EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0051

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985

OJ L 187, 10.7.2001, p. 45–46 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 004 P. 160 - 161
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 003 P. 177 - 178
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 003 P. 177 - 178
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 003 P. 60 - 61

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/51/oj

32001L0051



Official Journal L 187 , 10/07/2001 P. 0045 - 0046


Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE

tat-28 ta' Ġunju 2001

li tissupplimenta d-disposizzjoni ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(a) u l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu;

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Sabiex tiġi kkumbattuta b'mod effettiv l-immigrazzjoni illegali, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri kollha jdaħħlu disposizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligi tat-trasportaturi li jġorru liċ-ċittadini barranija għal ġewwa t-territorju ta' l-Istati Membri. B'żieda ma' dan, sabiex tiġi żgurata efikaċja ikbar ta' dan il-għan, il-penali pprovvduti bħalissa mill-Istati Membri għall-każijiet meta t-trasportaturi jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-kontroll għandhom jiġu armonizzati safejn u sakemm possibbli, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistemi u l-prattiċi legali bejn l-Istati Membri.

(2) Din il-miżura hija fost id-disposizzjonijiet ġenerali mmirati sabiex irażżnu l-mixi migratorji u jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali.

(3) L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra li għandha x'taqsam ma' l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967.

(4) Ma għandhiex tiġi affettwata l-libertà ta' l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri jew penali addizzjonali għat-trasportaturi, sewwa jekk riferiti f'din id-Direttiva u sewwa jekk le.

(5) L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi f'kull proċediment miġjub kontra t-trasportaturi li jista' jirriżulta fl-applikazzjoni tal-penali, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt ta' l-appell kontra dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati b'mod effettiv.

(6) Din id-Direttiva tibni fuq l-acquis tax-Schengen, skond il-Protokoll li jintegrah fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea, kif stabbilit bl-Anness A mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda d-definizzjoni ta' l-acquis tax-Schengen bil-għan li tistabbilixxi, skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijioet jew id-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis [3].

(7) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewopea, ir-Renju Unit ta avviż bl-ittra tal-25 ta' Ottubru 2000, dwar ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(8) Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll imsemmi hawn fuq, l-Irlanda mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva. B'konsegwenza ta' dan u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi hawn fuq, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma japplikawx għall-Irlanda.

(9) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan l-istrument u għalhekk mhix marbuta bih jew bla ħsara għall-applikazzjoni tiegħu. Mogħti illi dan l-istrument jimmira li jibni fuq l-acquis tax-Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, id-Danimarka għandha tiddeċedi f'perjodu taż-żmien ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan l-istrument jekk timplimentahiex fil-liġijiet nazzjonali tagħha.

(10) Rigward ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixi żvilupp ta' l-acquis tax-Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż fit-18 ta' Mejju 1999 mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u dawn iż-żewġ Stati fejn jirrigarda l-assoċjazzjoni ta' din ta' l-aħħar ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis tax-Schengen [4].

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-mira ta' din id-Direttiva hija li tissupplimenta d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 [5] (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Konvenzjoni ta' Schengen") u li tiddefinixxi ċerti kondizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-obbligu tat-trasportaturi li jieħdu lura liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi pprovdut fid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni ta' Schengen għandu japplika wkoll meta jiġi rrifjutat id-dħul ta' ċittadin ta' pajjiż terz fi transitu jekk:

(a) it-trasportatur li kien sejjer jieħdu lejn il-pajjiż tiegħu tad-destinazzjoni jirrifjuta li jtellgħu abbord;

(b) jew l-awtoritajiet ta' l-Istat tad-destinazzjonu jkun irrifjutalu d-dħul u jkun bagħtu lura lejn l-Istat Membru li minnu jkun għadda.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jobbigaw lit-trasportaturi li ma jkunux kapaċi jeffettwaw ir-ritorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz li d-dħul tiegħu jkun ġie rrifjutat li jsibu l-mezz tat-trasportazzjoni minnufih u li jġorru l-ispejjeż tiegħu jew, jekk ma tkunx possibbli t-traportazzjoni immedjata, li jassumi r-responsabbiltà ta' l-ispejjeż tal-waqfa u tar-ritorn taċ-ċittadin tal-pajjiż terz fil-kwistjoni.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-penali li japplikaw għat-trasportaturi skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ikunu dissważivi, effettivi u ppoporzjonati u li:

(a) jew l-ammont massimu tal-penali finanzjarji applikabbli ma jkunx inqas minn EUR 5000 jew munita korrentri ekwivalenti bir-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-10 ta' Awissu 2001, għall-kull persuna li tkun trasportata, jew

(a) jew l-ammont minimu ta' dawn il-penali ma jkunx inqas minn EUR 3000 jew munita korrenti ekwivalenti bir-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-10 ta' Awissu 2001, għal kull persuna li tkun trasportata, jew

(ċ) l-ammont massimu tal-penali impost bħala somma waħda għal kull ksur ma tkunx inqas minn EUR 500000 jew munita korrentri ekwivalenti bir-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-10 ta' Awissu 2001, irrispettivament min-numru tal-persuni li jkunu trasportati.

2. Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri fil-każijiet meta ċittadin ta' pajjiż terz ifittex il-protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 5

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjieni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu, għat-trasportaturi li ma jħarsux l-obbligi li joħorġu mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Schengen u ta' l-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, miżuri oħra li jinvolvu penali ta' kwalità oħra, bħalma huma l-immobilizzazzjoni, il-qbid u l-konfiska tal-mezz tat-trasport jew is-sospensjoni temporanja jew l-irtirar tal-liċenza tal-ħidma.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tagħhom jistabbilixxu illi t-trasportaturi li kontra tagħhom jitressqu proċedimenti li jimponu penali jkollhom drittijiet effettivi għad-difiża u l-appell.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-11 ta' Frar 2003. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet ewliena fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Ġunju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Rosengren

[1] ĠU C 269, tal-20.9.2000, p. 8.

[2] Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Marzu 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 1.

[4] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 3.

[5] ĠU L 239, tat-22.9.2000, p. 1.

--------------------------------------------------

Top