EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assistenza finanzjarja għal Spanja

Assistenza finanzjarja għal Spanja

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2012/443/UE — miżuri speċifiċi biex tiġi rinfurzata l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din approvat programm ta’ assistenza finanzjarja biex jgħin lil Spanja tirrikapitalizza u tirristruttura s-settur bankarju tagħha.

PUNTI EWLENIN

  • Il-programm ta’ għajnuna finanzjarja miftiehem mill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro f’Lulju tal-2012 ipprovda finanzjament mill-pajjiżi taż-żona tal-euro lil Spanja sa EUR 100 biljun għal 18-il xahar.
  • Spanja kienet użat biss madwar EUR 38.9 biljun mill-għajnuna biex tirrikapitalizza l-banek tagħha u EUR 2.5 biljun oħra biex tikkapitalizza l-kumpanija ta’ ġestjoni tal-investimenti Spanjola, Sareb, meta ntemm il-programm f’Jannar 2014.
  • Inkambju għall-għajnuna, Spanja, f’konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Fond Monetarju Internazzjonali kellha:
    • tidentifika l-bżonnijiet kapitali tal-banek individwali billi twettaq analiżi komprensiva tal-kwalità tal-assi tas-settur u test tal-istress bank b’bank;
    • tirrikapitalizza, tirristruttura u/jew twettaq riżoluzzjoni b’mod xieraq ta’ banek dgħajfa, filwaqt li timminimizza l-ispiża għall-kontribwenti;
    • tissepara l-assi l-ħżiena tal-banek li qed jirċievu appoġġ pubbliku u tittrasferihom lill-kumpanija tal-ġestjoni tal-investiment, Sareb;
    • issaħħaħ is-sistemi regolatorji u superviżorji u tirrinforza l-governanza.
  • Kull tliet xhur, il-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-EBA vverifikaw li Spanja kienet qed twettaq il-kundizzjonijiet marbuta mal-għajnuna.
  • Wara li Spanja ħarġet mill-programm f’Diċembru 2013, il-Kummissjoni kompliet twettaq monitoraġġ tal-ekonomija Spanjola u tas-settur finanzjarju tagħha taħt miżuri ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 472/2013.
  • Spanja issa hija suġġetta għas-sorveljanza ta’ wara l-programm tal-Unjoni Ewropea (UE). Taħt dan l-arranġament, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-BĊE:
    • twettaq żjarat regolari fil-pajjiż biex tevalwa l-ekonomika Spanjola, u s-settur finanzjarja tagħha;
    • tħejji rapporti ta’ kull sitt xhur biex twettaq monitoraġġ tal-progress tal-politiki rilevanti u tiddetermina jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri.
  • Is-sorveljanza se tkompli għaddejja sakemm Spanja tkun ħallset lura mill-inqas 75 % tas-self li rċeviet.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-24 ta’ Lulju 2012.

SFOND

Fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-gvern Spanjol talab għal għajuna finanzjarja esterna taħt it-termini tal-programm ta’ għajnuna finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja.

Il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fis-Summit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta’ Ġunju 2012 qablu li l-għajnuna sussegwetement se tiġi mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità, iżda mingħajr ma tikseb l-istess prijorità ewlenija għall-ħlas lura bħal self tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ieħor. Il-memorandum ta’ qbil ġie ffirmat fit-23 ta’ Lulju. L-implimentazzjoni sħiħa tiegħu qieset il-kunsiderazzjonijiet l-oħra relevanti kollha li jinsabu fid-dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta’ Ġunju 2012.

It-tħaddim tal-programm kien taħt monitoraġġ mil-qrib mill-Kummissjoni u l-BĊE; kif ukoll parzjalment mill-EBA u l-Faċilità Ewropea ta Stabbiltà Finanzjarja. Il-Fond Monetarju Internazzjonali kien ukoll involut mill-qrib.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/443/UE tat-23 ta’ Lulju 2012 indirizzata lil Spanja dwar miżuri speċifiċi biex tiġi rinfurzata l-istabbiltà finanzjarja (ĠU L 202, 28.7.2012, pp. 17-20).

DOKUMENTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, pp. 1-4).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 407/2010 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, pp. 1-10)

l-aħħar aġġornament 02.06.2022

Top