Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI) (ĠU C 99 I, 26.3.2020, pp. 1-5).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida lill-Istati Membri dwar l-investiment dirett barrani mir-Russja u l-Belarussja fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna u l-miżuri restrittivi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kunsill reċenti dwar is-sanzjonijiet (Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1) u l-emendi tiegħu u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1) u l-emendi tiegħu.) (ĠU C 151I , 6.4.2022, pp. 1-12).

l-aħħar aġġornament 07.01.2022

Top