EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Vetturi sikuri għall-agrikoltura u għall-forestrija

Vetturi sikuri għall-agrikoltura u għall-forestrija

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar is-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent kif ukoll proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip* ta’ tratturi* u vetturi oħra għall-agrikoltura u għall-forestrija.

Il-kategoriji speċifiċi tal-vetturi (R = karrijiet, S = tagħmir irmunkat interkambjabbli, T = tratturi bir-roti, u C = tratturi biċ-ċineg) u s-subkategoriji (R1, R2, eċċ.) huma elenkati fl-Artikolu 4 tar-regolament.

Ir-regolament ġie emendat u aġġornat diversi drabi:

  • li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 (ara s-sommarju) jallinja l-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija għal makkinarju mobbli mhux tat-triq (NRE) fir-rigward tal-valuri ta’ limitu speċifiċi, il-proċeduri tat-testijiet u r-rekwiżiti għall-emissjonijiet li jniġġsu li għandhom jiġu ssodisfati.
  • li jemenda r-Regolament (UE) 2019/519 jiċċara d-deskrizzjonijiet tat-tratturi bir-roti għall-agrikoltura T1 u T2 fir-Regolament (UE) Nru 167/2013.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, karrijiet* u tagħmir irmunkat interkambjabbli*. Madankollu, il-manifatturi jistgħu jagħżlu li minflok jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali fil-każ ta’ tratturi biċ-ċineg, bi clearance għolja jew wesgħin ħafna, kif ukoll karrijiet u tagħmir irmunkat interkambjabbli.

Fil-każ tat-tratturi, dan ir-regolament ikopri r-rekwiżiti rilevanti kollha tas-sikurezza, filwaqt li għall-karrijiet, tagħmir irmunkat interkambjabbli jew kull makkinarju installat fuq it-tratturi, id-Direttiva 2006/42/KE (ara s-sommarju) tapplika għal dawk ir-riskji mhux koperti minn dan ir-regolament.

Il-manifatturi huma responsabbli għall-vetturi u l-komponenti li jikkonformaw mar-regolament f’termini ta’ sikurezza u minimizzazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, inkluż, iżda mhux limitat għal:

  • l-integrità strutturali;
  • il-protezzjoni u l-istrutturi kontra l-qlib;
  • l-ispazju għall-immanuvrar u l-aċċess għall-pożizzjoni tas-sewqan;
  • il-viżibilità u l-kontrolli, inkluż il-waqfien tal-emerġenza;
  • dawl, disinn estern, tajers, brejkijiet u aċċessorji;
  • il-ħoss estern u intern;
  • l-emissjonijiet li jniġġsu.

Il-manifatturi għandhom jipprovdu wkoll lin-negozjanti u lil dawk li jsewwu aċċess faċli għal siti web b’informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, materjal ta’ taħriġ u għodod tax-xogħol.

Proċedura għall-approvazzjoni tat-tip

  • L-applikazzjoni tista’ ssir fi stadji jew għall-komponenti individwali. Fajl ta’ informazzjoni, b’data, disinni u ritratti, huwa sottomess lill-awtorità tal-approvazzjoni* tal-pajjiż tal-UE, segwit mill-ittestjar tal-konformità u l-ħruġ ta’ ċertifikat.
  • L-awtoritajiet tal-approvazzjoni ta’ pajjiżi oħra tal-UE jiġu nnotifikati bl-approvazzjonijiet li kellhom suċċess fi żmien xahar, filwaqt li n-notifika ta’ falliment jew ta’ rtirar tal-approvazzjoni għandha tiġi kkomunikata mingħajr dewmien, jekk xi sejba titqies bħala riskju għas-sigurtà.

Kontrolli u penali

Il-manifatturi jiġu kkontrollati b’mod regolari minn awtorità kompetenti jew servizz tekniku maħtur. Il-pajjiżi tal-UE jwettqu sorveljanza tas-suq u kontrolli tal-vetturi, sistemi u komponenti li jidħlu fis-suq u japplikaw penali jekk jiġu miksura r-regolamenti.

Atti delegati u implimentati

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li ġejjin.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1322/2014 li jissupplementa u jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-metodi tal-ittestjar meħtieġa għall-kostruzzjoni ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija biex jitnaqqas ir-riskju ta’ korriment għal persuni li jaħdmu fuq il-vettura jew magħha.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/68 li jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 167/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ibbrejkjar tal-vettura li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tal-ittestjar fir-rigward tas-sikurezza funzjonali fir-rigward tal-prestazzjoni tal-ibbrejkjar ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, u sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/208 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza funzjonali tal-vetturi jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tat-testijiet fir-rigward tas-sikurezza funzjonali, għajr fir-rigward tar-rendiment tal-brejkijiet, għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u s-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/504 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni ta’ vetturi ġodda għall-agrikoltura u għall-forestrija, kif ukoll ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfasslin u mibnija għat-tali vetturi u għat-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta’ parts jew tagħmir li jistgħu joħolqu riskju serju għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/985 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom. Sabiex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1564 jemenda r-Regolament (UE) 2018/985 li jestendi l-perjodi ta’ tranżizzjoni tiegħu:
    • għal magni tas-subkategoriji fi ħdan il-kategorija NRE li għalihom id-data obbligatorja tal-applikazzjoni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq hija l-1 ta’ Jannar 2020, il-pajjiżi tal-UE għandhom jawtorizzaw l-estensjoni tal-perjodu ta’ 24 xahar ta’ tqegħid fis-suq u tal-perjodu ta’ 18-il xahar ta’ manifattura bi 12-il xahar addizzjonali għall-manifatturi tal-vetturi bi produzzjoni annwali totali ta’ inqas minn 100 unità ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magna;
    • għal magni tas-subkategoriji kollha li għalihom id-data obbligatorja ta’ applikazzjoni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq hija l-1 ta’ Jannar 2019, il-perjodu ta’ 24 xahar ta’ tqegħid fis-suq u l-perjodu ta’ 18-il xahar ta’ manifattura se jiġu estiżi bi 12-il xahar.

Reviżjoni

Sal-aħħar tal-2019, il-pajjiżi tal-UE kellhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tar-regolament li, min-naħa tagħha, għandha tippreżenta rapport sal-31 ta’ Diċembru 2022 bi proposti għal leġiżlazzjoni, jekk xieraq.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2016.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2016/1628 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/519 ilu japplika mit-18 ta’ April 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Approvazzjoni tat-tip: il-proċedura li biha awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jissodisfa ċerti rekwiżiti leġiżlattivi preskritti.
Trattur: vettura bil-mutur, bir-roti jew bil-katina għall-agrikoltura jew għall-forestrija li tista’ tivvjaġġa aktar minn 6 km/h, iddisinjata biex tiġbed, timbotta, iġġorr u tattiva tagħmir jew biex tirmonka karrijiet.
Karru: kwalunkwe vettura agrikola jew forestali maħsuba l-aktar biex tiġi rmunkata minn trattur u maħsuba l-aktar biex iġġorr tagħbijiet jew biex tipproċessa materjali.
Tagħmir irmunkat interkambjabbli: kull vettura użata fl-agrikoltura jew fil-forestrija ddisinjata biex tiġi rmunkata minn trattur, li tinkorpora għodda u tagħmir li jibdlu jew iżidu mal-funzjonijiet tat-trattur u li jaħżnu temporanjament kull materjal prodott jew meħtieġ matul ix-xogħol.
Awtorità tal-approvazzjoni: l-awtorità stabbilita minn pajjiż tal-UE b’kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, pp. 1-51)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 167/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 tat-12 ta’ Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (ĠU L 182, 18.7.2018, pp. 1-15)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/504 tal-11 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 85, 28.3.2015, pp. 1-197)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/208 tat-8 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza funzjonali tal-vetturi għall-approvazzjoni ta’ vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija (ĠU L 42, 17.2.2015, pp. 1-175)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/68 tal-15 ta’ Ottubru 2014 li jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ibbrejkjar tal-vettura għall-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 17, 23.1.2015, pp. 1-139)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.12.2020

Top