EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Limiti tal-emissjonijiet u regoli tal-approvazzjoni tat-tip għal makkinarju mobbli mhux tat-triq

Limiti tal-emissjonijiet u regoli tal-approvazzjoni tat-tip għal makkinarju mobbli mhux tat-triq

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 — rekwiżiti għal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati għall-magni b’kombustjoni interna

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jiddefinixxi l-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti għal magni ta’ firxiet ta’ potenza u applikazzjonijiet differenti għal makkinarju mobbli mhux tat-triq (NRMM) (ara taħt) bil-għan li l-emissjonijiet jitnaqqsu gradwalment u li t-tagħmir bl-aktar magni li jniġġsu jitneħħa progressivament.

PUNTI EWLENIN

Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq (NRMM) ikopri firxa wiesgħa ħafna ta’ makkinarju li tipikament ma jintużax fuq toroq pubbliċi, bħal:

  • tagħmir żgħir tal-ġnien u tagħmir portabbli (tagħmir għall-ittrimmjar tal-ħaxix, srieraq makkinizzati, eċċ.);
  • makkinarju tal-kostruzzjoni (gafef, loaders, buldowżers, eċċ.);
  • makkinarju tal-agrikoltura u tal-biedja (magni tal-ħsad, koltivaturi, eċċ.);
  • awtovaguni, lokomottivi u bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma intern.

Ir-Regolament ma japplikax għal magni għal għadd ta’ applikazzjonijiet speċifiċi, inkluż dawk għal:

  • makkinarju stazzjonarju;
  • bastimenti tal-baħar li għandhom ċertifikat ta’ navigazzjoni marittima jew tas-sigurtà validu;
  • vetturi ta’ rikreazzjoni, ħlief snowmobiles, vetturi għal kull terren u vetturi side-by-side;
  • vetturi u makkinarju użati jew maħsuba biex jintużaw esklużivament fil-kompetizzjonijiet.

Approvazzjoni tat-tip

  • Ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri li l-manifatturi tal-magni għandhom isegwu biex jiksbu l-approvazzjoni tat-tip* tal-magni tagħhom.
  • L-approvazzjoni tat-tip hija rekwiżit biex il-manifatturi jqiegħdu l-magni tagħhom fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Il-manifatturi għandhom jissottomettu applikazzjoni separata għal kull tip ta’ magna jew familja ta’ magni* lill-awtorità tal-approvazzjoni ta’Stat Membru tal-UE.
  • L-approvazzjonijiet tat-tip jinħarġu għal durata bla limitu.
  • L-UE tista’ tiddeċiedi li r-regolamenti internazzjonali jew ir-regolamenti ta’ pajjiżi mhux tal-UE jkunu ekwivalenti għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal approvazzjoni tat-tip tal-UE.
  • L-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jikkooperaw b’mod effiċjenti ma’ xulxin u mal-Kummissjoni Ewropea, u jiskambjaw id-data u l-informazzjoni relatata ma’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI).

Emissjonijiet tal-egżost

  • Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-assemblaġġ ta’ tipi ta’ magni u familji ta’ magni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolament.
  • It-tipi ta’ magni u l-familji ta’ magni m’għandhomx jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet tal-egżost mid-dati stabbiliti fir-Regolament biex dawk il-magni jitqiegħdu fis-suq.

Posponiment ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji fir-Regolament (UE) 2016/1628

  • It-tfixkil ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 wassal għal dewmien fil-katina ta’ provvista ta’ partijiet u komponenti kritiċi, u ħalla lill-manifatturi b’ħażniet ta’ magni u prodotti mhux kompluti. Dan ifisser li ħafna manifatturi tal-magni u tal-makkinarju mhux se jkunu jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 mingħajr ma jsostnu ħsara ekonomika serja.
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1040 jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 u jestendi l-iskadenzi bi 12-il xahar għall-produzzjoni u għat-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u ta’ tratturi mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni, li jikkonformaw ma’ standards preċedenti. Din l-estensjoni ma tapplikax għall-magni ta’ tranżizzjoni koperti mid-dati speċifikati fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ subparagrafi ta’ Artikolu 58(5) tar-Regolament (UE) 2016/1628.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Approvazzjoni tat-tip: il-proċedura li biha awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa ċerti rekwiżiti legali.
Familja ta’ magni: ragruppament ta’ tipi ta’ magni tal-manifattur li, minħabba d-disinn tagħhom, għandhom karatteristiċi simili fir-rigward tal-emissjonijiet tal-egżost, u jirrispettaw il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet applikabbli.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, pp. 53-117)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1628 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 1-11)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, pp. 1-51)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.05.2021

Fuq