Ftehim dwar l-Assigurazzjonijiet u r-Riassigurazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti
SOMMARJU TA’:
Ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjonijiet u r-riassigurazzjonijiet
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1792 dwar l-iffirmar, f’isem l-UE, u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni
Id-Deċiżjoni (UE) 2018/539 dwar il-konklużjoni tal-ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?
- Il-ftehim għandu l-għan li:
- isaħħaħ iċ-ċertezza regolatorja u jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-assiguraturi u r-riassiguraturi* li joperaw fl-UE u fl-Istati Uniti;
- itejjeb il-ħarsien tad-detenturi tal-poloz u konsumaturi oħra;
- jippromovi l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn is-superviżuri fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1792 tapprova l-iffirmar tal-UE għall-ftehim bilaterali. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/539 tapprova l-ftehim innifsu.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim:
- jelimina l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ preżenza lokali, kollateral* jew rekwiżiti simili fuq kumpanija (“riassiguratur ċessjonarju”) li ma jkunx ibbażat fuq l-istess ġurisdizzjoni tal-assiguratur oriġinali (“assiguratur ċedenti”);
- jispeċifika li biex wieħed jibbenefika minn trattament ugwali, riassiguratur ċessjonarju għandu jikkonforma ma’ ċerti kundizzjonijiet ta’ kondotta finanzjarja u tas-suq, bħal
- li jkollu mill-inqas EUR 226 miljun meta l-assiguratur ċedenti jkun ibbażat fl-UE jew $ 250 miljun jekk ikunu domiċiljati fl-Istati Uniti;
- li jżomm ċertu proporzjon ta’ solvenza;
- li jipprovdi dokumentazzjoni lill-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti meta mitlub; u
- li jħallas fil-pront kwalunkwe pretensjoni skont il-ftehim tal-assigurazzjoni;
- li jistabbilixxi l-proċedura li l-awtorità ospitanti għandha ssegwi jekk tixtieq timponi kwalunkwe kundizzjoni għaliex tqis li riassiguratur ċessjonarju ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti elenkati kollha;
- li jikkonferma li s-superviżjoni ta’ kumpanija tar-riassigurazzjoni hija f’idejn l-awtoritajiet fil-ġurisdizzjoni fejn hija bbażata l-kumpanija omm, għalkemm l-awtoritajiet ospitanti jistgħu jkunu involuti f’ċerti ċirkostanzi;
- li jħeġġeġ lill-awtoritajiet superviżorji fl-UE u fl-Istati Uniti biex jiskambjaw l-informazzjoni filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità — anness jagħti dettalji dwar kif għandhom jitmexxew l-iskambji;
- li jistabbilixxi kumitat konġunt ta’ rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Uniti biex jiltaqgħu regolarment u jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehim;
- li jippermetti lil kwalunkwe parti, wara li tikkonsulta lill-oħra, li ttemm il-ftehim sakemm jiġu segwiti ċerti proċeduri.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-4 ta’ April 2018, għalkemm kien diġà ilu japplika b’mod proviżorju mis-7 ta’ Novembru 2017.
SFOND
- Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni ta’ spiss joħorġu r-riassigurazzjoni biex inaqqsu r-riskju tagħhom, speċjalment meta jiffaċċjaw diżastri ambjentali maġġuri jew diżastri oħra possibbli. Ir-riassiguratur, bi skambju għal primjum, iħallas sehem minn kull pretensjoni kontra l-assiguratur oriġinali.
- L-UE u l-Istati Uniti huma sħab kummerċjali ewlenin fis-servizzi tar-riassigurazzjoni. Madankollu, il-liġijiet tal-assigurazzjoni tal-Istat fl-Istati Uniti kienu jeħtieġu li riassiguraturi mhux tal-Istati Uniti, ħlief dawk ibbażati fi Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju Unit, idaħħlu kollateral ta’ 100 % għar-riskji involuti — deterrent sinifikanti għal ħafna kumpaniji fl-UE.
- L-armonizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-UE permezz tad-Direttiva dwar Solvibbiltà II (id-Direttiva 2009/138/KE — ara s-sommarju) wittiet it-triq għan-negozjati tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni mal-Istati Uniti fl-2015. Dawn tlestew f’Jannar 2017.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Riassiguratur: kumpanija li tipprovdi protezzjoni finanzjarja lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
Kollateral: assi bħal flus u ittri ta’ kreditu.
DOKUMENTI EWLENIN
Il-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjonijiet u r-riassigurazzjonijiet (ĠU L 258, 6.10.2017, pp. 4-21)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1792 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (ĠU L 258, 6.10.2017, pp. 1-2)
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (UE) 2017/1792 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/539 tal-20 ta’ Marzu 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (ĠU L 90, 6.4.2018, pp. 36-37)
DOKUMENTI RELATATI
Avviż għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (ĠU L 91, 9.4.2018, p. 1)
Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (ĠU L 288, 7.11.2017, p. 1)
l-aħħar aġġornament 28.09.2020