Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo*

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/342 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo

Id-Deċiżjoni 2015/1988 dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-FTEHIM?

Id-Deċiżjonijiet jimmarkaw l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-Kosovo.

Il-ftehim ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-Kosovo bħala Stat indipendenti mill-UE jew minn pajjiżi individwali tal-UE.

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Kosovo biex isaħħaħ id-demokrazija l-istat tad-dritt;
  • isir kontribut għall-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fil-Kosovo, kif ukoll għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;
  • jiġi pprovdut qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn l-UE u l-Kosovo;
  • jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Kosovo sabiex jiżviluppa l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tiegħu, inkluż permezz tal-allinjament tal-liġijiet tiegħu aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE;
  • jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Kosovo sabiex ilesti t-tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona;
  • jiġu promossi relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi u gradwalment tiġi żviluppata żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kosovo:
  • titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali.

PUNTI EWLENIN

L-FSA jinkludi 10 intestaturi.

 

  • 1.
    Prinċipji Ġenerali

    L-FSA huwa bbażat fuq numru ta’ prinċipji essenzjali. Il-Kosovo jaqbel li:

     

  • 2.
    Djalogu politiku

    Id-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet għandu jiġi żviluppat aktar. Dan se jippromwovi, b’mod partikolari:

    • Il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-komunità demokratika internazzjonali, dejjem jekk iċ-ċirkostanzi oġġettivi jippermettu dan;
    • l-avvanz tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u tal-armonizzazzjoni gradwali (tqarrib) mal-UE;
    • iż-żieda fil-konverġenza ma’ ċerti miżuri tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-UE;
    • kooperazzjoni reġjonali effettiva, inklużiva u rappreżentattiva u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mal-viċinat tajba fil-Balkani tal-Punent;
    • il-proċess ta’ normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja. Il-Kosovo jimpenja ruħu għal impenn kontinwu għat-titjib viżibbli u sostenibbli fir-relazzjonijiet mas-Serbja.

     

  • 3.
    Kooperazzjoni reġjonali

    Il-Kosovo huwa mitlub jieħu numru ta’ passi. Permezz ta’ strumenti xierqa, l-UE tista’ tappoġġja dawn l-isforzi, li jinkludu:

    • l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali;
    • li tiġi mfittxija kooperazzjoni mal-pajjiżi li diġà ffirmaw FSA mal-UE bil-għan li jitwettqu ftehimiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni reġjonali;
    • li tiġi mfittxija kooperazzjoni reġjonali u bilaterali mal-pajjiżi involuti fil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni (SAP) f’uħud mill-oqsma ta’ kooperazzjoni li huma koperti minn dan il-ftehim jew fl-oqsma kollha;
    • li trawwem kooperazzjoni u, jekk ikun possibbli, tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ kwalunkwe pajjiż kandidat tal-UE mhux involut fil-PSA.

     

  • 4.
    Il-moviment ħieles tal-prodotti
    • Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom biex gradwalment jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles bilaterali fuq perjodu massimu ta’ 10 snin.
    • L-FSA jistabbilixxi proċess għat-tnaqqis u għat-tneħħija ta’ tariffi u kwoti doganali fuq oġġetti kemm mill-UE kif ukoll mill-Kosovo.

     

  • 5.
    Il-moviment tal-ħaddiema, l-istabbiliment, il-provvista tas-servizzi u l-moviment tal-kapital
    • Il-kumpaniji (kif ukoll is-sussidjarji u l-fergħat) ibbażati f’parti waħda se jitħallew jistabbilixxu operazzjonijiet fit-territorju tal-parti l-oħra taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kumpaniji bbażati f’dak it-territorju.
    • Kumpanija tal-UE stabbilita fit-territorju tal-Kosovo jew kumpanija tal-Kosovo stabbilita fl-UE tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, timpjega, jew tħalli lil sussidjarja jew fergħa tagħha, timpjega, impjegati li huma ċittadini tal-UE jew ċittadini tal-Kosovo rispettivament.
    • Iż-żewġ partijiet iridu jieħdu passi li progressivament jippermettu lill-kumpaniji jew liċ-ċittadini tagħhom jipprovdu servizzi fit-territorju tal-parti l-oħra.
    • Il-pagamenti u t-trasferimenti kollha fuq il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti bejn l-UE u l-Kosovo jridu jiġu permessi b’munita konvertibbli b’mod liberu.

     

  • 6.
    L-allinjament tal-liġijiet tal-pajjiż ma’ dawk tal-UE
    • Il-Kosovo jaqbel li jiżgura li l-liġi eżistenti tiegħu u l-leġiżlazzjoni futura, gradwalment se jsiru kompatibbli mal-acquis tal-UE u li tali liġijiet jiġu implimentati u infurzati kif xieraq.
    • Inizjalment, dan se jiffoka fuq elementi fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern u tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, kif ukoll fuq oqsma relatati mal-kummerċ.
    • Iż-żewġ naħat huma marbuta b’regoli ta’ kompetizzjoni, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.

     

  • 7.
    Libertà, sigurtà u ġustizzja

    L-FSA jenfasizza l-importanza tal-istat tad-dritt u r-rinfurzar tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-amministrazzjoni ġenerali u tal-infurzar tal-liġijiet u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod partikolari.

    Il-kooperazzjoni b’mod partikolari għandha l-għan li:

    • issaħħaħ l-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-ġudikatura fil-Kosovo u ttejjeb l-effiċjenza tagħha;
    • tiżviluppa strutturi adegwati għall-pulizija, għall-prosekuturi u għall-imħallfin u għal korpi ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi oħra sabiex:
      • tħejjijhom b’mod adegwat għall-kooperazzjoni f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali, u
      • tippermettilhom jipprevjenu, jinvestigaw, jipproċessaw u jiddeċiedu dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu.

     

  • 8.
    Politiki ta’ kooperazzjoni

    L-UE u l-Kosovo għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib dwar firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika biex jgħinu l-iżvilupp u t-tkabbir potenzjali tal-Kosovo.

     

  • 9.
    Kooperazzjoni finanzjarja

    Bħala għajnuna biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan il-ftehim, il-Kosovo jista’ jirċievi assistenza finanzjarja mill-UE fil-forma ta’ għotjiet u self, inkluż self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

    L-assistenza finanzjarja tal-UE hija tiddependi fuq il-progress ulterjuri fl-issodisfar tal-kriterji ta’ Copenhagen.

     

  • 10.
    Superviżjoni

    L-FSA jistabbilixxi kunsill ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (KSA) biex jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FSA.

    Il-KSA huwa assistit fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu minn kumitat ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

     

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-12 ta’ Frar 2016 u l-ftehim mill-1 ta’ April 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni żur:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fuq naħa, u l-Kosovo*, minn naħa l-oħra (ĠU L 71, 16.3.2016, pp. 3-321)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/342 tat-12 ta’ Frar 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo*, min-naħa l-oħra (ĠU L 71, 16.3.2016, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 tat-22 ta’ Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra, u l-Kosovo*, min-naħa l-oħra (ĠU L 290, 6.11.2015, pp. 4-6)

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — il-Kosovo* Ir-Rapport tal-2018 — Jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE (SWD(2018) 156 final, 17.4.2018)

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo*, min-naħa l-oħra (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 1)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 11-26)


*Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

l-aħħar aġġornament 22.03.2018

Top