Ftehim Qafas dwar il-Koperazzjoni Interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u Mercosur
SOMMARJU TA’:
Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/279/KE — li tikkonkludi f’isem il-Komunità Ewropea, il-ftehim qafas dwar il-koperazzjoni interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu
Ftehim Qafas dwar il-Koperazzjoni Interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?
- Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).
- Il-ftehim, ibbażat fuq prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet u jistabbilixxi l-pedamenti għal Assoċjazzjoni Interreġjonali bejn l-UE u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar (Mercosur).
PUNTI EWLENIN
- Flimkien ma serje ta’ ftehimiet bilaterali, l-UE kkonkludiet dan il-Ftehim Qafas Interreġjonali ma’ Mercosur.
- Mercosur jinkludi l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj.
- Il-ftehim ikopri kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, kooperazzjoni u oqsma oħra ta’ interess reċiproku.
- Fir-rigward ta’ kummerċ, id-djalogu regolari dwar kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi huwa ddisinjat biex jipprepara għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ gradwali u reċiproku, u l-oqsma ta’ kooperazzjoni ewlenin jinkludu:
- aċċess għas-suq, liberalizzazzjoni tal-kummerċ u dixxiplini kummerċjali;
- il-kompatibilità tal-kummerċ mar-regoli tad-WTO;
- l-identifikazzjoni ta’ prodotti sensittivi u ta’ prijorità;
- il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq is-servizzi.
- Għalkemm ebda settur mhu eskluż mill-kooperazzjoni ekonomika, il-ftehim speċifikament ikopri:
- l-enerġija;
- it-trasport;
- it-telekomunikazzjonijiet u t-teknoloġija tal-informazzjoni;
- il-protezzjoni ambjentali;
- ix-xjenza u t-teknoloġija;
- il-koperazzjoni fin-negozju u
- l-promozzjoni ta’ investiment.
- Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni jinkludu:
- taħriġ u edukazzjoni;
- komunikazzjoni, informazzjoni u kultura, fejn l-għan huwa li jippromwovi l-fehim reċiproku u jsaħħaħ ir-rabtiet kulturali;
- il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi.
Finanzjament
- Il-partijiet jaqblu li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa u jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jagħti aktar għajnuna lil Mercosur biex jikseb l-għanijiet tal-ftehim.
Appoġġ istituzzjonali
- Kunsill ta’ Kooperazzjoni li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim jiltaqa’ regolarment f’livell ministerjali.
Assoċjazzjoni Interreġjonali
- Il-ftehim jistabbilixxi djalogu politiku regolari biex javvanza l-progress lejn Assoċjazzjoni Interreġjonali.
- F’Ġunju tal-2019, intlaħaq ftehim politiku dwar Assoċjazzjoni Interreġjonali bejn il-partijiet.
DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999 u huwa validu għal żmien indefinit.
SFOND
Għal aktar informazzjoni ara:
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/279/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-ftehim qafas dwar il-koperazzjoni interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu, min-naħa l-oħra (ĠU L 112, 29.4.1999, pp. 65-84)
Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda , u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu, min-naħa l-oħra — Dikjarazzjoni Konġunta dwar id-djalogu politiku bejn l-Unjoni Ewropea u Mercosur (ĠU L 69, 19.3.1996, pp. 4-22)
DOKUMENTI RELATATI
Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu, min-naħa l-oħra (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 62)
l-aħħar aġġornament 06.03.2020