EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Distribuzzjoni tal-assigurazzjoni — regoli ġodda mill-2018

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2016/97 — regoli dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li ttejjeb il-mod kif il-prodotti tal-assigurazzjoni jinbiegħu biex jiksbu benefiċċji reali għall-konsumaturi u għall-investituri bl-imnut fl-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Taħt id-Direttiva l-ġdida dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni*, il-konsumaturi u l-investituri bl-imnut li jixtru prodotti tal-assigurazzjoni jew prodotti ta’ investimenti ibbażati fuq l-assigurazzjoni sejrin jibbenefikaw minn:
    • trasparenza akbar tad-distributuri tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-prezz u l-kostijiet tal-prodotti tagħhom, sabiex ikun ċar għall-konsumaturi għal xiex qegħdin iħallsu;
    • informazzjoni aqwa u aktar komprensibbli, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar informati, b’Dokument ta’ Informazzjoni dwar il-Prodotti tal-Assigurazzjoni (IPID) sempliċi u standardizzat għall-prodotti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja;
    • meta l-prodotti tal-assigurazzjoni jkunu offruti f’pakkett ma’ oġġett jew servizz ieħor, pereżempju meta karozza ġdida tinbiegħ bi prezz tajjeb ħafna ma’ assigurazzjoni tal-vetturi, il-konsumaturi jkollhom l-għażla li jixtru s-servizz ewlieni mingħajr il-polza tal-assigurazzjoni;
    • regoli dwar it-trasparenza u l-imġiba fin-negozju biex jipprevjenu lill-konsumaturi milli jixtru prodotti li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tagħhom.
  • Dawn ir-regoli issa japplikaw meta prodott jinxtara direttament minn kumpanija tal-assigurazzjoni, u mhux biss (bħal fil-passat) meta l-prodotti jinxtraw permezz tal-intermedjarji bħall-aġenti u sensara.
  • Hemm salvagwardji aktar qawwija għall-bejgħ tal-prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja b’elementi ta’ investiment, bħal kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja relatati ma’ unitajiet. Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jbigħu dawn il-prodotti jridu jaċċertaw li l-prodott huwa adattat għas-sitwazzjoni finanzjarja, l-għanijiet ta’ investiment u l-esperjenza fil-qasam tal-investiment tal-klijent.
  • Id-distributuri tal-assigurazzjoni sejrin jibbenefikaw minn kompetizzjoni ġusta f’kundizzjonijiet ugwali u qafas legali mtejjeb għan-negozju transkonfinali.
  • Id-direttiva tirriformula u tissostitwixxi d-Direttiva 2002/92/KE dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni b’effett mit-23 ta’ Frar 2018.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija tapplika mit-22 ta’ Frar 2016. Il-pajjiżi tal-UE jkollhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-23 ta’ Frar 2018.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Distribuzzjoni tal-assigurazzjoni: il-bejgħ, il-proposta għall-bejgħ, l-għoti ta’ pariri dwar xi kuntratt ta’ assigurazzjoni jew it-twettiq ta’ xogħol ieħor qabel jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni inkluż l-indirizzar tal-klejms wara avveniment ta’ assigurazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, pp. 19-59)

ATTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, pp. 3-10)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/92/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 25.07.2016

Top