This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Is-sorveljanza fiskali u l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fiż-żona tal-euro
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
SOMMARJU
X'JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?
PUNTI EWLENIN
Kamp ta' applikazzjoni
Ir-regolament japplika għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, b'regoli speċjali għal dawk soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP).
L-EDP jinkludi sett ta' regoli mfassla sabiex iġibu d-defiċit taħt it-3% tal-mira tal-prodott domestiku gross (PDG) definita fl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-kuntest tal-patt ta' stabbilita u tkabbir (SGP). Pajjiż ikollu defiċit għal sena partikolari meta l-infiq tiegħu għal dik is-sena jkun aktar mid-dħul tiegħu.
Skeda ta' żmien komuni
Ir-regoli baġitarji komuni ġodda jinkludu skeda ta' żmien baġitarja komuni skont liema l-pajjiżi taż-żona tal-euro kollha jissottomettu l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji (DBP) tagħhom sal-15 ta' Ottubru, jiġifieri qabel l-adozzjoni finali mill-parlamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni toħroġ opinjoni fid-dawl tal-konformità mar-rekwiżiti tal-SGP. Jekk il-pjan jinstab li jikser ir-regoli baġitarji komuni, il-Kummissjoni tista' titlob lill-pajjiż konċernat jibgħat abbozz tal-pjan rivedut fi żmien tliet ġimgħat mill-opinjoni tiegħu. It-talba tal-Kummissjoni ser tkun raġunata u magħmula pubblika. L-opinjoni tal-Kummissjoni mhijiex vinkolanti u l-parlamenti nazzjonali jżommu sovranità assoluta.
Fl-2013, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li tiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet għall-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u rapporti dwar il-ħruġ tad-dejn. Hija sussegwentement emendat dawn l-ispeċifikazzjonijiet f'dokument ieħor fl-2014, sabiex tipprovdi aktar kjarifika.
Konformità u tbassir
Ir-regolament jeħtieġ li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jimplimentaw korpi indipendenti inkarigati mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli fiskali relevanti u jipproduċu jew jawtorizzaw it-tbassir makroekonomiku li huwa l-bażi tal-baġit annwali u l-pjani fiskali fuq perjodu ta' żmien medju.
Ir-Rapportar
Fl-aħħar nett, il-pajjiżi taż-żona tal-euro f'EDP huma soġġetti għal rekwiżiti ta' rapportar aktar stretti. Ir-regolament jagħti lill-Kummissjoni għodda ġdida sabiex tirreaġġixxi aktar malajr meta r-rekwiżiti tal-EDP jkunu f'riskju billi tinħareġ twissija.
MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?
Dan japplika mit-30 ta' Mejju 2013.
SFOND
ATT
Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11–23)
ATTI RELATATI
Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013 tas-27 ta' Ġunju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro. (ĠU L 244, 13.9.2013, p. 11-23).
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Qafas armonizzat għall-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji u r-rapporti dwar il-ħruġ ta' dejn fiż-żona euro (COM(2013) 490 final tas-27.6.2013)
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tissostitwixxi dik il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Qafas armonizzat għall-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji u r-rapporti dwar il-ħruġ ta' dejn fiż-żona euro (COM(2014) 675 final tat-28.10.2014)
l-aħħar aġġornament 22.02.2016