EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008A1129(01)

Opinjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta' Novembru 2008 fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE f'dak li jirrigwarda miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta' magna taċ-ċana elettrika tad-ditta STRAUS AUSTRIA MD-2007-141 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 306, 29.11.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 306/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Novembru 2008

fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE f'dak li jirrigwarda miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta' magna taċ-ċana elettrika tad-ditta STRAUS AUSTRIA MD-2007-141

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 306/01)

1.   In-notifika mill-awtoritajiet ungeriżi

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-makkinarju jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju kopert mid-Direttiva jkun jista' jitqiegħed fis-suq u jitħaddem biss jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza tan-nies u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, meta jkun installat u miżmum kif suppost u użat għall-għan li għalih ikun maħsub.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju li juri l-marka CE użat skond l-għan li għalih ikun maħsub jista' jipperikola s-sikurezza tan-nies, u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, dan għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira mis-suq makkinarju ta' dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'kull miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu.

Nhar l-4 ta' Settembru 2007, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura ta' projbizzjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' magna taċ-ċana elettrika ta' l-id li tinġarr tad-ditta STRAUS AUSTRIA, u tat-tip ST/PL821-902 Il-manifattur tal-makkinarju huwa Jiangsu Jinding Electric Tools Group Co. Ltd, Huangli Town, Changzhou, Jiangsu, 213151, iċ-Ċina u l-makkinarju jitqassam minn Superline Hungary Kft., H-1162 Budapest, Csömöri út 269, l-Ungerija u minn Dimension Europe Kft., H-1173 Budapest, Újlak u. 21. 5. em. 50, l-Ungerija.

Il-fajl li ngħata lill-Kummissjoni Ewropea inkluda d-dokumenti li ġejjin:

iċ-Ċertifikat Nru AM50046679 0001 iddatat id-29 ta' Lulju 2004 u ċ-Ċertifikat Nru S 50045577 iddatat id-29 ta' Lulju 2004 maħruġa minn TÜV Rheinland Product Safety GmbH, Am Grauen Stein, D-51105 Cologne, għal magna taċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2A bil-marka “GS” għall-magna taċ-ċana elettrika,

dikjarazzjoni minn Jiangsu Jinging Electric Tools, iċ-Ċina, iddatata t-30 ta' Awwissu 2006 li tgħid li l-magna taċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2A hija l-istess bħall-magna taċ-ċana elettrika tat-tip ST/PL 821-902 soġġetta għall-miżura Ungeriża,

dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE mfassla minn Superline Hungary Kft. iddatata l-5 ta' Lulju 2006 li tirreferi għaċ-Ċertifikat Nru S 50045677.

Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija mitluba, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, li tiddikjara jekk issibx li miżura bħal din hija ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha xierqa fir-rigward tal-makkinarju kkonċernat, skond l-obbligi tagħhom mill-Artikolu 2(1).

2.   Ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet ungeriżi

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi kienet imsejsa fuq in-nuqqas ta' konformità tal-magna taċ-ċana elettrika mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sikurezza li ġejjin ta' l-Anness 1 tad-Direttiva 98/37/KE (b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-istandards armonizzati Ewropej EN 60745-1:2003 — Għodda elettriċi ta' l-id bil-muturSikurezzaParti 1: Rekwiżiti ġenerali u EN 60745-2-14 Għodda elettriċi ta' l-id bil-muturSikurezza- Parti 2-14: Rekwiżiti partikolari għal magni taċ-ċana, li għalihom hemm referenza fid-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tal-manifattur):

1.5.1   Provvista ta' l-elettriku

Qawwa elettrika insuffiċjenti ta' l-iżolament imsaħħaħ: għadda l-kurrent bejn il-partijiet aċċessibbli tal-metall u l-partijiet li fihom il-kurrent b'livell ta' vultaġġ aktar baxx mil-limitu preskritt, li għaldaqstant joħloq riskju ta' xokk elettriku.

1.5.6   Nar

Matul it-test termali l-makkinarju ħa n-nar, ħarġu minnu duħħan u fjamma, imbagħad waqaf.

1.7.3   Immarkar

Il-marka ta' identifikazzjoni, l-isem u l-indirizz tal-manifattur u s-sena tal-manifattura ma kienux indikati fuq il-magna taċ-ċana.

1.7.4   Istruzzjonijiet

L-istruzzjonijiet ma kienx fihom l-isem u l-indirizz tal-manifattur u lanqas ma kien fihom il-bosta istruzzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim sigur tal-makkinarju, bħal regoli ta' sikurezza għall-elettriku, eċċ.

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni

Nhar il-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet lil Jiangsu Jinding Electric Tools Group Co., Superline Hungary Kft. li ffirmat id-Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE, u lil Dimension Europe Kft., u stednithom jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi.

Nhar il-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet ukoll lil TÜV Rheinland, Cologne, li kienet ħarġet ċertifikat ta' konformità Nru AM 50046679 0001 għal magna taċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2A li ġie mistqarr kienet l-istess bħall-magna taċ-ċana elettrika tat-tip ST/PL 821-902 soġġetta għall-miżura Ungeriża.

Nhar it-3 ta' Diċembru 2007, TÜV Rheinland wieġbet biex tikkonferma li kienet ħarġet ċertifikat ta' konformità għall-magna taċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2A u qalet li ċ-ċertifikat kien validu biss sa Marzu 2007. Din ma setgħetx tikkonferma li l-magna taċ-ċana elettrika tat-tip ST/PL 821-902 kienet l-istess bħall-magna taċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2A u stqarret li ma kienux ippruvaw jew iċċertifikaw it-tip ST/PL 821-902.

Nhar is-6 ta' Diċembru 2007, Jiangsu Jinding Electric Tools Group Co. wieġbet biex qalet li l-magna taċ-ċana elettrika tagħha u l-magna taċ-ċana soġġetta għall-miżura Ungeriża ma kienux identiċi u li l-magna taċ-ċana soġġetta għall-miżura Ungeriża ma kinitx immanifatturata minnha. Stqarret li kienet qed tqis tieħu azzjoni legali kontra dawk li għamlu użu minn isimha b'mod negattiv.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli u l-kummenti tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Ungeriżi urew li l-makkinarju soġġett għall-miżura restrittiva jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sikurezza msemmija hawn fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta' konformità huma ta' riskju serju għall-persuni li jużaw il-makkinarju msemmi.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura mitluba, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi hija ġġustifikata.

Magħmula fi Brussell, 27 ta' Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President tal-Kummissjoni


Top