Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1004

    Il-ġbir ta’ data biex tassisti fil-ġestjoni tas-settur tas-sajd

    Il-ġbir ta’ data biex tassisti fil-ġestjoni tas-settur tas-sajd

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) 2017/1004 – li jistabbilixxi regoli għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-politika komuni dwar is-sajd

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Regolament (UE) 2017/1004 li jistabbilixxi regoli dwar il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika fis-settur tas-sajd*. Din id-data se tintuża għat-teħid infurmat ta’ deċiżjonijiet fil-ġestjoni tas-sajd sostenibbli u għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ stokkijiet u ekosistemi tal-ħut.
    • Regolament (UE) 2021/1139 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (ara s-sommarju) u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004

    PUNTI EWLENIN

    L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiġbru data dwar is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura fuq il-bażi ta’ programm pluriennali li jiġbor lista dettaljata tar-rekwiżiti tad-data u l-lista ta’ stħarriġ obbligatorju ta’ riċerka fuq il-baħar.

    Id-dejta li għandha tinġabar tinkludi:

    • dejta bijoloġika dwar l-istokkijiet kollha maqbuda fiż-żoni tas-sajd tal-UE ġewwa u barra l-ilmijiet tal-UE, inklużi s-sallura u s-salamun f’ilmijiet interni, biex jiġi permess approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tas-sajd f’konformità mal-politika komuni tas-sajd;
    • data biex jiġi evalwat l-impatt tas-sajd tal-UE fuq l-ekosistema tal-baħar ġewwa u barra l-ilmijiet tal-UE, inkluża data dwar l-ispeċi protetti u dwar l-impatti fuq il-ħabitats tal-baħar u l-katini alimentari*;
    • data dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-UE f’ilmijiet ġewwa u barra mill-UE, inklużi l-livelli tas-sajd u l-kapaċità tal-flotta;
    • data soċjoekonomika dwar is-sajd biex tkun tista’ tiġi evalwata l-prestazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd tal-UE;
    • data soċjoekonomika u data dwar is-sostenibbiltà rigward l-akkwakultura tal-baħar (u f’ċerti ċirkostanzi l-akkwakultura tal-ilma ħelu) sabiex il-prestazzjoni u l-impatt ambjentali tagħha jkunu jistgħu jiġu evalwati;
    • data soċjoekonomika dwar is-settur tal-ipproċessar tal-ħut biex il-prestazzjoni tiegħu tkun tista’ tiġi evalwata.

    Kull Stat Membru tal-UE għandu jipproduċi pjan ta’ ħidma nazzjonali, f’konformità mal-programm ta’ ħidma pluriennali u r-regoli finanzjarji tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

    Skont ir-Regolament ta’ Emenda (UE) 2021/1139, il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea b’mezzi elettroniċi sal-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha japplikaw.

    Il-pjanijiet nazzjonali ta’ ħidma huma evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u jinkludu informazzjoni dwar:

    • kull kemm tinġabar id-data;
    • is-sorsi tad-data;
    • il-proċeduri u l-metodi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data;
    • il-garanzija u l-kontroll tal-kwalità;
    • il-format tad-data;
    • meta d-data se tkun disponibbli għall-utenti finali;
    • il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali u reġjonali;
    • kif ġew meqjusa l-obbligi internazzjonali tal-UE.

    Il-Kummissjoni mbagħad tadotta atti ta’ implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta’ ħidma nazzjonali.

    Ir-regolament jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċess tal-ġestjoni tad-dejta u kif id-dejta ssir disponibbli, dwar il-koordinazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri u l-pjanijiet ta’ ħidma reġjonali li jista’ jipproduċi, kif ukoll l-obbligi tal-utenti finali tad-dejta xjentifika u partijiet oħra interessati.

    Atti delegati u ta’ implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni Ewropea adottat diversi atti delegati u ta’ implimentazzjoni b’rabta mar-Regolament (UE) 2017/1004:

    • Deċiżjoni Delegata (UE) 2021/1167 li tistabbilixxi l-programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura mill-1 ta’ Jannar 2022. Mill-31 ta’ Diċembru 2021, hija tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Delegata (UE) 2019/910 dwar programm pluriennali simili li jkopri l-perjodu 2020–2021.
    • Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (UE)2021/1168 li tistabbilixxi l-lista ta’ stħarriġ obbligatorju tar-riċerka fuq il-baħar u l-limiti bħala parti mill-programm pluriennali (mill-2022) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (UE) 2019/909 li kienet tkopri l-perjodu 2020–2021
    • Deċiżjoni (UE) 2018/1283 li tistabbilixxi regoli dwar il-format u l-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ rapporti annwali dwar il-ġbir tad-data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.
    • Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (UE) 2016/1701 li tistabbilixxi r-regoli dwar il-format għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir tad-dejta fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mill-10 ta’ Lulju 2017. Ir-Regolament (UE) 2017/1004 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 199/2008 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

    SFOND

    TERMINI EWLENIN

    Settur tas-sajd. Attivitajiet marbuta ma’ sajd kummerċjali, sajd rikreattiv, l-akkwakultura u l-industriji li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd.
    Katina alimentari. Katini alimentari interkonnessi (relazzjonijiet tal-għalf) f’ekosistema. Il-pjanti, l-erbivori u l-karnivori kollha jagħmlu partijiet mill-katina alimentari.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (EU) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, pp. 1-21)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1167 tas-27 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura mill-2022 (ĠU L 253, 16.7.2021, pp. 51-90)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1168 tas-27 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-lista ta’ stħarriġ obbligatorju tar-riċerka fuq il-baħar u l-limiti bħala parti mill-programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u għall-ġestjoni tad-data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura mill-2022 (ĠU L 253, 16.7.2021, pp. 92-99)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/909 tat-18 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi l-lista ta’ stħarriġiet obbligatorji tar-riċerka u l-limiti għall-għanijiet tal-programm multiannwali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 145, 4.6.2019, pp. 21-26)

    Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/910 tat-13 ta’ Marzu 2019 li tistabbilixxi l-programm multiannwali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 145, 4.6.2019, pp. 27-84)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1283 tal-24 ta’ Awwissu 2018 li tistabbilixxi regoli dwar il-format u l-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ rapporti annwali dwar il-ġbir tad-data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 242, 26.9.2018, pp. 1-90)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1701 tad-19 ta’ Awwissu 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar il-format għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir tad-dejta fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 242, 27.9.2016, pp. 153-228)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1251 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tadotta programm multiannwali tal-Unjoni għall-ġbir, għall-ġestjoni u għall-użu ta’ dejta fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakoltura għall-perjodu 2017-2019 (ĠU L 207, 1.8.2016, pp. 113-177)

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, pp. 166)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 06.10.2021

    Fuq