Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0053

Vetturi li ma għadhomx jintużaw

Vetturi li ma għadhomx jintużaw

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Huwa jistabbilixxi miżuri li jipprevjenu u jillimitaw l-iskart minn vetturi li ma għadhomx jintużaw (ELVs) u l-komponenti tagħhom billi jiżgura l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tagħhom. Għandu l-għan ukoll li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-operaturi ekonomiċi kolla involuti f’vetturi li ma għadhomx jintużaw.

PUNTI EWLENIN

  • Il-manifatturi tal-vetturi u tat-tagħmir għandhom jikkunsidraw iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u l-irkupru tal-vetturi meta jiddisinjaw u jipproduċu l-prodotti tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li l-vetturi ġodda jkunu:
    • jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jiġu rriċiklati għal minimu ta’ 85 % skont il-piż għal kull vettura;
    • jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jiġu rkuprati għal minimu ta’ 95 % skont il-piż għal kull vettura.
  • Ma jistgħux jużaw sustanzi perikolużi bħaċ-ċomb, merkurju, kadmju u l-kromju eżavalenti.
  • Il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri għandhom jipprovdu sistemi li permezz tagħhom jiġbru l-ELVs u, fejn ikun teknikament fattibbli, partijiet użati minn karozzi tal-passiġġieri msewwija.
  • Is-sidien tal-ELVs ikkunsinjati għal trattament tal-iskart għandhom jirċievu ċertifikat tal-qerda. Dan huwa neċessarju sabiex titneħħa r-reġistrazzjoni tal-vettura.
  • Il-manifatturi għandhom jissodisfaw l-ispejjeż kollha, jew parti sinifikanti minn dawk involuti fil-kunsinna ta’ ELV lejn ċentru ta’ trattament tal-iskart. Għal sid ta’ vettura, ma għandhom iġarrbu ebda spejjeż meta jikkunsinjaw ELV lil faċilità awtorizzata tat-trattament tal-iskart, barra minn każijiet rari fejn il-magna tkun nieqsa jew l-ELV tkun mimlija skart.
  • Faċilitajiet tat-trattament tal-iskart għandhom japplikaw għal permess jew jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn jinsabu.
  • L-ELVs l-ewwel jiżżarmaw qabel ikun jista’ jsir trattament ulterjuri. Sustanzi u komponenti perikolużi jitneħħew u jiġu sseparati. Tingħata attenzjoni għall-użu mill-ġdid potenzjali, l-irkupru jew ir-riċiklaġġ tal-iskart.
  • Jeżistu miri kkwantifikati ċari għar-rappurtar annwali lill-Kummissjoni Ewropea għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-ELVs u l-partijiet rispettivi tagħhom. Dawn saru dejjem aktar impenjattivi.
  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għal vetturi tal-passiġġieri u trakkijiet żgħar iżda mhux għal trakkijiet kbar, vetturi antiki, vetturi għal użu speċjali u muturi.

Id-Direttiva ta’ Emenda (UE) 2018/849

Id-Direttiva (UE) 2018/849) temenda d-Direttiva 2000/53/KE u tagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tadotta:

  • atti ta’ implimentazzjoni dwar id-dettalji meħtieġa għall-kontroll tal-konformità tal-pajjiżi tal-UE mal-miri tal-ELV u l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-ELVs;
  • atti delegati biex jissupplimentaw id-direttiva billi:
    • teżenta ċertu materjali u komponenti li fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju jew il-kromju eżavalenti (għajr f’każijiet elenkati fl-Anness II), jekk l-użu tagħhom ma jistax jiġi evitat u tistabbilixxi livelli ta’ konċentrazzjoni massimi permessi kif ukoll it-tħassir ta’ materjali u komponenti ta’ vetturi mill-Anness II, jekk l-użu tagħhom jista’ jiġi evitat,
    • tintroduċi standards ta’ kodifikar biex jiffaċilitaw il-komponenti adattati għall-użu mill-ġdid u l-irkupru,
    • tistabbilixxi r-rekwiżit minimi għaċ-ċertifikati tal-qerda,
    • tistabbilixxi rekwiżit minimi għat-trattament tal ELVs (Anness I).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-21 ta’ April 2002. Ilha tapplika minn:

  • 1 ta’ Lulju 2002 għall-vetturi li tqiegħdu fis-suq minn din id-data
  • 1 ta’ Jannar 2007 għall-vetturi li tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ 2002.

SFOND

  • Kull sena, l-ELV jiġġeneraw bejn 8 u 9 miljun tunellata ta’ skart fl-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, pp. 34-43)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2000/53/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 150, 14.6.2018, pp. 93-99)

Direttiva2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ l-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u ta’ l-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 310, 25.11.2005, pp. 10-27)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/293/KE tal-1 ta’ April 2005 li tistabilixxi regoli dettaljati dwar il-monitoraġġ tal-użu mill-ġdid/rkupru u l-miri tal-użu mill-ġdid/rkupru stipulati fid-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 94, 13.4.2005, pp. 30-33)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/138/KE tas-27 ta’ Frar 2003 li tistabilixxi l-istandards tal-kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali tal-vetturi skond id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq vetturi li m’ għadhomx jintużaw (ĠU L 53, 28.2.2003, pp. 58-59)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/151/KE tad-19 ta’ Frar 2002 dwar il-ħtiġiet minimi għaċ-ċertifikat tal-qerda maħruġ skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m’ għadhomx jintużaw (ĠU L 50, 21.2.2002, pp. 94-95)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/753/KE tas-17 ta’ Ottubru 2001 dwar kwestjonarju għal rapport ta’ l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 282, 26.10.2001, pp. 77-80)

l-aħħar aġġornament 30.03.2023

Fuq