Assistenza reċiproka f’materji kriminali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TA’:
Konvenzjoni dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
Att tal-Kunsill li jistabilixxi l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAL-ATT?
Il-konvenzjoni għandha l-għan li tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-pulizija u tad-dwana dwar kwistjonijiet kriminali u biex ittejjeb il-pass u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Hija tissupplimenta l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1959 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali u l-Protokoll tagħha tal-1978.
L-att japprova l-konvenzjoni f’isem il-pajjiżi tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Talbiet għal assistenza reċiproka
- It-talbiet għandhom isiru bil-miktub, jiġu trażmessi u mwettqa direttament mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
- It-talbiet għal trasferiment jew transitu temporanju ta’ persuni miżmuma f’kustodja u biex jintbagħtu avviżi ta’ informazzjoni minn rekords ġudizzjarji għandhom jintbagħtu mill-awtoritajiet ċentrali tal-pajjiżi tal-UE.
- F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, jistgħu jsiru talbiet permezz tal-Interpol jew kwalunkwe korp kompetenti skont ir-regoli introdotti skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
- Il-pajjiż tal-UE mitlub li jipprovdi assistenza reċiproka (pajjiż mitlub) għandu jikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri speċifikati mill-pajjiż tal-UE li għamel it-talba (pajjiż rikjedenti) u għandu jwettaq it-talba malajr kemm jista’ jkun, billi jieħu kont kemm jista’ jkun sħiħ tal-iskadenzi indikati.
- Il-pajjiżi tal-UE jridu jibagħtu dokumenti proċedurali maħsuba għal persuni li jinsabu f’pajjiż ieħor tal-UE direttament lilhom bil-posta, iżda f’xi każijiet, id-dokumenti jistgħu jintbagħtu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż mitlub.
- Awtorità ġudizzjarja jew awtorità ċentrali f’pajjiż wieħed tal-UE tista’ tagħmel kuntatt dirett mal-pulizija jew ma’ awtorità doganali minn pajjiż ieħor tal-UE jew, fir-rigward ta’ talbiet għal assistenza reċiproka fir-rigward ta’ proċedimenti, ma’ awtorità amministrattiva minn pajjiż ieħor tal-UE. Il-pajjiżi jistgħu jirrifjutaw li japplikaw din il-klawsola jew japplikawha biss skont ċerti kondizzjonijiet.
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jaqsmu spontanjament informazzjoni dwar reati kriminali u ksur amministrattiv li l-piena jew it-trattament tagħhom huma r-responsabbiltà tal-awtorità riċeventi.
Forom speċifiċi ta’ assistenza reċiproka
- Oġġetti misruqa li jinsabu f’pajjiż ieħor tal-UE għandhom ikunu disponibbli għall-pajjiż rikjedenti sabiex ikunu jistgħu jiġu rritornati lis-sidien tagħhom.
- Persuna miżmuma fit-territorju ta’ pajjiż rikjedenti tista’, bil-kunsens tal-awtoritajiet, tiġi trasferita temporanjament lejn il-pajjiż li fih għandha ssir l-investigazzjoni. Meta wieħed mill-pajjiżi jeħtieġha, il-kunsens tal-persuna kkonċernata għandu jingħata qabel it-trasferiment.
- L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ pajjiż ieħor jistgħu jisimgħu xhud jew espert permezz ta’ vidjokonferenza jekk dan ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tal-pajjiż mitlub, u jekk il-partijiet kollha kkonċernati jaqblu.
- Kunsinni kkontrollati* jistgħu jkunu permessi fit-territorju ta’ pajjiż ieħor tal-UE fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali dwar reati ta’ estradizzjoni. L-awtoritajiet tal-pajjiż mitlub għandhom imexxuhom u jimmonitorjawhom.
- Żewġ pajjiżi jew aktar jistgħu jistabbilixxu tim konġunt ta’ investigazzjoni għal skop speċifiku u għal perjodu ta’ żmien limitat fuq il-bażi ta’ ftehim konġunt bejniethom. Uffiċjal mill-pajjiż li fih it-tim qiegħed jopera, jikkoordina u jmexxi l-attivitajiet tiegħu.
- Investigazzjonijiet jistgħu jitwettqu wkoll minn uffiċjali li jaġixxu taħt identità moħbija jew falza, sakemm jikkonformaw mal-liġi u l-proċeduri nazzjonali rilevanti.
Interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet
- Telekomunikazzjonijiet jistgħu jiġu interċettati jekk mitluba minn awtorità kompetenti minn pajjiż ieħor tal-UE, li huwa maħtur biex jagħmel dan f’dak il-pajjiż tal-UE.
- Komunikazzjonijiet jistgħu jew jiġu interċettati u trażmessi direttament lill-pajjiż li jagħmel it-talba jew jiġu rreġistrati għal trażmissjoni aktar tard.
- Interċettazzjoni tista’ ssir ukoll f’pajjiż tal-UE fejn ikun jinsab tagħmir satellitari terrestri. Jekk l-assistenza teknika ta’ dak il-pajjiż ma tkunx meħtieġa, l-interċettazzjoni titwettaq mill-fornituri tas-servizz fil-pajjiż rikjedenti. Meta l-interċettazzjoni sseħħ f’pajjiż partikolari minħabba l-post li jinsab fih is-suġġett, iżda l-ebda għajnuna teknika ma tkun meħtieġa, il-pajjiż li jkun qed iwettaq l-interċettazzjoni għandu jinforma lill-pajjiż l-ieħor bl-azzjoni tiegħu.
Regoli speċjali għal ċerti pajjiżi tal-UE
Japplikaw regoli speċjali:
- għall-Irlanda u r-Renju Unit (1) (trażmissjoni ta’ talbiet għal assistenza);
- għal-Lussemburgu (protezzjoni tad-data personali); u
- għan-Norveġja u l-Iżlanda (regoli relatati mar-regoli ta’ Schengen u d-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni).
MINN META JAPPLIKAW L-ATT U L-KONVENZJONI?
Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2005.
SFOND
Għal iktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Kunsenji kontrollati: it-teknika li tippermetti kunsenji illeċiti jew suspettati ta’ drogi, jew sostanzi sostitwiti għalihom, li jgħaddu’l barra minn, minn ġewwa jew għal ġewwa t-territorju ta’ pajjiż wieħed jew aktar, bl-għarfien u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, bil-ħsieb li jidentifikaw persuni involuti fit-twettiq tar-reati.
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea — Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Artikolu 10(9) — Dikjarazzjoni mir-Renju Unit (1) fuq l-Artikolu 20 (ĠU C 197, 12.7.2000, pp. 3-23)
Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, pp. 1-2)
DOKUMENTI RELATATI
Protokoll stabbilit mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni dwar l-għajnuna reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 21.11.2001, pp. 2-8)
Komunikazzjoni mis-Segretarju-Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni, stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, pp. 24-2)
l-aħħar aġġornament 10.09.2018