Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċedura ta’ notifika tal-UE għall-UCITS

Proċedura ta’ notifika tal-UE għall-UCITS

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 584/2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi fid-dettall il-proċeduri u l-forom li għandhom jużaw l-awtoritajiet nazzjonali meta jittrażmettu informazzjoni b’mod elettroniku lil xulxin kif mitlub mid-Direttiva 2009/65/KE dwar regoli li jikkonċernaw impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

Dawn il-proċeduri u forom huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-proċess u l-komunikazzjoni joperaw mingħajr xkiel meta UCITS* jixtieq jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu f’pajjiż tal-UE ieħor.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jiżviluppa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika tal-UCITS (Direttiva 2009/65/KE). Din id-direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta atti ta’ implimentazzjoni filwaqt li jiġu stabbiliti f’iktar dettall aspetti proċedurali tal-liġi oriġinali.

UCITS li tixtieq topera f’pajjiż ieħor tal-UE għandha l-ewwel tissottometti lill-awtoritajiet nazzjonali tagħha stess ittra ta’ notifika standard bl-intenzjoni tagħha. Din fiha d-dettalji bażiċi tal-kumpanija maniġerjali fil-forma preskritta fl-anness għal dan ir-regolament.

L-awtoritajiet nazzjonali:

  • iridu jikkonfermaw li l-informazzjoni sottomessa tissodisfa l-kundizzjonijiet legali meħtieġa;
  • jistabbilixxu indirizz deżinjat tal-posta elettronika għall-komunikazzjonijiet kollha;
  • jittrasferixxu lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż tal-UE l-ieħor id-dokumentazzjoni rilevanti kollha f’format standard;
  • jistgħu jaqblu li jużaw forma iktar sofistikata ta’ komunikazzjoni elettronika mill-posta elettronika;
  • jikkonfermaw, mhux iktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol, li rċevew id-dokumentazzjoni mibgħuta lilhom.

Dan ir-regolament jistabbilixxi proċeduri għall-kooperazzjoni fil-każ ta’ verifiki u investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju ta’ pajjiż ieħor tal-UE.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom:

  • jipprovdu spjegazzjonijiet ċari u avviż suffiċjenti meta jitolbu d-dritt li jwettqu investigazzjoni fuq il-post jew intervisti f’pajjiż tal-UE ieħor;
  • jagħmlu disponibbli kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiż l-ieħor tal-UE;
  • jistgħu jiddeċiedu jekk iwettqux l-investigazzjoni huma stess jew jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż tal-UE l-ieħor jagħmlu dan.

Dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll standards għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-UE li jkopru l-miżuri serji kollha meħuda kontra l-UCITS, inkluża kwalunkwe bidla fl-istatus ta’ UCITS, bħall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika sa mill-1 ta’ Lulju 2011.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

UCITS: strumenti ta’ investiment li jiġbru flimkien il-kapital tal-investituri u jinvestu dak il-kapital b’mod kollettiv permezz ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji bħal stokks, bonds u titoli oħrajn.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 16-27)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32–96)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/65/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 22.10.2018

Top