Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0265

    Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel

    Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel

     

    SOMMARJU TA’:

    Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE min-naħa waħda, u l-Korea t’Isfel, min-naħa l-oħra

    Id-Deċiżjoni 2011/265/UE — l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE min-naħa waħda, u l-Korea t’Isfel, min-naħa l-oħra

    Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 — konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE min-naħa waħda, u l-Korea t’Isfel, min-naħa l-oħra

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

    • Il-ftehim jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri, fuq in-naħa waħda, u l-Korea t’Isfel, min-naħa l-oħra. Taħt il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA), is-sħab jimmiraw li jeliminaw jew inaqqsu progressivament id-dazji u r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u esportazzjoni ta’ prodotti industrijali u agrikoli u prodotti tas-sajd.
    • L-FTA jintroduċi wkoll liberalizzazzjoni progressiva ta’ kummerċ fis-servizzi bejn is-sħab, ul jiffaċilita l-kummerċ f’numru ta’ oqsma oħra.
    • Id-deċiżjonijiet jimmarkaw l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA) mal-Korea t’Isfel (Deċiżjoni 2011/265/UE) u l-konklużjoni tiegħu (Deċiżjoni (UE) 2015/2169).

    PUNTI EWLENIN

    Objettivi

    L-objettivi ewlenin ta’ dan l-FTA huma li:

    • jneħħi d-dazji għal esportaturi tal-UE ta’ prodotti industrijali u agrikoli;
    • itejjeb l-aċċess għas-suq għal fornituri ta’ servizzi tal-UE;
    • jabolixxi l-ostakoli mhux tariffarji (jiġifieri ostakoli li mhumiex tariffi bħal kwoti jew standards tekniċi), b’mod partikolari fl-oqsma tal-elettronika, tal-farmaċewtiċi u tal-istrumenti mediċi;
    • itejjeb l-aċċess għas-suq għal fabbrikanti tal-vetturi tal-UE;
    • ikompli jilliberalizza l-akkwisti governattivi (jiġifieri jiżgura li l-fornituri tal-UE u tal-Korea t’Isfel ikunu jistgħu jikkompetu skont termini ugwali fis-swieq tal-akkwisti governattivi ta’ xulxin);
    • jipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
    • jippromwovi l-kompetizzjoni;
    • itejjeb it-trasparenza;
    • jintegra l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan ir-relazzjoni kummerċjali;
    • jistabbilixxi sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim rapida u effettiva.

    Tneħħija ta’ miżuri tariffarji u nontariffarji

    • L-UE u l-Korea t’Isfel jaqblu li b’mod progressiv jabolixxu d-dazji doganali li japplikaw għall-kummerċ tagħhom tal-prodotti (fi żmien 5 snin mid-dħul fis-seħħ tal-FTA). Din il-liberalizzazzjoni tapplika għal aktar minn 98% tal-prodotti (elenkati fl-Anness 2-A).
    • Hemm perjodi ta’ tranżizzjoni itwal (7 snin jew aktar) għat-tneħħija ta’ dazji għal ċerti prodotti agrikoli jew tas-sajd sensittivi.
    • F’ċerti ċirkostanzi, parti waħda tista’ tapplika miżuri bilaterali ta’ salvagwardja fejn żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded li tikkawża ħsara serja (eż. telf ta’ sehem fis-suq jew prezzijiet imnaqqsa) għall-qasam rilevanti fl-ekonomija tagħhom stess.
    • Dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, l-UE u l-Korea t’Isfel jaqblu li jikkooperaw fuq standards u regolamenti, filwaqt li jniedu diskussjonijiet meta jkun xieraq.
    • Miżuri sanitarji u fitosanitarji jistgħu jiġu introdotti sabiex tiġi protetta l-ħajja jew is-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti. Madankollu, is-sħab jaqblu li jnaqqsu l-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq l-iżvilupp tal-kummerċ.

    Il-kummerċ fis-servizzi, l-istabbiliment u l-kummerċ elettroniku

    • Is-sħab jaqblu li jilliberalizzaw parti mill-offerta ta’ servizzi tagħhom konformi mal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Għalhekk ħejjew lista ta’ impenji u limitazzjonijiet (Anness 7-A) li jikkonċernaw is-setturi tas-servizzi liberalizzati.
    • Il-ftehim jiddefinixxi r-regoli dwar id-dritt ta’ stabbiliment għall-aċċess għas-suq fis-servizzi, u dwar id-dritt ta’ residenza għal professjonisti.
    • Is-sħab jirrikonoxxu li l-kummerċ elettroniku jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u li jridu jiġu evitati ostakoli għall-użu u l-iżvilupp tiegħu. Madankollu, l-iżvilupp tiegħu jrid ikun kompletament kompatibbli mal-istandards internazzjonali ta’ protezzjoni tad-dejta.
    • Il-partjiet jaqblu li jiftħu l-oqsma tas-servizzi finanzjarji tagħhom għal xulxin.

    Akkwisti tal-gvern

    • L-UE u l-Korea t’Isfel jaqblu li jagħtu lil xulxin aċċess għas-suq tal-prodotti u s-servizzi, f’konformità mar-regoli dwar l-aċċess miftuħ, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-WTO.
    • Ir-regoli li japplikaw għal kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi huma stabbiliti fl-Anness 9 għall-ftehim.

    Proprjetà intellettwali

    Dan il-kapitolu jinkludi l-impenji tal-partijiet fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u b’mod partikolari t-trademarks, id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u indikazzjonijiet ġeografiċi. Dawn jikkumplimentaw u jaġġornaw il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ Il-kapitolu jinkludi wkoll taqsima fuq l-infurzar ta’ drittijiet tal-proprietà intellettwali skont ir-regoli interni tal-UE li jinsabu fid-direttiva dwar l-infurzar.

    Soluzzjoni ta’ tilwim

    F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-FTA hemm mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim simili għal dak tal-WTO. Ir-riżoluzzjoni tat-tilwima tal-FTA tinvolvi konsultazzjoni u arbitraġġ u hemm mekkaniżmu ta’ medjazzjoni.

    Żvilupp sostenibbli

    • L-UE u l-Korea t’Isfel huma impenjati li jimplimentaw il-konvenzjonijiet u l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ratifikata mill-partijiet, kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali li ffirmaw.
    • Is-sħab jaqblu li jistabbilixxu strutturi istituzzjonali biex jimplimentaw u jimmonitorjaw l-impenji konġunti tagħhom u l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

    Proċess ta’ evalwazzjoni

    Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FTA ta’ bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea. L-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dan l-FTA fil-futur isservi bħala bażi għat-titjib tat-tfassil ta’ ftehimiet simili li qed jiġu negozjati ma’ pajjiżi oħra.

    DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

    L-FTA ġie applikat b’mod provviżorju minn Lulju 2011 u formalment daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2015.

    SFOND

    DOKUMENTI PRINĊIPALI

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011, pp. 6–1343).

    L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011, pp. 1–3).

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, pp. 2–4).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    DOKUMENTI RELATATI

    Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 235, 2.7.2021, p. 11–11).

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea (COM(2016) 268 finali, 30.6.2016).

    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Implimentazzjoni tar-Regolament Nru 511/2011 — Li jakkumpanja d-dokument — Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea (SWD(2016) 162 finali, 30.6.2016).

    Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, p. 1).

    Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 168, 28.6.2011, p. 1).

    l-aħħar aġġornament 22.03.2023

    Fuq