MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE 1 , il-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni (AVCP) tal-prodotti għall-bini fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom iridu jitwettqu f’konformità mas-sistemi stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.
Skont l-Artikoli 28(2) u 60(h) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li tistabbilixxi s-sistemi AVCP tal-prodotti għall-bini, b’rabta ma’ prodott partikolari, familja ta’ prodotti partikolari jew karatteristika essenzjali partikolari, filwaqt li tqiesu l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet.
Għall-kittijiet ta’ balavostri u għall-kittijiet ta’ ringieli ta’ balavostri maħsuba biex jintużaw fix-xogħlijiet tal-bini unikament biex jipprevjenu l-waqgħat u mhux sottomessi għal tagħbijiet vertikali mill-istruttura, għadha ma teżistix deċiżjoni xierqa biex jiġu stabbiliti s-sistemi AVCP.
Skont l-Artikolu 28(2), jenħtieġ li l-għażla tas-sistemi AVCP tkun immirata lejn l-inqas sistema oneruża għall-manifatturi, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha. Fiċ-ċirkostanzi eżistenti, l-esperjenza fir-rigward tal-imġiba tal-prodotti inkwistjoni matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, kif muri fl-istħarriġ imwettaq fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn dawn il-prodotti naqsu milli jiksbu l-prestazzjoni ddikjarata, uriet li l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali kollha, għajr ir-reazzjoni għan-nar, jenħtieġ li titwettaq mill-manifattur qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq. Sistemi iktar onerużi mhumiex meħtieġa. Dawn l-aspetti wasslu biex il-Kummissjoni tagħżel is-sistema 4 fl-abbozz ta’ Deċiżjoni biex tkun applikabbli għall-prodotti inkwistjoni, għall-karatteristiċi essenzjali kollha għajr ir-reazzjoni għan-nar, kif previst fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.
Barra minn hekk, għall-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar, jenħtieġ li l-għażla abitwali tas-sistemi 1, 3 jew 4 titqies bħala xierqa wkoll għal dawn il-prodotti fir-rigward ta’ din il-karatteristika essenzjali biss. Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, is-sistemi AVCP li jridu jiġu stabbiliti jistgħu jiġu differenzjati biss abbażi tal-familji ta’ prodotti għall-bini jew fir-rigward ta’ ċerti karatteristiċi essenzjali. Għalhekk, sabiex issir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn tintgħażel is-sistema 1, is-sistema 3 jew is-sistema 4 biex tiġi applikata għar-reazzjoni għan-nar, l-uniku mod kif wieħed jipproċedi huwa li jagħmel referenza għal sottofamilji differenti ta’ prodotti. Jenħtieġ li dawn id-distinzjonijiet ukoll ikunu ċari u mhux ambigwi, u jenħtieġ li ma jeskludu l-ebda sottofamilja tal-familja kollha tal-prodott koperta bid-Deċiżjoni, kif definit fl-Anness.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
L-abbozz ta’ Deċiżjoni ġie diskuss fil-laqgħa tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Prodotti għall-Bini (il-GK) fl-14 ta’ Ġunju 2016, segwit minn konsultazzjoni bil-miktub tal-esperti, u mill-ġdid fil-laqgħa tal-GK fid-9 ta’ Diċembru 2016, b’konsultazzjoni bil-miktub tal-esperti bejn il-25 ta’ Novembru 2016 u s-16 ta’ Jannar 2017. Imbagħad, l-abbozz ta’ Deċiżjoni ġie diskuss fil-laqgħa tal-GK fit-3 ta’ Ottubru 2017, ippreċedut minn laqgħa preparatorja tal-esperti nnominati mill-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati oħra fit-2 ta’ Ottubru. Fl-aħħar nett, dan l-abbozz ta’ att tressaq għal konsultazzjoni bil-miktub tal-esperti bejn it-3 u s-17 ta’ Ottubru 2017, u simultanjament twettaq stħarriġ (sat-30 ta’ Novembru 2017) fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn dawn il-prodotti naqsu milli jiksbu l-prestazzjoni ddikjarata. Qabel dawn il-passi, l-Istati Membri kollha ngħataw l-opportunità li jinnominaw esperti biex jipparteċipaw. Minbarra dawn l-esperti, ġew ikkonsultati wkoll partijiet ikkonċernati esterni oħra. Id-dokumenti li ġew diskussi fil-GK u li kienu rilevanti għall-konsultazzjoni bil-miktub ġew trażmessi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif previst fil-Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati. Waqt it-tħejjija tal-verżjoni finali tal-abbozz ta’ dan l-att għall-konsultazzjoni interservizz tqiesu wkoll l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-kuntesti.
Dan ġie ppublikat għall-feedback mill-pubbliku fuq il-Portal dwar Regolamentazzjoni aħjar mill-14 ta’ Diċembru 2018 sal-11 ta’ Jannar 2019, u nnotifikat lill-WTO mit-18 ta’ Diċembru 2018 sas-16 ta’ Frar 2019; sitt partijiet konċernati taw feedback. Il-kummenti kienu jirreferu għan-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att fir-rigward tal-prodotti koperti, in-nuqqas ta’ qbil dwar is-sistema tal-AVCP proposta, il-possibbiltà ta’ valutazzjoni konformi/mhux konformi fid-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-prodott, in-nuqqas ta’ komprensività tal-formulazzjoni fit-tabella 1 sakemm din ma kinitx intenzjonata li tiddifferenzja dan l-Att mill-prodotti koperti bil-EN 1090, u n-nuqqas ta’ komprensività tar-reazzjoni għan-nar. Il-kummenti kollha tqiesu li mhumiex rilevanti, billi l-kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit suffiċjentement ċar, l-għażla tas-sistema AVCP issejset fuq evidenzi miġbura, il-possibbiltà ta’ valutazzjoni konformi/mhux konformi hija parti mill-ħidma ta’ standardizzazzjoni (għalhekk mhux rilevanti għall-Att Delegat), it-tabella 1 sewwasew tiddistingwi t-trattament ta’ balavostri mingħajr impatt strutturali minn dawk koperti bil-EN 1090, u t-trattament tar-reazzjoni għan-nar jirrifletti dak li diġà huwa rekwiżit f’xi Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni iddeċidiet li ma timmodifikax l-abbozz tal-Att.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Skont l-Artikoli 28(2) u 60(h) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, is-sistemi AVCP tal-prodotti għall-bini, kif stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, iridu jiġu stabbiliti permezz ta’ atti delegati tal-Kummissjoni, li jridu jkunu applikabbli għal prodott partikolari, għal familja ta’ prodotti partikolari jew għal karatteristika essenzjali partikolari, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta jiġu stabbiliti s-sistemi AVCP, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni għandha tagħżel l-inqas sistema oneruża konsistenti mal-issodisfar tar-rekwiżiti bażiċi kollha għax-xogħlijiet tal-bini. Skont l-Artikolu 60(h) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, dan għandu jsir f’konformità mal-impatt tal-prodott għal dan l-issodisfar tul il-ħajja tax-xogħol mistennija tiegħu.
Id-Deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Għal dawn ir-raġunijiet, id-Deċiżjoni mistennija li taqdi l-interessi tas-settur tal-bini kollu.
DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 14.3.2019
li tissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi applikabbli għall-valutazzjoni u għall-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-kittijiet ta’ balavostri u tal-kittijiet ta’ ringieli balavostri maħsuba biex jintużaw f’xogħlijiet tal-bini unikament biex jipprevjenu l-waqgħat u mhux sottomessi għal tagħbijiet vertikali mill-istruttura
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,