EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0629(05)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 205, 29.6.2017, p. 70–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/70


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 205/14)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

DOKUMENT UNIKU

“KIEŁBASA PIASZCZAŃSKA”

Nru tal-UE: PGI-PL-02154 – 15.7.2016

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Kiełbasa piaszczańska”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Kiełbasa piaszczańska” huwa zalzett tal-majjal imqadded semiumidu, staġjonat f’marinat ta’ stokk tal-ħxejjex aromatiċi u melħ tal-blat, imqatta’ f’biċċiet kbar b’konsistenza soda, u miksi b’materjal magħmul mill-proteina.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

Wiċċ iz-zalzett għandu lewn kannella ċar li jagħti għall-aħmar skur. Meta jinqasam, jidhru biċċiet kbar tal-laħam b’dijametru ta’ madwar 2 cm ta’ kulur roża ċar jew skur. Madwar il-biċċiet tal-laħam jidher mili ta’ lewn iktar ċar.

Iz-zalzett individwali għandu tul ta’ 25-45 cm u dijametru ta’ 35-50 mm, li jiddependi mill-kisja taz-zalzett.

Karatteristiċi organolettiċi:

It-togħma u r-riħa karatteristiċi tal-ħxejjex aromatiċi li jinsabu fil-marinat u tal-proċess tal-affumikar, b’togħma aħħarija qawwija tal-frott tal-ġnibru.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Iz-zalzett “kiełbasa piaszczańska” jiġi prodott mil-laħam tal-majjal miksub minn nofs karkassi tal-majjal b’kontenut ta’ 55-60 % ta’ laħam dgħif u mhux permess l-użu ta’ laħam li ġej minn ħnieżer tal-irdigħ jew miċ-ċingjali. Iz-zalzett “Kiełbasa piaszczańska” ma jistax jiġi prodott minn laħam iffriżat. Il-laħam għall-produzzjoni tal-“kiełbasa piaszczańska” jinkiseb minn prieżet u flettijiet li jintgħażlu f’perjodu ta’ bejn 24-96 siegħa mit-tbiċċir.

90 % tal-piż totali tal-produzzjoni huwa laħam tal-majjal tal-Kategorija I; jiġifieri laħam mill-prieżet u mill-flettijiet li jiġi proċessat biex jinkiseb laħam li huwa ħieles mill-għeruq, mix-xaħam u mit-tessut konnettiv.

10 % tal-piż totali tal-produzzjoni huwa laħam tal-majjal tal-Kategorija II; jiġifieri laħam mit-tirqim tal-koxox u s-saqajn li jista’ jkollu ammont ta’ xaħam sa 20 % tal-piż totali.

Ħxejjex aromatiċi għall-istokk tal-marinat:

bżar tal-Ġamajka/pimento,

weraq tar-rand,

frott tal-ġnibru,

imsiemer tal-qronfol.

Ħwawar:

bżar iswed mitħun,

noċemuskata.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi li jmiss tal-proċess tal-produzzjoni jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita:

il-preparazzjoni tal-materja prima għall-produzzjoni,

il-preparazzjoni tal-istokk mill-ħxejjex aromatiċi,

il-preparazzjoni tal-laħam għall-istaġjonar,

il-preparazzjoni tal-marinat,

it-tqaddid semiumidu,

il-preparazzjoni tal-mili,

it-taħlit,

il-mili,

it-tnixxif,

l-affumikar u s-sajran,

it-tkessiħ.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Iz-zalzett “Kiełbasa piaszczańska” jista’ jiġi ppreżentat bħala zalzett sfuż jew ippakkjat fil-vakum.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Małopolskie: Wieliczka u Świątniki Górne, u l-belt ta’ Krakovja.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-ispeċifiċità tal-“Kiełbasa piaszczańsk” ġejja mill-kwalitajiet u mir-reputazzjoni speċifiċi tiegħu.

L-isem “Kiełbasa piaszczańsk” huwa meħud mill-post tal-produzzjoni tiegħu, Piaski Wielkie. Piaski Wielkie huwa l-isem ta’ dak li qabel kien raħal ftit ’il barra minn Krakovja u li mill-1940 jinsab fil-limiti amministrattivi ta’ dik il-belt. Flimkien mal-lokalitajiet tal-madwar, Piaski Wielkie kiseb il-fama għall-produzzjoni tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam staġjonat, u b’mod partikolari għaz-zalzett eċċellenti, li għal sekli sħaħ kien jitqassam fi Krakovja, fosthom anki fuq il-mejda rjali tal-Kastell ta’ Wawel. L-abitanti ta’ dawn iż-żoni, li kienu jinnegozjaw fl-annimali u fil-prodotti tal-laħam, kienu magħrufa bħala Kijacy. Franciszek Rusek, wieħed mill-abitanti ta’ Piaski Wielkie, iddeskrieva fid-dettall l-istorja tagħhom fil-ktieb tiegħu “Dzieje kijaków piaszczańskich” (“L-Istorja tal-Kijacy ta’ Piaski Wielkie”) (Krakovja, 1996).

Hemm diversi verżjonijiet tal-oriġini tal-isem Kijacy. Waħda minnhom tirreferi għall-fatt li dejjem kienu jġorru bastun (kij), li kellhom bżonnu biex jiddefendu lilhom infushom mill-ħallelin fi triqthom lejn Krakovja. Il-bsaten li l-Kijacy kienu jġorru kienu jservu wkoll bħala prova tal-identità tagħhom. Minn età bikrija il-Kijacy kienu jingħataw il-marka ornamentali tagħhom, magħrufa mal-oħrajn kollha, u din kienet tiġi minquxa fil-bastun individwali tagħhom.

Iż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 hija kkaratterizzata minn art bl-għoljiet. Minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi lokali ma kienx possibbli li ssir il-biedja standard, u għalhekk il-popolazzjoni lokali kienet taħdem prinċipalment fil-kummerċ tal-annimali. Kienu jipproduċu wkoll prodotti tal-laħam ipproċessat, fosthom il-“kiełbasa piaszczańska”, li għal sekli sħaħ baqa’ jiġi prodott mill-abitanti tal-villaġġi madwar Krokovja bla heda. Mir-rekords lokali u mill-informazzjoni miżmuma fil-Mużew tal-Etnografija ta’ Krakovja, joħroġ li t-togħma taz-zalzett hija dovuta għall-għarfien tal-ambjent naturali li kellhom in-nies li kienu jgħixu fil-foresta Czarny Las. F’sekli remoti, din kienet tagħmel parti minn foresta ikbar li testendi mill-periferija taż-żona Krzemionki qrib Krakovja, tgħaddi mill-Karpazji, u tibqa’ sejra sal-fruntiera mal-Ungerija. Illum, għad fadal biss parti mill-foresta li tinsab bejn Ochojno u Rajsko, u żammet l-isem ta’ Czarny Las. Minn żmien żemżem, hawnhekk il-laħam kien staġjonat permezz ta’ infużjoni ta’ diversi ħxejjex aromatiċi, inkluż il-frott tal-ġnibru. Kienu jintużaw ħxejjex aromatiċi u ħwawar naturali komuni mhux biss biex jikkumplimentaw it-togħma, iżda anki biex jibbilanċjaw l-effett negattiv tax-xaħam tal-annimali fuq is-saħħa tal-bniedem. Sa tmiem is-seklu dsatax, it-taħlitliet tal-ħxejjex aromatiċi kienu jitħejjew u jinbiegħu mill-Kijacy li kienu familjari mal-pjanti lokali. L-użu tal-istokk ta’ ħxejjex aromatiċi li ssemma iktar ’il fuq fil-produzzjoni tal-“kiełbasa piaszczańska” huwa uniku u jiddistingwi dan il-prodott minn zalzett ieħor. Fil-Polonja, normalment ma jiżdiedux ħwawar maz-zalzett għajr il-melħ, il-bżar u t-tewm.

Il-proċess tal-immarinar tal-laħam żviluppat mill-abitanti lokali, li jiddistingwi l-“kiełbasa piaszczańska” minn zalzett ieħor, kien isir f’kantini magħmula mill-ħamrija magħrufa bħala ziemianki, li jipprovdu temperaturi baxxi u umdità b’mod konsistenti. Għal sekli sħaħ, il-proċess tat-tqattigħ bir-reqqa tal-laħam kien jitwettaq fuq blokok wisgħin tal-injam bl-użu ta’ xwabel tqal, li mbagħad kienu sostitwiti bi mnarnar wisgħin, filwaqt li kien biss fil-bidu tas-seklu għoxrin li ġew introdotti l-magni tal-ikkapuljat manwali. L-intestini kienu jimtlew bit-taħlita tal-laħam bl-idejn permezz ta’ qarn tal-gendus, li fi żminijiet moderni ġie sostotwit b’tagħmir mekkaniku.

L-affumikar hu pass importanti fil-produzzjoni tal-“kiełbasa piaszczańska”. Għall-ewwel l-affumikar tal-prodotti tal-laħam staġjonat kien isir f’fossa magħmula mill-ħamrija, u mbagħad fid-dwejriet li fihom kienu jgħixu l-Kijacy li kellhom ċmieni wisgħin b’bibien fuq il-fuklar. Sas-seklu dsatax, ħafna mill-abitanti tal-lokal kellhom kmamar fuq barra apposta għall-affumikar. Illum l-affumikar isir fi kmamar apposta, li fihom is-sħana u d-duħħan jiġu prodotti bil-ħruq tal-injam mis-siġar li jwaqqgħu l-weraq, jiġifieri tal-fagu, tal-alnu u tal-ballut. Id-duħħan u s-sħana joħorġu mill-fran li jinsabu fil-parti ta’ isfel tal-kamra, u hekk isir l-affumikar taz-zalzett, li jkun imdendel minn mal-poli, u jiġi affumikat bit-tlugħ tas-sħana u tad-duħħan. Element addizzjonali fil-proċess tal-affumikar li huwa speċifiku għall-“kiełbasa piaszczańska” huwa l-użu moderat tal-friegħi u tal-frott tal-ġnibru fil-fażi finali. Il-produtturi tal-“kiełbasa piaszczańska” kienu pijunieri fil-prattika tal-affumikar b’dan il-mod. It-togħma eċċezzjonali u l-aroma liema bħalha tal-“kiełbasa piaszczańska” huma dovuti għall-kumbinazzjoni partikolari tat-tipi ta’ njam użat fil-proċess tal-affumikar. Iz-zalzett “kiełbasa piaszczańska” affumikat sew jista’ jinħażen sa massimu ta’ xahar.

Biex issir il-produzzjoni tal-“kiełbasa piaszczańska” jintgħażel laħam ta’ kwalità għolja u l-prodott kien saħansitra jisserva fuq il-mejda rjali. Il-leġġendi lokali jikkonfermaw ir-rabta bejn il-“kiełbasa piaszczańska” u ż-żona ġeografika fejn jiġi prodott, kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħu. Waħda minnhom saret it-tema ta’ ħidma letterarja ppubblikata fl-1899 mill-etnografu Seweryn Udziela, il-fundatur tal-Mużew tal-etnografija fi Krakovja u l-awtur tal-ktieb “Dwanaście legend i podań z pod Krakowa” (“Tnax-il leġġenda u ġrajjiet tal-folklor miż-żona ta’ Krakovja”) (Lwów, 1899). Skont il-leġġenda, fir-renju tar-Re Casimir il-Kbir l-abitanti ta’ Wielkie Piaski ġabu z-zalzett li kienu jipproduċu biex ibigħuh fi Krakovja. Madankollu, dawk li kienu jbigħu l-laħam f’dik il-belt bdew jgħiru, u ppruvaw jikkonvinċu lill-kunsill tal-belt biex iċaħħad lir-raħħala milli jġibu l-laħam tagħhom fil-belt u jbigħuh. Il-Kijacy appellaw lir-Re, li wegħedhom li jħallihom ikomplu bil-kummerċ tagħhom jekk ikunu kapaċi jdaħħlu fil-belt zalzetta twila żewġ metri mingħajr ma jħallu lill-għassiesa jintebħu. Ir-raħħala ġiethom l-idea li jħaffru bastun twil u jaħbu z-zalzetta ġo fih. B’hekk, Casimir il-Kbir tahom il-permess biex ikomplu jbigħu z-zalzett tagħhom fi Krakovja, u minn hemm ’il quddiem baqgħu magħrufin bħala Kijacy; isem li baqa’ sal-lum.

Mill-1825, il-Kijacy bdew ibiegħu z-zalzett magħruf ħafna tagħhom “kiełbasa piaszczańska” fis-suq ta’ “jatki dominikańskie” fil-Pjazza Szczepanski, u iktar tard fil-ħwienet tagħhom stess. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u fi żmien ir-Repubbilka tal-Poplu tal-Polonja fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin, fil-pajjiż kienet teżisti sistema ekonomika ċentrali ppjanifikata. B’riżultat ta’ dan, ma kienx possibbli li jinżammu t-tradizzjonijiet tal-bejjiegħa tal-laħam u tal-Kijacy, peress li ma kienx hemm suq ħieles. Fl-aħħar snin tas-seklu għoxrin, il-produzzjoni tal-“kiełbasa piaszczańska” kienet limitata għall-konsum domestiku privat. Madankollu, ir-riċetta u t-togħma unika baqgħu l-istess, u z-zalzett irritorna fis-suq kummerċjali.

Issa l-“kiełbasa piaszczańska”, li ilu magħruf fi Krakovja u fl-inħawi ta’ madwarha għal sekli sħaħ, qed jikseb popolarità akbar. L-istorja unika tal-produzzjoni tiegħu f’żoni konnessi bil-“metodu kijak”, kif irrakkuntata f’għadd ta’ dokumenti u studji mwettqa b’tifkira tal-abitanti ta’ Wielkie Piaski, tikkontribwixxi għall-karattru uniku tal-prodott. Għalhekk, huwa importanti li l-għarfien u l-ħiliet involuti fil-produzzjoni ta’ dan iz-zalzett bħala prodott reġjonali jinżammu u li jkun żgurat li jingħaddew lill-ġenerazzjonijiet futuri. L-apprezzament tal-konsumaturi fir-rigward tat-togħma taz-zalzett eċċezzjonali “kiełbasa piaszczańska” ġie kkonfermat ukoll bir-rikonoxximenti u bil-premijiet li rebaħ fil-fieri u fil-kompetizzjonijiet tal-ikel:

il-premju “Agro Polska”, Rzeszów, fl-4 ta’ Ġunju 2012.

Iż-żieda tal-“kiełbasa piaszczańska” fil-Lista ta’ Prodotti Tradizzjonali tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, fit-3 ta’ Ġunju 2013.

Ir-rikonoxximent fil-kompetizzjoni “Małopolski Smak”, fid-9 ta’ Ġunju 2013.

L-ewwel premju fil-kompetizzjoni ta’ Nawojowa bl-isem ta’ “Nasze Kulinarne Dziedzictwo – Smaki Regionów”, fit-8 ta’ Settembru 2013.

Il-midalja “Smaki Regionów”, Poznań, fit-22 ta’ Settembru 2013.

Iċ-ċertifikat tal-iskema dwar il-kwalità tal-ikel nazzjonali “Jakość Tradycja”, fit-3 ta’ Lulju 2014.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://www.minrol.gov.pl/Jakosc-zywnosci/Produkty-regionalne-i-tradycyjne/Zlozone-wnioski-o-rejestracje-Produkty-regionalne-i-tradycyjne/OGLOSZENIE-MINISTRA-ROLNICTWA-I-ROZWOJU-WSI-z-dnia-18-maja-2016-roku


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top