Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Il-Kulleġġ tal-Kummisarji

Il-Kulleġġ tal-Kummisarji

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/272/UE dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Hija tistabbilixxi n-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea, u tiżgura li l-Kummissjoni tinkludi ċittadin wieħed ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE).

L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-kompetenzi tal-Kummissjoni.

PUNTI EWLENIN

Fil-bidu tal-proċess, il-Kunsill Ewropew jipproponi kandidat għall-President tal-Kummissjon lill-Parlament Ewropew. Imbagħad il-President jiġi elett b’maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Għall-ewwel darba, fl-2014, il-mexxejja tal-UE kellhom iqisu r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju ta’ dik is-sena meta għamlu l-għażla tagħhom għall-President tal-Kummissjoni. F’termini prattiċi, dan kien ifisser li l-kandidat kellu jikseb l-appoġġ ta’ maġġoranza fil-Parlament meta l-Membri tal-Parlament Ewropew jivvotaw fuq il-President nominat f’Lulju. Il-President nominat tal-Kummissjoni jippreżenta lill-Parlament il-linji gwida politiċi għall-mandat tagħhom sabiex jippermetti skambju infurmat ta’ fehmiet qabel il-vot tal-elezzjoni.

Il-Kompożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji

Ladarba elett, il-President tal-Kummissjoni jikkuntattja lill-mexxejja tal-gvernijiet tal-Istati Membri biex jgħin fit-tlestija tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Il-membri tal-Kulleġġ (Kummissarji) jintgħażlu għall-kompetenza ġenerali u l-impenn tagħhom lejn l-UE. Wara konsulatzzjoni bejn il-President u l-mexxejja tal-gvernijiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-President elett, jadotta lista ta’ persuni proposti għall-ħatra bħala membri tal-Kummissjoni. L-indipendenza tagħhom trid tkun bla dubju. Il-President jiddeċiedi fuq l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni u jqassam il-portafolji politiċi differenti bħall-enerġija, l-ambjent u l-kummerċ, fost it-tim il-ġdid — proċess li jitlob ħila politika kbira sabiex jirikonċilja talbiet u aspettattivi li ma jaqblux.

Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew

Ladarba l-identitajiet u r-responsabbilitajiet tal-Kummissarji kandidati jkunu magħrufin, kull wieħed minnhom jidher quddiem kumitat parlamentari li jikkorrispondi mal-portafoll tagħhom għal seduta pubblika. Hemmhekk, jiġu mistoqsijin fit-tul dwar kemm huma xierqa għall-kariga tagħhom u dwar l-għarfien tagħhom dwar is-suġġett. Din mhijiex biss formalità. Fil-passat, kien hemm Kummissarji-nominati li kellhom jirtiraw meta ma rnexxilhomx jiksbu l-approvazzjoni ta’ kumitat. Il-Parlament kollu kemm hu jivvota fuq it-tim tal-Kummissjoni l-ġdid, li, meta approvat, jiġi maħtur mill-Kunsill Ewropew. Il-Kulleġġ il-ġdid normalment jibda l-kariga fl-1 ta’ Novembru.

Il-Kummissjoni, bħala korp, hija responsabli quddiem il-Parlament Ewropew. Il-Parlament huwa l-uniku istituzzjoni tal-UE li jista’ jneħħi lill-kummissjoni mill-kariga waqt il-mandat tagħha ta’ ħames snin permezz ta’ mozzjoni ta’ ċensura.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

Skont l-Artikolu 18 tat-TUE, jinħatar Viċi President tal-Kummissjoni bħala r-Rappreżentant Għoli. Dan jintgħażel mill-mexxejja tal-UE bi qbil mal-President tal-Kummissjoni. Min ikollu din il-kariga mhux biss ikun fil-Kummissjoni, iżda jmexxi wkoll il-laqgħat tal-ministri tal-affarijiet barranin u huwa responsabbli għas-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna. Ir-Rappreżentant Għoli jmexxi wkoll il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni.

Numru ta’ Kummissarji

Skont l-Artikolu 17(5) TUE, minn Novembru 2014, in-numru ta’ Kummissarji kellu jikkorrispondu għal żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Membri, sakemm il-mexxejja tal-UE ma kinux jiddeċiedu li jbiddlu dan in-numru. Madankollu, f’Mejju tal-2013, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li n-numru għandu jibqa’ jkun daqs in-numru tal-Istati Membri.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2014.

SFOND

Il-Kulleġġ attwali tal-Kummissarji, presedut minn Ursula von der Leyen, ħa l-kariga f’Diċembru 2019 għall-perjodu 2019-2024.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/272/UE tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 98).

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — l-Artikolu 17 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 25–26).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — l-Artikolu 18 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 26–27).

l-aħħar aġġornament 20.03.2024

Início