Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kif nassiguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema fl-UE jiġu rispettati meta jaħdmu barra minn pajjiżhom.

Kif nassiguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema fl-UE jiġu rispettati meta jaħdmu barra minn pajjiżhom.

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2014/54/UE dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Fost il-ħafna drittijiet li jgawdu minnhom l-individwi fl-Unjoni Ewropea (UE), hemm il-kapaċità li dak li jkun jgħix u jaħdem fi Stat Membru ieħor tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tassigura l-eżistenza ta’ rimedji legali nazzjonali fil-każ li ħaddiema jew il-familji tagħhom jikkunsidraw li dawn id-drittijiet qegħdin jiġu abbużati.

PUNTI EWLENIN

Il-moviment liberu fl-UE u l-prinċipji ta’ kontra d-diskriminazzjoni jiggarantixxu li l-persuni li jgħixu barra minn pajjiżhom ikollhom l-istess drittijiet relatati mal-impjieg bħaċ-ċittadini. Dawn huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 492/2011 (ara s-sommarju).

Id-drittijiet tal-ħaddiema

  • Aċċess għall-impjiegi u kondizzjonijiet tal-impjieg ċari dwar il-paga, it-tkeċċija u s-saħħa u s-sigurtà.
  • Aċċess għal vantaġġi soċjali u fiskali.
  • Aċċess għat-taħriġ, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-apprendistati.
  • Is-sħubija fi trejd unions.
  • L-għajnuna mill-uffiċċji tal-impjiegi.

Id-difiża ta’ dawn id-drittijiet

Id-direttiva teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċeduri ġudizzjarji għall-ħaddiema kollha tal-UE li jqisu li b’xi mod qed issir diskriminazzjoni lejhom. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet, it-trade unions u l-korpi ta’ min iħaddem involuti fl-implimentazzjoni tad-direttiva jistgħu jirrappreżentaw jew jappoġġaw lill-ħaddiema tal-UE u l-familji tagħhom fi kwalunkwe azzjoni legali li jistgħu jieħdu.

Il-promozzjoni tat-trattament ugwali

Kull Stat Membru jeħtieġ li jinnomina mill-inqas organizzazzjoni jew punt ċentrali wieħed biex jassigura li l-ħaddiema u l-familji tagħhom ma jsofrux minn diskriminazzjoni jew minn restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar id-dritt tagħhom li jaħdmu fejn jixtiequ minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom:

  • Jipprovdu għajnuna legali indipendenti jew għajnuna oħra, li għandha tkun bla ħlas għal dawk li ma jaffordjawhiex, skont il-prattika nazzjonali;
  • jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt għal organizzazzjonijiet nazzjonali simili fi Stati Membru oħrajn u jikkooperaw mas-servizzi ta’ informazzjoni u assistenza tal-UE bħal L-Ewropa Tiegħek u Solvit;
  • iwettqu jew jikkummissjonaw stħarriġ u analiżi indipendenti dwar restrizzjonijiet mhux ġustifikati u diskriminazzjoni.
  • joħorġu rakkomandazzjonijiet biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-20 ta’ Mejju 2014 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-21 ta’ Mejju 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 8–14).

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (COM(2018) 789 finali, 4.12.2018).

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, pp. 1–12).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 492/2011 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 28.10.2021

Top