This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32001L0051
Penali finanzjarji fuq trasportaturi tal-passiġġieri
Penali finanzjarji fuq trasportaturi tal-passiġġieri
SOMMARJU TA’:
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din id-direttiva għandha l-għan li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali billi tarmonizza l-penali finanzjarji imposti mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) fuq trasportaturi tal-passiġġieri għat-trasport ta’ ċittadini mhux tal-UE li mhumiex dokumentati kif suppost.
PUNTI EWLENIN
Hija tissupplimenta l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen li jeħtieġ li t-trasportatur jerfa’ r-responsabbiltà għaċ-ċittadini mhux tal-UE li jġib lejn il-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew bl-art. F’konformità mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, it-trasportatur irid jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li ċ-ċittadini mhux tal-UE trasportati bl-ajru jew bil-baħar, u l-gruppi trasportati fuq l-art bil-kowċ, ikollhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fil-pajjiżi ta’ Schengen.
F’konformità mad-Direttiva, trasportatur li ma jistax iwettaq ir-ritorn ta’ ċittadin mhux tal-UE huwa responsabbli biex isib il-mezzi għat-trasport suċċessiv tiegħu/tagħha. Jekk dan it-trasport ma jkunx jista’ jsir immedjatament, it-trasportatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ispejjeż tas-soġġorn u r-ritorn taċ-ċittadin mhux tal-UE.
Id-direttiva tirrikjedi wkoll li l-pajjiżi tal-UE jimponu penali finanzjarji dissważivi, effettivi u proporzjonati kontra trasportaturi bi ksur tal-obbligi tagħhom biex jiżguraw li l-persuni li jivvjaġġaw fiż-żona Schengen ikollhom id-dokumenti meħtieġa għad-dħul. Id-direttiva tistabbilixxi:
Dawn il-penali finanzjarji ma japplikawx għal każijiet fejn iċ-ċittadin mhux tal-UE jkun qed ifittex protezzjoni internazzjonali.
Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw tipi differenti ta’ penali, bħall-qbid tal-vettura jew l-irtirar tal-liċenzja operattiva.
It-trasportaturi li kontrihom tressqu l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħhom għandhom id-dritt għad-difiża u l-appell.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mid-9 ta’ Awwissu 2001.
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, pp. 45-46)
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, pp. 24-27)
l-aħħar aġġornament 23.04.2020