Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (UE), billi tqis il-kundizzjonijiet klimatiċi u lokali varji.
  • Din tistabbilixxi rekwiżiti minimi u qafas komuni biex jiġi kkalkulat ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
  • Wara rieżami tal-implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva 2010/31/UE ġiet emendata fl-2018 bid-Direttiva (UE)2018/844. L-għan prinċipali kien li tiġi aċċellerata r-rinnovazzjoni kosteffettiva tal-bini eżistenti u li jiġu promossi t-teknoloġiji intelliġenti fil-bini. Bħala parti mill-pakkett ta’ enerġija nadifa, id-direttiva emendatorja tikkomplementa l-leġiżlazzjoni fuq l-effiċjenza enerġetika.

PUNTI EWLENIN

  • L-Istati Membri tal-UE jridu jistabbilixxu l-aħjar rekwiżiti minimi għar-rendiment tal-użu tal-enerġija. Dawn għandhom jiġu evalwati kull 5 snin. Dawn iridu jkopru l-bini, il-komponenti tiegħu u l-enerġija użata għal:
    • tisħin spazjali
    • tkessiħ spazjali
    • ilma sħun domestiku
    • ventilazzjoni
    • Illuminazzjoni li hi parti integrali
    • sistemi oħra tekniċi tal-bini*.
  • Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli ottimali tal-kostijiet għar-rekwiżiti dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
  • Bini ġdid irid jissodisfa l-istandards minimi. Bini li huwa fis-sjieda ta’ u okkupat mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jikseb stat ta’ użu ta’ kważi żero enerġija* sal-31 ta’ Diċembru 2018 u bini ieħor ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2020.
  • Bini eżistenti, meta jkun għaddej minn rinnovazzjoni kbira, irid ikollu r-rendiment fl-użu tal-enerġija tiegħu aġġornat biex jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli.
  • L-Istati Membri jridu joperaw sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-użu tal-enerġija Iċ-ċertifikati:
    • jipprovdu informazzjoni lil xerrejja jew kerrejja prospettivi fuq il-klassifikazzjoni tal-użu tal-enerġija ta’ bini;
    • jinkludu rakkomandazzjonijiet għal titjib kosteffettiv;
    • trid issir referenza għalihom fir-reklami kummerċjali kollha fil-midja meta l-post ikun offrut għall-bejgħ jew għall-kiri;
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jridu jassikuraw li jkun hemm skemi biex jispezzjonaw is-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata

Emendi għad-direttiva oriġinali

  • Direttiva Emendatorja (UE) 2018/844 tirrekjedi li Stati Membri jistabbilixxu strateġiji ta’ rinnovazzjoni għat-terminu twil biex jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali kif ukoll dak mhux residenzjali biex jagħmluhom stokk ta’ bini b’effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzati sal-2050. L-istrateġiji jridu jissettjaw pjan direzzjonali b’miżuri u indikaturi li jistgħu jitkejlu tal-progress, bil-għan li jinkiseb l-għan tat-terminu twil tal-2050 li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra tal-UE bi 80-95% meta mqabbla mal-1990. Il-pjan direzzjonali jrid jinkludi stadji indikattivi importanti għall-2030, 2040 u 2050, u jispeċifikaw kif ser ikomplu jikkontribwixxu biex jiksbu l-miri tal-UE għall-effiċjenza enerġetika konformi ma’ Direttiva 2012/27/UE dwar effiċjenza enerġetika (ara s-sommarju).
  • Barra dan, id-direttiva riveduta:
    • tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ spezzjoni attwali tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata biex jinkludi sistemi kombinati (bil-ventilazzjoni) u biex tingħata kunsiderazzjoni għar-rendiment tas-sistemi f’kundizzjonijiet operattivi tipiċi;
    • iħeġġeġ l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u teknoloġiji intelliġenti tal-awtomatizzazzjoni u tal-kontroll fil-bini;
    • jappoġġja l-varar tal-infrastruttura għar-riċarġjar tal-vettura elettrika fil-parkeġġ ta’ bini billi jirrekjedu l-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ kanali u ta’ punti ta’ riċarġjar;
    • jintroduċi “indikatur ta’ potenzjal ta’ intelliġenza” biex jikklassifikaw il-kapaċità ta’ bini biex jadattaw għall-bżonnijiet tal-okkupant, jottimizzaw l-operazzjoni tagħhom u jinteraġixxu mal-grilja.

Skema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini

Fl-2020, il-Kummissjoni adottat att delegat u att ta’ implimentazzjoni.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155 jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2010/31/UE billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, jiġifieri jiddefinixxi l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u metodoloġija komuni li biha għandu jiġi kkalkulat. Il-metodoloġija tikkonsisti f’kalkolu ta’ punteġġi ta’ potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew unitajiet ta’ bini u ġġib il-klassifikazzjoni ta’ potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew ta’ unitajiet ta’ bini.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2156 jistabbilixxi d-dettalji tekniċi għall-implimentazzjoni tal-iskema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini. Tkopri aspetti li jinkludu:
    • l-akkreditazzjoni u l-kwalifiki tal-esperti tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza,
    • il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u termini u kundizzjonijiet tal-użu tiegħu;
    • l-ittestjar tal-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2155 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2156 ilhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2021.

Revoka

Direttiva 2010/31/UE ser tkun revokata u sostitwita bid-Direttiva (UE) 2024/1275 (ara s-sommarju) mid-29 ta’ Mejju 2026.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Direttiva 2010/31/UE kellha tkun inkorporata fil-liġi nazzjonali sad-9 ta’ Lulju 2012.
  • Direttiva Emendatorja (UE) 2018/844 kellha tkun inkorporata fil-liġi nazzjonali sal-10 ta’ Marzu 2020.

SFOND

Is-settur tal-bini fl-UE huwa l-ikbar konsumatur uniku tal-enerġija fl-Ewropa, li jassorbi 40 % tal-enerġija, u madwar 75 % tal-bini mhumiex effiċjenti fl-enerġija. Minħabba dawn il-livelli baxxi ta’ effiċjenza fl-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini hija wieħed mill-għanijiet fit-tul tal-UE. Din id-Direttiva hija element importanti li jgħin jagħmel il-bini iktar effiċjenti.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sistema teknika tal-bini. Tagħmir tekniku għal tisħin spazjali, tkessiħ spazjali, ventilazzjoni, ilma sħun domestiku, illuminazzjoni li hi parti integrali, awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini, ġenerazzjoni fuq il-post tal-elettriku jew kombinazzjoni tagħhom, inklużi dawk is-sistemi li jużaw enerġija minn sorsi rinovabbli, ta’ bini jew unità ta’ bini.
Bini kważi b’żero enerġija. Bini li għandu rendiment għoli ħafna fl-użu tal-enerġija. L-ammont verament baxx ta’ enerġija meħtieġa għandu jkun kopert sa livell sinifikanti ħafna minn sorsi rinnovabbli, li jinkludi enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotti fuq il-post jew fil-viċinanzi.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni) (ĠU L 153, 18.6.2010, pp. 13-35).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/31/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (ĠU L 431, 21.12.2020, pp. 9-24).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2156 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (ĠU L 431, 21.12.2020, pp. 25-29).

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar il-linji gwida għall-promozzjoni ta’ binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li, sal-2020, il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero (ĠU L 208, 2.8.2016, pp. 46-57).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Progress mill-Istati Membri lejn bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero (COM(2013) 483 finali/2, 7.10.2013).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini (COM(2013) 225 finali, 18.4.2013).

Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġerika, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 1–56).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta’ Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini (ĠU L 81, 21.3.2012, pp. 18-36).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.06.2024

Top