Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0392

    Il-Komunità tat-Trasport

    Il-Komunità tat-Trasport

     

    SOMMARJU TA’:

    Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    Deċiżjoni (UE) 2019/392 — konklużjoni, f’isem l-UE, tat-Trattati li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    X’INHU L-GĦAN TAT-TRATTAT U D-DEĊIŻJONI?

    • It-trattat għandu l-għan li joħloq komunità tat-trasport bejn l-UE u s-sitt pajjiżi tal-Balkan tal-Punent fl-Ewropa tax-Xlokk, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja tat-Tramuntana (qabel ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), il-Kosovo*, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja.
    • Hija tkopri t-trasport bit-triq, ferroviji, passaġġi tal-ilma interni u trasport marittimu u tiżviluppa netwerk tat-trasport.
    • Id-deċiżjoni tagħti l-approvazzjoni legali lit-trattat li l-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mal-imsieħba Ewropej tax-xlokk tal-UE.

    PUNTI EWLENIN

    It-trattat jelenka l-leġiżlazzjoni tat-trasport tal-UE (ferroviji, toroq, marittimu, passaġġi tal-ilma interni u l-infrastruttura) u l-ambjent, l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u regoli proċedurali li l-partijiet kollha għandhom jimplimentaw;

    L-UE u sitt pajjiżi tax-xlokk tal-Ewropa:

    • jagħtu l-aċċess lill-infrastruttura tal-kumpaniji tal-ferroviji tal-pajjiżi msemmija li joperaw servizzi internazzjonali għall-passiġġieri u l-merkanzija;
    • jippromwovu trasport marittimu u bil-passaġġi tal-ilma interni effiċjenti u siguri;
    • jiffaċilitaw proċeduri amministrattivi u formalitajiet meta jgħaddu minn ġuriżdizzjoni għal oħra;
    • jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni nazzjonali;
    • jaqblu li jirreferu kull kawża legali lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE;
    • jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-Komunità tat-Trasport (l-UE tħallas 80 % u l-imsieħba tagħha 20 %);
    • jikkonsultaw bejniethom dwar problemi tat-trasport ittrattati f’organizzazzjonijiet internazzjonali u fuq inizjattivi reġjonali.

    Is-sitt pajjiżi tax-xlokk tal-Ewropa għandhom:

    • jimplementaw l-“acquis” tal-korp tal-liġi komuni tal-akkwist soċjali, ambjentali u pubbliku rilevanti tal-UE;
    • jiżviluppaw sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku effiċjenti;
    • jippromwovu trasport bit-triq effiċjenti u sigur f’konformità mal-istandards u l-politiki operattivi tal-UE;
    • jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat u l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni tagħhom tiġi allinjata gradwalment mal-acquis tal-UE.

    Il-Komunità tat-Trasport:

    • issaħħaħ u tippromwovi d-djalogu soċjali, id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, il-liġijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, opportunitajiet indaqs u l-involviment tal-imsieħba soċjali fis-settur tat-trasport;
    • tappoġġa n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T)* u tipproduċi pjan ta’ ħidma kontinwa għal ħames snin kull sentejn biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp tagħha u tidentifika proġetti ta’ prijorità.

    It-trattat jistabbilixxi:

    • kunsill ministerjali biex jipprovdi gwida ġenerali ta’ politika u jirrevedi l-progress;
    • kumitat ta’ ħidma reġjonali biex jamministra t-trattat bis-setgħa li jistabbilixxi kumitati tekniċi;
    • segretarjat permanenti bbażat f’Belgrad biex jipprovdi appoġġ amministrattiv u jaġixxi bħala osservatorju tat-trasport;
    • arranġamenti tranżitorji għal kull wieħed mill-pajjiżi tax-xlokk tal-Ewropa;
    • reviżjoni wara ħames snin.

    MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

    It-trattat applika b’mod proviżjonali mid-9 ta’ Ottubru 2017 mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo* u mid-29 ta’ Novembru 2017 mas-Serbja.

    Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    SFOND

    • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali mal-Balkani tal-Punent huwa element ewlieni għall-istabilità politika, is-sigurtà, il-prosperità ekonomika u l-iżvilupp soċjali fir-reġjun.
    • Il-komunità tat-trasport tgħin biex tippromwovi l-kompetittività tal-pajjiżi billi ttejjeb is-sistemi u l-infrastrutturi nazzjonali, iżżid l-effiċjenza fin-netwerk u l-kwalità tas-servizz u, b’mod aktar ġenerali, tiżviluppa relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien.
    • Ir-trattat ma jkoprix ir-regoli għal merkanzija ttrasportata bit-triq. It-traffiku huwa rregolat minn ftehim bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tax-xlokk tal-Ewropa.
    • Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    TEN-T: in-netwerk tat-trasport trans-Ewropej (TEN-T) ikopru t-trasport bit-triq u intermodali (jiġifieri l-użu ta’ ħafna modi bħal ferroviji/ilma, toroq/ferroviji), passaġġi tal-ilma u portijiet marittimi u n-netwerk ferrovjarji Ewropea ta’ veloċità għolja.

    DOKUMENTI EWLENIN

    It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, pp. 3-53)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, pp. 1-4)

    DOKUMENTI RELATATI

    Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 176, 1.7.2019, p. 1)

    Informazzjoni dwar id-data tal-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tat-trattat tal-Komunità tat-Trasport UE-Balkani tal-Punent (ĠU L 17, 23.1.2018, p. 1)


    *Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

    l-aħħar aġġornament 07.01.2020

    Fuq