Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (2014-2024)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Programmi tal-UE — aġenziji' for an updated information about the subject.

Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (2014-2024)

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) jiffoka fuq ir-riċerka f'oqsma ġodda u emerġenti, xi kultant magħrufa bħala riċerka tal-fruntiera. Din tista' tkun waħda li tinvolvi bosta dixxiplini u approċċi mhux konvenzjonali. Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tal-Kunsill Eżekuttiv tar-Riċerka li timplimenta l-programm tal-ERC.

ATT

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/779/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/37/KE.

SOMMARJU

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA) hija l-aġenzija li tiġġestixxi l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC).

L-ERC jaħdem bħala korp ta' finanzjament awtonomu mmexxi mix-xjenza u jippromwovi r-riċerka fruntiera ta' klassi dinjija. Jagħmel dan billi jipprovdi finanzjament kompetittiv għall-eċċellenza xjentifika f'oqsma ġodda u impenjattivi sew tar-riċerka li jaqgħu fl-ambitu ta' Orizzont 2020.

L-ERCEA hija fdata bi:

  • il-ġestjoni tal-attivitajiet taħt l-objettiv speċifiku tal-ERC li jsaħħaħ ir-riċerka tal-fruntiera li jaqgħu fi ħdan il-Parti I Xjenza eċċellenti tal-Programm ta' Qafas ta’ Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u
  • il-wirt tal-Programm speċifiku Ideat li tħaddem taħt is-7 Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u t-turija tal-attivitajiet (2007-2013).

Struttura

L-ERC jinkludi Kunsill Xjentifiku indipendenti u struttura ta' implimentazzjoni ddedikata fil-forma tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

Il-flagship Orizzont 2020

Il-programm tal-ERC huwa komponent ewlieni ta' Orizzont 2020, il-programm ta' Qafas tal-UE għall-2014-2020 għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-programm huwa mmirat lejn avvanzi fundamentali fi u lil hinn mill-fruntiera tat-tagħrif. Permezz tal-għoti tal-ERC, l-UE għandha l-għan li tiġġenera skoperti xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda u bla preċedent li sejrin iservu bħala bażi għall-innovazzjonijiet tal-futur.

Benefiċjarji potenzjali

L-azzjonijiet tal-ERC huma miftuħin għar-riċerkaturi ta' kwalunkwe nazzjonalità u fi stadji differenti tal-karrieri tagħhom li għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-attività ta' riċerka tagħhom fi kwalunkwe pajjiż tal-UE jew f'pajjiż assoċjat (pajjiżi li għandhom ftehimiet iffirmati mal-UE). L-investigaturi prinċipali tal-ERC ma għandhomx għalfejn ikunu bbażati fuq bażi full-time fl-Ewropa. Dan jiżgura li l-Unjoni Ewropea (UE), apparti li tappoġġa x-xogħol tar-riċerkaturi l-aktar intelliġenti tal-Ewropa, qiegħda tfittex ukoll li tattira riċerkaturi b'talent minn barra l-UE.

Implimentazzjoni tal-programm

B'differenza minn programmi oħrajn li jaqgħu fi ħdan Orizzont 2020, huwa l-Kunsill Xjentifiku tal-ERC li jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika ġenerali u għandu l-awtorità fuq deċiżjonijiet fuq it-tip ta' riċerka li għandha tiġi ffinanzjata.

L-ERCEA għandha esperjenza mixhuda bi provi fil-ġestjoni ta' attivitajiet tal-ERC simili skont is-7 Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u t-turija tal-attivitajiet (2007 sal-2013). Kif muri bl-evalwazzjoni esterna u bl-analażi tal-kost-benefiċċju mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, l-ERCEA sejra tiżgura ġestjoni ta' kwalità għolja tal-programm tal-azzjonijiet tal-ERC taħt Orizzont 2020.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2013/779/UE

21.12.2013

1.1.2014

ĠU L 346 tal-20.12.2013, p. 58-60

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)8915 tat-12 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (Ġurnal Uffiċjali C 373 tal-20.12.2013, p. 23-26).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (Ġurnal Uffiċjali L 11 tas-16.1.2003, p. 1-8).

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004dwar regolament finanzjarju standard tal-aġenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (Ġurnal Uffiċjali L 297 tat-22.9.2004, p 6-16).

06.11.2014

Top