EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0585

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 585/2009 tas- 6 ta' Lulju 2009 li jipprevedi miżuri eċċezzjonali rigward ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat

ĠU L 176, 7.7.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/01/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/585/oj

7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 585/2009

tas-6 ta' Lulju 2009

li jipprevedi miżuri eċċezzjonali rigward ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u partikolarment l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġu ffissati l-ammonti ta’ dawn ir-rifużjonijiet (2) jipprovdi li ċertifikati ta' rifużjoni mitluba għall-konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a, l-aktar tard fis-7 ta' Novembru, huma validi sal-aħħar jum tal-għaxar xahar wara x-xahar li fih l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat kienet saret.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jipprevedi wkoll li l-ħruġ ta' ċertifikat tar-rifużjoni jobbliga lid-detentur li japplika għal rifużjonijiet ugwali għall-ammont li għalih inħareġ iċ-ċertifikat fuq l-oġġetti esportati matul il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat tar-rifużjoni

(3)

Meta l-obbligu li japplika għar-rifużjonijiet ma jkunx ġie sodisfatt, il-garanzija għandha tintilef b'ammont ugwali għad-differenza bejn il-95% tal-ammont indikat fiċ-ċertifikat tar-rifużjoni u l-ammont attwalment applikat għalih. Minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fis-swieq ta' pajjiżi terzi matul il-perjodu tal-baġit 2009, il-perjodu ta' validità ta' għaxar xhur ta' ċerti ċertifikati ta' rifużjonijiet maħruġa għall-oġġetti mhux koperti minn Anness I għat-Trattat maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 ġew suġġetti għal grad għoli ta' riskju u inċertezza għall-operaturi. Dan l-inċertezza dejjem ikbar taffettwa kważi l-esportazzjonijiet kollha koperti minn ċertifikati ta' rifużjonijiet maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008. Meta mqabbla mal-prodotti bażiċi tal-ikel, bosta oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat li jibbenefikaw minn rifużjonijiet ta' esportazzjoni m'humiex prodotti essenzjali u huma partikolarment sensittivi għal tnaqqis fil-konsum fil-pajjiżi importaturi.

(4)

L-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja deher ċar fl-aħħar ta' Settembru 2008. Bħala riżultat tal-kriżi, l-esportaturi ta' oġġetti koperti minn rifużjoni ta' ċertifikati, maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 bil-perjodu ta' għaxar xahur ta' validità, u maħsuba sabiex tkopri l-esportazzjoni sa tmiem Lulju 2009 issa qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni fejn mhux iċ-ċertifikati kollha ta' rifużjonijiet maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 jistgħu jiġu utilizzati kompletament.

(5)

Konsegwentement, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi tal-impatt ħażin fuq l-esportaturi, huwa meħtieġ li jiġi provdut li, b'deroga mill-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 u mill-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (3), il-validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni applikati f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, bejn it-8 ta' Lulju u s-26 ta' Settembru 2008, għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008, għandu jiġi estiż sat-30 ta' Settembru 2009.

(6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu. 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, m'għandhomx japplikaw fil-każ attwali peress illi l-estensjoni tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni konċernati mhix dovuta għal raġunijiet ta' forza maġġuri Għalhekk, hija meħtieġa deroga espliċita mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 sabiex l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 ma jiġix applikabbli għall-każ attwali.

(7)

Jista' jkun li ċerti ċertifikati ta' rifużjonijiet bil-perjodu tal-validità ta' għaxar xhur applikati bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008 f'konformità mal-Artikolu 33 il-punt (a) jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 diġà ntbagħtu lura lill-awtorità tal-ħruġ skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament attwali. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali lid-detenturi titolari ta' dawn ċertifikati ta' rifużjoni, huwa xieraq li tingħata l-possibbiltà lill-awtorità tal-ħruġ biex toħroġ mill-ġdid iċ-ċertifikati li diġà ntbagħtu lura jew xi partijiet minnhom u biex tistabbilixxi mill-ġdid il-garanziji relatati.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) u 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għal dawk iċ-ċertifikati bil-perjodu ta' għaxar xhur ta' validità, il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni applikat bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għandu jkun estiż sat-30 ta' Settembru 2009.

Artikolu 2

Fuq talba bil-miktub tad-detentur titolari, ċertifikati jew partijiet minnhom, bil-perjodu ta' għaxar xhur ta' validità, applikati bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, li jkunu ntbagħtu lura lill-awtorità tal-ħruġ qabel il-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għandhom jinħarġu mill-ġdid fir-rigward tal-ammonti mhux użati li jibqgħu fuq iċ-ċertifikati ta' rifużjoni meta ssir il-preżentazzjoni tal-garanziji relatati lill-awtorità tal-ħruġ.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18.

(2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24.

(3)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.


Top