EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016E302

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

 

SOMMARJU TA’:

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Mejju 2022

L-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) — il-korpi konsultattivi tal-UE

L-Artikolu 301 tat-TFUE (l-ex Artikolu 258 TKE) — il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Artikolu 302 tat-TFUE (l-ex Artikolu 259 TKE) — il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Artikolu 303 tat-TFUE (l-ex Artikolu 260 TKE) — il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Artikolu 304 tat-TFUE (l-ex Artikolu 262 TKE) — il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI U TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

  • L-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU) jiddikjara li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea huma assistiti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li jaġixxi f’funzjoni konsultattiva. Il-KESE huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-impjegati u ta’ partijiet oħra rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fl-oqsma soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali. Il-membri tal-KESE mhumiex marbuta bi struzzjonijiet obbligatorji u huma kompletament indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-UE.
  • L-Artikolu 301 tat-TFUE jistabbilixxi n-numru massimu ta’ membri tal-KESE. Jiddikjara li l-Kunsill jadotta b’mod unanimu deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-KESE u tiddetermina l-allowances tal-membri tiegħu.
  • L-Artikolu 302 tat-TFUE jistabbilixxi t-tul tal-ħatra tal-membri tal-KESE (rinnovabbli) u l-proċess tal-ħatra, li jitwettaq mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.
  • L-Artikolu 303 tat-TFUE jiddikjara li l-KESE jeleġġi l-president tiegħu u jadotta r-regoli ta’ proċeduratiegħu.
  • L-Artikolu 304 tat-TFUE jiddikjara li l-KESE jista’ jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fejn it-trattati jipprovdu dan u fil-każijiet kollha fejn iqisu li dan ikun xieraq. Huwa jista’ wkoll joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja kull meta jqis li azzjoni bħal din tkun xierqa. L-opinjonijiet tal-KESE jintbagħtu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
  • L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jelenka l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u jiddikjara li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma assistiti mill-KESE u mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jaġixxu f’funzjoni konsultattiva.
  • Ir-regoli ta’ proċedura tal-KESE jistabbilixxu kif il-korp jopera u jorganizza lilu nnifsu. Dawn jiġu adottati mill-assemblea tal-KESE b’maġġoranza assoluta.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regoli ta’ proċedura jikkodifikaw ir-regoli operattivi interni tal-KESE u jikkumplimentaw ir-regoli bażiċi stabbiliti fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tat-TFUE.
  • Ir-regoli ta’ proċedura jinkludu kodiċi ta’ kondotta għall-membri li jkopru:
  • Il-kodiċi tal-kondotta jistabbilixxi wkoll kumitata ta’ etika.

Membri

  • Il-KESE jinkludi t-tliet gruppi sussegwenti.
    • L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem. Membri minn setturi privati u pubbliċi tal-industrija, negozji żgħar, kmamar tal-kummerċ, kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, banek u assigurazzjoni, trasport u agrikoltura (Grupp I).
    • L-impjegati. Membri minn organizzazzjonijiet nazzjonali tat-trade unions, kemm fil-livell tal-konfederazzjonijiet kif ukoll f’dak tal-federazzjonijiet settorjali (Grupp II).
    • Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Per eżempju, organizzazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, negozji żgħar, is-settur tas-snajja’ u tal-professjonijiet liberali kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u ambjentali (Group III).
  • Il-membri m’għandhomx bżonn li jagħmlu parti minn wieħed minn dawn it-tliet gruppi. Membri li ma jagħmlux parti minn grupp għandhom l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet bħal dawk li jagħmlu parti minn grupp. Regoli ġodda ġew introdotti rigward il-parteċipazzjoni ta’ membri mhux affiljati fi gruppi ta’ studju, in-nomina tagħhom bħala rapporteurs u l-parteċipazzjoni f’sessjonijiet plenarji.
  • Il-membri tal-KESE jiġu proposti mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u jinħatru mill-Kunsill għal 5 snin. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 tistabbilixxi n-numru attwali tal-membri għal 329 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. L-Artikolu 301 TFUE jipprovdi għal massimu ta’ 350 membru. It-tqassim attwali tal-membri skont il-pajjiż huwa kif ġej:
    • 24 għall-Ġermanja, Franza u l-Italja;
    • 21 għal Spanja u l-Polonja;
    • 15 għar-Rumanija;
    • 12 għall-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Iżvezja;
    • disgħa għad-Danimarka, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Finlandja;
    • sebgħa għall-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja;
    • sitta għal Ċipru u l-Lussemburgu;
    • ħamsa għal Malta.
  • It-3 gruppi jeleġġu l-presidenti u l-viċi presidenti tagħhom għal perjodu ta’ sentejn u nofs. Huma jipparteċipaw fit-tħejjija, fl-organizzazzjoni u fil-koordinazzjoni tan-negozju tal-KESE.
  • L-edizzjoni 2022 tar-regoli introduċiet limitu ġdid ta’ maġġoranza għall-adozzjoni tal-mozzjoni ta’ sfiduċja, li issa hija żewġ terzi tal-voti li jintefgħu.

Ir-rwol tal-KESE fil-proċedura leġiżlattiva

  • Il-KESE jipproduċi opinjonijiet fuq talba tal-Parlament, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.
  • Huwa jipprepara wkoll l-evalwazzjonijiet tal-politiki tal-UE jew tal-istrumenti legali li diġà qed jiġu mplimentati, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ opinjonijiet jew rapporti ta’ evalwazzjoni.
  • Jista’ wkoll jagħti opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, opinjonijiet esploratorji fuq talba tal-istituzzjonijiet tal-UE jew tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rapporti ta’ informazzjoni jew riżoluzzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjonijiet relatati mal-kompiti assenjati lill-UE.

Organizzazzjoni

Il-Kumitat huwa magħmul mill-korpi li ġejjin.

  • L-assemblea plenarja tal-KESE tal-membri kollha li tiltaqa’ f’disgħa sessjonijiet kull sena.
  • Il-presidenza, li tinkludi l-president u ż-żewġ viċi presidenti.
  • Il-president, li:
    • jidderieġi l-ħidma tal-KESE;
    • jirrappreżenta lill-KESE fir-relazzjonijiet esterni tiegħu;
    • jirrapporta lill-KESE dwar l-azzjoni u l-miżuri meħuda f’ismu;
    • jippreżenta programm ta’ ħidma fil-bidu tal-mandat tiegħu u jeżamina l-kisbiet fi tmiem it-terminu.
  • Żewġ viċi presidenti, rispettivament inkarigati mill-baġit u mill-komunikazzjoni.
  • Il-presidenza estiża, li tinkludi l-president, iż-żewġ viċi presidenti u l-presidenti tat-tielet grupp, li:
    • tħejji x-xogħol tal-bureau u tal-assemblea;
    • tiffaċilita d-deċiżjonijiet meħtieġa f’każijiet ta’ urġenza jew ċirkostanzi straordinarji.
  • Il-bureau, li għandu r-responsabbiltà politika għat-tmexxija ġenerali tal-KESE, huwa magħmul:
    • mill-president u ż-żewġ viċi presidenti;
    • mit-tliet presidenti tal-gruppi;
    • mis-sitt presidenti tas-sezzjonijiet;
    • għadd varjabbli ta’ membri, li ma jistax jaqbeż in-numru tal-Istati Membri.
  • L-edizzjoni 2022 tar-regoli jiddettaljaw il-proċeduri għall-elezzjoni tal-membri tal-bureau.
  • Is-sezzjonijiet leġiżlattivi, li l-kompitu tagħhom huwa li jifformulaw opinjonijiet jew rapporti ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet imressqa lilhom. Hemm sitt sezzjonijiet:

Il-KESE jista’ jistabbilixxi wkoll kummissjonijiet konsultattivi li jinkludu l-membri tal-KESE u delegati minn oqsma tas-soċjetà ċivili li l-KESE jkun jixtieq jinvolvi fil-ħidma tiegħu. Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali teżamina l-bidliet fl-industrija fuq firxa wiesgħa ta’ setturi. Hija stabbilita bħala korp distint fi ħdan il-KESE u għandha kompitu estiż għas-setturi kollha tal-industrija, kemm fil-manifattura kif ukoll fis-servizzi. Id-disparità bejn l-istatus tas-sezzjonijiet leġiżlattivi tal-KESE u l-kummissjoni ġiet indirizzata fir-regoli tal-proċedura tal-2022 u pprovdiet iktar trasparenza dwar ir-rwoli u l-objettivi tagħha.

Il-KESE għandu wkoll:

Il-KESE huwa appoġġjat minn segretarjat permanenti, immexxi minn Segretarju Ġenerali li jinħatar mill-bureau. Il-KESE jikkondividi xi wħud mis-servizzi tiegħu (traduzzjoni, IT, loġistika) mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Ir-regoli attwali ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2022.

SFOND

Il-KESE huwa bbażat fi Brussell.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Regoli ta’ Proċedura u kodiċi tal-kondotta għall-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (MEJJU 2022) (ĠU L 149, 31.5.2022, p. 1-54).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 3 — Il-korpi konsultattivi tal-Unjoni — L-Artikolu 300 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 177).

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 3 — Il-korpi konsultattivi tal-Unjoni — Sezzjoni 1 — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali:

L-Artikolu 301 (ex Artikolu 258 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 177).

L-Artikolu 302 (ex Artikolu 259 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 178).

L-Artikolu 303 (ex Artikolu 260 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 178).

L-Artikolu 304 (ex Artikolu 262 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 178).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — l-Artikolu 13 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 22).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 tal-21 ta’ Mejju 2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 139, 27.5.2019, pp. 15-16).

Il-Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU C 102, 5.4.2012, pp. 1-5).

l-aħħar aġġornament 22.06.2022

Fuq