Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0446

Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi fis-settur ambjentali

Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi fis-settur ambjentali

It-tkabbir ekoloġiku huwa imperattiv minħabba li, bil-materja prima dejjem tonqos aktar, is-soċjetà konsumista tradizzjonali ta’ uża u armi ma għadhiex vijabbli. L-ekonomija ekoloġika, jew ċirkolari, hija wkoll fattur ewlieni li jixpruna impjiegi ġodda.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi (COM(2014) 446 final tat-2.7.2014).

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-mod kif jistgħu jiġu żviluppati u mħeġġin il-ħiliet u l-politiki fis-suq tax-xogħol sabiex jappoġġjaw ix-xogħol u joħolqu l-impjiegi, hekk kif l-ekonomija ekoloġika qiegħda ssir realtà akbar.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni tirrakkomanda li l-attività tal-UE maħsuba biex tistimula t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għandha tiffoka fuq 4 oqsma:

  • Tnaqqis tad-diskrepanza fil-ħiliet. Dan jeħtieġ miżuri (fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali) maħsuba biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ħaddiema tas-sengħa li jkunu jistgħu jilħqu d-domanda dejjem tiżdied minn industriji ekoloġiċi li qegħdin jespandu. Huwa meħtieġ tbassir aħjar sabiex jiġu identifikati dawk id-domandi fil-ġejjieni.
  • Antiċipazzjoni tal-bidla. Il-perjodi ta’ bidla ekonomika kbira jistgħu jiġu nnegozjati aħjar jekk jiġu analizzati b’mod ċar minn qabel u jekk jiġu ġestiti b’mod effikaċi u sensittiv (jiġifieri b’kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-maniġment u l-ħaddiema). Huma meħtieġa linji gwida speċifiċi għal dawk is-setturi fejn il-bidla tkun akbar u jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli li jwaqqfu lill-ħaddiema milli jmorru f’impjiegi ġodda xi mkien ieħor.
  • Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-finanzjament mid-diversi fondi soċjali, reġjonali, agrikoli, ambjentali u fondi oħrajn tal-UE jista’ jintuża sabiex jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-komunikazzjoni tirrakkomanda tranżizzjoni lejn tassazzjoni ambjentali (jiġifieri li jiġu imposti taxxi fuq dawk li jniġġsu), ’lil hinn mit-taxxi fuq ix-xogħol.
  • Titjib tal-kwalità tad-dejta. Id-definizzjonijiet maqbula b’mod wiesa’ tal-ekonomija ekoloġika*, tat-tkabbir ekoloġiku* u tal-impjiegi ekoloġiċi* ser jipprovdu stampa aktar ċara tal-bidliet li qegħdin iseħħu u jipprovdu evidenza aktar b’saħħitha lil dawk li jfasslu l-politika sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet fil-ġejjieni.

TERMINI EWLENIN

Ekonomija ekoloġika: ekonomija li tfittex li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà ambjentali u l-inklużjoni soċjali.

Tkabbir ekoloġiku: l-użu ekoloġikament kompatibbli tar-riżorsi u l-effiċjenza ekonomika.

Impjieg ekoloġiku: kwalunkwe impjieg li jikkontribwixxi għall-preservazzjoni jew għar-restorazzjoni tal-kwalità tal-ambjent, kemm jekk huwa fl-agrikoltura, fl-industrija, fis-servizzi jew fl-amministrazzjoni.

SFOND

L-iskarsezza dejjem tikber tar-riżorsi u l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija u tal-materja prima jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika inevitabbli. Bl-inklużjoni tal-bidla, l-Ewropa ser tkun globalment aktar kompetittiva, toħloq impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja u tiggarantixxi l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-impjiegi fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fl-UE żdiedu minn 3 miljuni fl-2002 għal 4.2 miljuni fl-2011.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija ekoloġika.

l-aħħar aġġornament 08.12.2014

Fuq