Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi appoġġ lill-persuni li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni jew l-effetti li għadhom preżenti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

PUNTI EWLENIN

Mill-2007, il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) tal-UE għen lil ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni, peress li l-kumpaniji tagħhom għalqu jew mexxew il-produzzjoni tagħhom lil hinn mill-UE, sabiex isibu xogħol ġdid jew sabiex jitħarrġu mill-ġdid. Matul il-perjodu 2009-2011 u mill-2004 ’l hawn, il-Fond għen ukoll lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja.

B’mod ġenerali, il-FEĠ jipprovdi għajnuna f’każijiet fejn tingħata s-sensja lil aktar minn 500 ħaddiem:

  • minn kumpanija waħda (inklużi l-fornituri u l-produtturi downstream tagħha); jew
  • f’settur partikolari f’reġjuni ġar wieħed jew aktar.

B’baġit annwali ta’ madwar EUR 170 miljun kull sena bejn l-2014 u l-2020, il-FEG jista’ joffri sa 60 % tal-ispejjeż tal-proġetti ddisinjati sabiex jgħin lil ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja jsibu xogħol ieħor jew jiftħu n-negozju tagħhom stess. Il-fond mhuwiex imfassal sabiex jgħin iżomm kumpaniji f’negozju jew sabiex jirristrutturaw ruħhom.

Benefiċjarji potenzjali

Il-FEG jista’ jgħin lil ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja (ħaddiema permanenti, b’terminu fiss u temporanji, u dawk li jaħdmu għar-rashom), u anki żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fl-istess reġjuni, jekk ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hija tal-inqas 20 %, bl-istess numri għall-ħaddiema li jingħataw appoġġ.

Il-miżuri eleġibbli jinkludu:

  • għajnuna biex jinstab xogħol;
  • parir dwar karrieri;
  • edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid;
  • mentoraġġ u taħriġ;
  • intraprenditorija u ħolqien ta’ negozju.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Applikazzjonijiet għal assistenza jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea mill-gvernijiet tal-UE u, jekk approvati, jiġu ġestiti u mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali. Il-proġetti jdumu għaddejjin sentejn.

B’differenza mill-proġetti fit-tul iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment (FSIE) tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-proġetti tal-FEG jipprovdu appoġġ lil individwi għal perjodu ta’ żmien qasir u definit b’mod ċar.

Revoka

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 ġie mħassar bir-Regolament (UE) 2021/691 (ara s-sommarju) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, dan għandu jkompli japplika sakemm titwettaq l-evalwazzjoni ex post.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 855-864)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, pp. 48-70)

l-aħħar aġġornament 19.08.2021

Top