Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk

Id-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA — dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • jipprovdi bażi xierqa għad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Marokk, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mill-qrib fl-oqsma kollha li jqisu rilevanti għal tali djalogu;
  • jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ fil-merkanzija, fis-servizzi u fil-kapital;
  • jippromwovi l-kummerċ u l-espansjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali armonjużi, b’mod partikolari permezz tad-djalogu u tal-kooperazzjoni, sabiex jitrawmu l-iżvilupp u l-prosperità tal-Marokk u tal-poplu tiegħu;
  • iħeġġeġ l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Magreb permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni bejn il-Marokk u pajjiżi oħra tar-reġjun;
  • jippromwovi l-kooperazzjoni ekonomika, soċjali, kulturali u finanzjarja.

Id-Deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim fih 8 intestaturi.

  • 1.
    Djalogu politiku

    Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet għandhom jiġu żviluppati aktar, b’mod partikolari biex:

    • jittejbu r-relazzjonijiet permezz tal-iżvilupp ta’ fehim reċiproku aħjar u koordinazzjoni regolari dwar kwistjonijiet internazzjonali ta’ interess komuni;
    • jippermettu lil kull parti tqis il-pożizzjoni u l-interessi tal-oħra;
    • jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni tas-sigurtà u tal-istabbiltà b’mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Magreb;
    • jgħinu fl-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti.
  • 2.
    Il-moviment liberu tal-merkanzija
    • Iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom biex jistabbilixxu b’mod gradwali żona ta’ kummerċ ħieles bilaterali fuq perjodu massimu ta’ 12-il sena.
    • Il-ftehim jistabbilixxi proċess għat-tnaqqis u għat-tneħħija ta’ tariffi doganali u kwoti fuq merkanzija kemm mill-UE kif ukoll mill-Marokk.
  • 3.
    Stabbiliment u servizzi
    • Il-partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, b’mod partikolari l-obbligu li jingħata trattament reċiproku tan-nazzjon l-aktar iffavorit, jiġifieri li parti toffri lill-oħra l-aktar termini kummerċjali favorevoli, fis-setturi tas-servizzi koperti minn dak l-obbligu.
    • Il-partijiet jaqblu li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim biex jiġi kopert id-dritt tal-kumpaniji minn parti waħda biex jistabbilixxu lilhom infushom fit-territorju tal-oħra u l-liberalizzazzjoni tal-għoti ta’ servizzi mid-ditti ta’ parti waħda lill-konsumaturi tas-servizzi fl-oħra.
  • 4.
    Pagamenti, kapital, kompetizzjoni u dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra
    • Il-pagamenti attwali għal tranżazzjonijiet attwali jridu jsiru b’munità konvertibbli b’mod liberu.
    • Il-kapital li jikkonċerna l-investimenti diretti fil-Marokk f’kumpaniji ffurmati skont il-liġijiet attwali jista’ jiġi mċaqlaq b’mod liberu u r-rendiment minn tali investimenti u kwalunkwe profitt li jakkumula jista’ jiġi likwidat u ttrasferit lura ’l barra mill-pajjiż.
    • Permezz ta’ konsultazzjoni l-partijiet jimmiraw li, fi żmien raġonevoli, jiffaċilitaw il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-moviment tal-kapital bejn l-UE u l-Marokk.
    • Iż-żewġ naħat huma marbuta b’regoli ta’ kompetizzjoni, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.
  • 5.
    Kooperazzjoni ekonomika

    Il-ftehim għandu l-għan li jappoġġja l-isforzi proprji tal-Marokk biex jikseb żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

    • Il-metodi ta’ kooperazzjoni jinkludu:
      • djalogu ekonomiku regolari li jkopri l-aspetti kollha tal-politika makroekonomika;
      • il-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni;
      • pariri, l-użu tas-servizzi ta’ esperti u taħriġ;
      • impriżi konġunti;
      • assistenza rigward materji tekniċi, amministrattivi u regolatorji.
    • Huwa jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inkluż:
      • l-edukazzjoni u t-taħriġ;
      • l-ambjent;
      • il-kooperazzjoni reġjonali;
      • il-kooperazzjoni xjentifika, teknika u teknoloġika;
      • is-servizzi finanzjarji;
      • it-trasport.
  • 6.
    Kooperazzjoni f’materji soċjali u kulturali
    • Iċ-ċittadini Marokkini li jaħdmu b’mod legali f’pajjiż tal-UE jridu jkunu liberi minn kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat. Iċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu fil-Marokk iridu jirċievu l-istess trattament.
    • Il-partijiet jinvolvu ruħhom fi djalogu regolari dwar kwalunkwe kwistjoni soċjali li tinteressahom.
    • Il-partijiet se jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni kulturali kontinwa sabiex jgħinu biex tingħata spinta lill-għarfien u lill-fehim reċiproku.
  • 7.
    Kooperazzjoni finanzjarja

    Minbarra l-oqsma diġà koperti, il-kooperazzjoni se tinkludi:

    • l-iffaċilitar ta’ riformi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw l-ekonomija;
    • l-aġġornament tal-infrastruttura ekonomika, il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ investiment privat u tal-ħolqien ta’ impjiegi;
    • filwaqt li tqis l-effetti tal-ekonomija Marokkina tal-introduzzjoni progressiva ta’ żona ta’ kummerċ ħieles, b’mod partikolari fejn huwa kkonċernat l-aġġornament u r-ristrutturar tal-industrija;
    • il-ħarsien ta’ miżuri għall-politiki implimentati fis-setturi soċjali.
  • 8.
    Dispożizzjonijiet istituzzjonali u ġenerali

    Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit bil-ftehim, huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ftehim. Il-Kumitat jiltaqa’ fil-livell tal-uffiċjali u jikkonsisti minn rappreżentanti tal-UE u tal-Marokk.

    Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ f’livell ministerjali. Ir-rwol ewlieni tiegħu huwa li jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tirriżulta fi ħdan il-qafas tal-ftehim u kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess reċiproku

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000.

SFOND

  • Il-ftehim huwa bbażat fuq is-sħubija Ewro-Mediterranja (EuroMed) stabbilita bejn l-UE u pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran.
  • EuroMed hija parti mill-politika Ewropea tal-viċinat.
  • In-Negozjati għal Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Marokk ġew imnedija fl-1 ta’ Marzu 2013.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2000/204/KE, KEFA tal-24 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 70, 18.3.2000, p. 1)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra — Protokoll 1 dwar l-arranġamenti li japplikaw għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Marokk — Protokoll 2 dwar l-arranġamenti li japplikaw għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Marokk — Protokoll 3 dwar l-arranġamenti li japplikaw għall-importazzjonijiet fil-Marokk ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità — Protokoll 4 dwar id-definizzjoni ta’ prodotti oriġinarji u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva — Protokoll 5 dwar l-assistenza reċiproka f’materji doganali bejn l-awtoritajiet amministrattivi — Att Finali — Dikjarazzjonijiet Konġunti — Ftehimiet fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri — Dikjarazzjoni mill-Komunità — Dikjarazzjonijiet mill-Marokk (ĠU L 70, 18.3.2000, pp. 2-204)

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Rapporti individwali u skedi informattivi dwar l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet tal-UE dwar il-Kummerċ Ħieles — Li jakkumpanja d-dokument — Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles l-1 ta’ Jannar 2017-il-31 ta’ Diċembru 2017 (SWD(2018) 454 final, 31.10.2018)

Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27-43).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/EU tat-8 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 241, 7.9.2012, pp. 2-3)

Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 241, 7.9.2012, pp. 4-47)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/392/UE tat-13 ta’ Mejju 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (OJ L 176, 5.7.2011, p. 1)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (ĠU L 176, 5.7.2011, pp. 2-15)

Protokoll għall-ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa waħda u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 242, 19.9.2005, pp. 2-35)

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni reċiproka u l-bdil ta’ protokolli agrikoli mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KE u l-Marokk — Protokoll Nru 1 rigward l-arranġamenti applikabbli għal importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Marokk — Protokoll Nru 3 rigward l-arranġamenti applikabbli għal importi fil-Marokk ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità (ĠU L 345, 31.12.2003, pp. 119-149)

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti emendi għall-Annessi 2, 3, 4 u 6 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra(OJ L 70, 18.3.2000, pp. 206-227)

l-aħħar aġġornament 05.06.2019

Top