EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Skemi ta’ garanzija tad-depożiti

Skemi ta’ garanzija tad-depożiti

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2014/49/UE dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti biex jiġu protetti depożitanti ta' istituzzjonijiet ta' kreditu

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

Din fittex li tipproteġi lid-depożitanti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, kif ukoll li tissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema bankarja tal-Unjoni Ewropea (UE) b’mod ġenerali.

PUNTI EWLENIN

  • L-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (DGSs) huma kontroparti essenzjali għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħall-banek, sabiex tinħoloq solidarjetà bejn l-istituzzjonijiet kollha li joperaw fl-istess suq finanzjarju f’każ li wieħed minnhom ifalli
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jintroduċi liġijiet li jiżguraw li:
    • titwaqqaf//jitwaqqfu DGS waħda jew aktar fuq it-territorju tagħhom u li l-banek kollha jintalbu jissieħbu fihom;
    • ikun hemm livell armonizzat ta’ protezzjoni għad-depożitanti

Livell ta' kopertura

  • Id-depożiti huma koperti għal kull depożitant għal kull bank. Dan ifisser li l-limitu ta' €100 000 japplika għall-kontejiet aggregati kollha tal-istess bank. Għall-kontijiet konġunti (eż. li jappartjenu lil koppja), il-limitu ta’ €100,000 japplika għal kull depożitant.
  • Xi depożiti – bħal dawk marbuta ma’ avvenimenti tal-ħajja bħal żwieġ, divorzju, irtirar, sensja, invalidità jew mewt – jistgħu jiġu protetti ’il fuq minn €100 000 għal perjodu ta’ żmien limitat (ta’ mill-inqas 3 xhur u mhux aktar minn 12-il xahar).

Il-benefiċjarji tal-garanzija

  • Id-DGSs jipproteġu d-depożiti kollha miżmuma minn individwi u kumpaniji ta’ kull daqs.
  • Id-depożiti tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet finanzjarji mhumiex koperti (għajr għall-awtoritajiet lokali żgħar).
  • Id-depożiti f’muniti ta’ pajjiżi mhux tal-UE jiġu koperti wkoll, li hija importanti għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li huma attivi f’bosta pajjiżi.

Ħlas lura

  • L-iskadenzi għall-ħlas lura jitnaqqsu gradwalment mill-20 jum tax-xogħol applikabbli attwalment għal 7 ijiem tax-xogħol fi 3 fażijiet:
    • 15-il jum tax-xogħol mill-2019;
    • 10 ijiem tax-xogħol mill-2021;
    • 7 ijiem tax-xogħol mill-2024.
  • Matul il-perjodu tranżitorju, id-depożitanti fil-bżonn jistgħu jitolbu għal “ħlas soċjali”, li huwa ammont limitat maħsub biex ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom.
  • Id-depożitanti fil-fergħat tal-bank f’pajjiż ieħor tal-UE qed jitħallsu mid-DGS f’dak il-pajjiż (id-DGS ospitanti), li taġixxi bħala “punt ta’ kuntatt waħdieni” f’isem id-DGS tal-oriġini.

Il-finanzjament tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti

  • Il-liġi tikkonferma l-prinċipju fundamentali li huwa l-bażi tad-DGSs: dawn għandhom jiġu ffinanzjati mill-banek. Il-kontribuzzjonijiet tad-DGSs jirriflettu l-profili ta' riskju tal-banek individwali, jiġifieri banek aktar riskjużi jridu jħallsu aktar
  • Hija titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jiżguraw li, sat-3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ DGS jilħqu livell fil-mira ta’ mill-inqas 0.8 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-membri tagħha (jew madwar € 55 biljun).

L-użu tal-fondi

  • Fil-prinċipju, il-fondi tad-DGS għandhom jintużaw sabiex jirrimborżaw lid-depożitanti wara falliment ta’ bank. Dawn il-fondi jistgħu jintużaw, taħt kondizzjonijiet stretti, għal intervent bikri sabiex jiġi evitat il-falliment ta’ bank jew għal xi miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-banek, eż. it-trasferiment ta’ depożiti minn bank li qiegħed ifalli għal bank ieħor

Informazzjoni dwar id-depożitanti

  • Il-liġi ttejjeb l-istandard tal-informazzjoni mogħtija lid-depożitanti dwar il-protezzjoni tad-depożiti tagħhom. Il-banek ikollhom jipprovdu lid-detenturi tal-kontijiet b’informazzjoni ċara dwar il-protezzjoni tad-depożitanti kull sena.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha mit-3 ta' Lulju 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149-178).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/49/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 21.11.2016

Top