This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0417(07)
Communication from the Commission COVID-19: Guidance on the implementation of relevant EU provisions in the area of asylum and return procedures and on resettlement 2020/C 126/02
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni 2020/C 126/02
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni 2020/C 126/02
C/2020/2516
ĠU C 126, 17.4.2020, p. 12–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126/12 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni
(2020/C 126/02)
Il-virus COVID-19 infirex fid-dinja kollha u skatta miżuri differenti biex tiġi llimitata l-imxija tal-kontaġju. Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni (1). B’mod partikolari, il-Ministri għas-Saħħa u għall-Intern ġew mistiedna jaċċertaw koordinazzjoni kif suppost u li fil-mira tagħhom ikollhom gwida Ewropea komuni.
Il-portata tat-theddida globali li għandna quddiemna llum tqiegħed l-enfasi fuq il-ħtieġa assoluta għall-koordinazzjoni tal-UE, sabiex l-impatt potenzjali tal-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jkun immassimizzat.
Huwa f’dan il-kuntest, li fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, fejn talbet Restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE minħabba l-COVID-19 (2). L-eżenzjonijiet għal dawn ir-restrizzjonijiet temporanji huma estiżi għall-persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew li jridu jiddaħħlu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet umanitarji oħra. Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex irażżnu u jillimitaw l-imxija ulterjuri tal-COVID-19 għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju u fuq pariri xjentifiċi, u jridu jibqgħu proporzjonati. Kwalunkwe restrizzjoni fil-qasam tal-asil, tar-ritorn u tar-risistemazzjoni trid tkun proporzjonata, trid tiġi implimentata b’mod nondiskriminatorju u trid tqis il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-obbligi skont il-liġi internazzjonali.
Il-pandemija għandha konsegwenzi diretti fuq il-mod kif qed jiġu implimentati r-regoli tal-UE dwar l-asil u r-ritorn mill-Istati Membri, u effett ta’ xkiel fuq ir-risistemazzjoni. Il-Kummissjoni tagħraf kompletament id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri fil-kuntest attwali meta jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE f’dan ir-rigward. Kwalunkwe miżura meħuda fil-qasam tal-asil, ir-risistemazzjoni u r-ritorn għandha wkoll tqis kompletament il-miżuri dwar il-protezzjoni tas-saħħa introdotti mill-Istati Membri fit-territorji tagħhom biex jipprevjenu u jrażżnu l-imxija tal-COVID-19.
F’dan il-kuntest, u sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ, il-Kummissjoni ħejjiet din il-gwida (il-Gwida), bl-appoġġ tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li hija biss il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tista’ tagħti interpretazzjonijiet awtoritattivi tal-liġi tal-Unjoni.
Il-Gwida tiddeskrivi kif, kemm jista’ jkun possibbli, tista’ tiġi aċċertata l-kontinwità tal-proċeduri filwaqt li tiġi aċċertata mija fil-mija l-protezzjoni tas-saħħa u tad-drittijiet fundamentali tan-nies skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-istess ħin, tfakkar il-prinċipji fundamentali li jridu jibqgħu japplikaw, sabiex l-aċċess għall-proċeduri tal-asil ikompli kemm jista’ jkun matul il-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jridu jiġu rreġistrati u pproċessati, anke jekk ikun hemm ċertu dewmien. It-trattament ta’ emerġenza u essenzjali tal-mard, inkluż il-COVID-19, irid jiġi aċċertat.
F’dan ir-rigward, il-Gwida tipprovdi wkoll pariri prattiċi u tidentifika għodod, inkluż billi tindika l-aħjar prattiki emerġenti fl-Istati Membri kif isiru l-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u kif jitkomplew l-attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni fiċ-ċirkostanzi attwali, minħabba li l-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevedix il-konsegwenzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija.
Sabiex jipprevjenu u jrażżnu l-imxija tal-COVID-19, miżuri tas-saħħa pubblika bħall-iskrinjar mediku, it-tbegħid soċjali u l-kwarantina u l-iżolament għandhom jiġu applikati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont kif ikun meħtieġ, inkluż għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għall-persuni risistemati jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fl-Unjoni dment li dawn il-miżuri jkunu raġonevoli, proporzjonati u nondiskriminatorji.
Il-gwida prattika inkluża tul id-dokument għandha l-għan li tipprovdi eżempji ta’ dak li huwa possibbli li jsir fil-limiti tal-acquis, li jista’ jintuża kif xieraq minn kull Stat Membri filwaqt li jitqiesu r-riżorsi disponibbli u l-prattiki nazzjonali li diġà jeżistu.
Il-Gwida tkopri b’mod partikolari:
L-asil: ir-reġistrazzjoni u t-tressiq ta’ applikazzjonijiet, il-modalitajiet għat-twettiq ta’ intervisti u l-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza inkluża d-detenzjoni, kif ukoll il-proċeduri skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament ta’ Dublin”).
Ir-risistemazzjoni: il-modalitajiet prattiċi, sa fejn ikun possibbli, ikomplu l-operazzjonijiet preparatorji sabiex b’hekk ir-risistemazzjonijiet ikunu jistgħu jissoktaw mingħajr intoppi malli dan jerġa’ jkun possibbli.
Ir-ritorn: miżuri prattiċi li jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq tal-proċeduri tar-ritorn fiċ-ċirkostanzi attwali, l-appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni, il-protezzjoni tal-migranti mill-konsegwenzi mhux intenzjonati tal-miżuri restrittivi fuq l-ivvjaġġar internazzjonali, il-garanzija ta’ aċċess għal servizzi essenzjali adegwati, kif ukoll kjarifika dwar f’liema kondizzjonijiet id-detenzjoni tal-migranti irregolari tkun raġonevoli u proporzjonata.
L-għoti ta’ gwida huwa eżerċizzju dinamiku, li jaf ikollu bżonn jevolvi. Dan se jiġi kkomplementat minn attivitajiet mill-aġenziji rilevanti tal-UE fl-għamla ta’ laqgħat tematiċi ddedikati (3) biex jassistu lill-Istati Membri b’pariri prattiċi addizzjonali u biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi. Barra minn hekk, hija disponibbli wkoll gwida ġenerali mill-EASO dwar diversi kwistjonijiet speċifiċi ewlenin koperti minn din il-Gwida (4).
1. L-asil
Il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex tiġi limitata l-interazzjoni soċjali fost il-persunal tal-asil u l-applikanti għall-asil għandhom impatt fuq il-proċessi tal-asil. Billi l-awtoritajiet sanitarji nazzjonali jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u l-pariri xjentifiċi, biex irażżnu u jkomplu jillimitaw l-imxija tal-COVID-19, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u skont il-liġi tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, anke jekk ikun hemm dewmien, l-applikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali trid tiġi rreġistrata mill-awtoritajiet u jridu jkunu jistgħu jressquha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-qagħda tal-persuni vulnerabbli, tal-familji u tal-minorenni (inklużi minorenni mhux akkumpanjati), u l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali jridu jiġu ttrattati b’dinjità, u għall-inqas għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom.
Fir-rigward tal-proċeduri tal-asil, peress li sitwazzjoni bħal dik li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx prevista fid-Direttiva 2013/32/UE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil”), tista’ tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ regoli derogatorji bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva f’każ ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji (5). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Eurodac”) jipprevedi b’mod speċifiku l-possibbiltà li jiġi pospost il-ġbir tal-marki tas-swaba’ minħabba miżuri meħuda għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (6).
Fir-rigward tar-responsabbiltà għall-eżaminar tal-applikazzjonijiet, fir-Regolament ta’ Dublin hemm lok għal flessibbiltà rigward, b’mod partikolari, l-intervisti personali, il-proċeduri tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-minorenni mhux akkumpanjati, u l-applikazzjoni ta’ klawżoli diskrezzjonali.
Fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-possibbiltà skont id-Direttiva 2013/33/UE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza”) li b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu, f’każijiet ġustifikati kif suppost u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, modalitajiet differenti għall-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minn dawk li jkunu meħtieġa normalment (7). Tali modalitajiet iridu fi kwalunkwe każ ikopru l-ħtiġijiet bażiċi inkluż il-kura tas-saħħa. Il-miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament għall-prevenzjoni tal-imxija tal-COVID-19 mhumiex irregolati mill-acquis tal-UE dwar l-asil. Tali miżuri jistgħu jiġu imposti wkoll fuq l-applikant għall-asil f’konformità mal-liġi nazzjonali, dment li jkunu neċessarji, proporzjonati u nondiskriminatorji.
1.1. Il-proċeduri tal-asil
Fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi applikat it-tbegħid soċjali u minħabba n-nuqqas ta’ persunal, diversi Stati Membri rrapportaw l-għeluq tal-amministrazzjonijiet tal-asil jew l-aċċess biss b’notifika minn qabel permezz ta’ servizzi elettroniċi jew bit-telefown. L-Istati Membri rrapportaw ukoll restrizzjonijiet fis-servizz b’rabta mar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Xi Stati Membri speċifikaw li inġenerali r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet hija sospiża jew hija permessa biss għal każijiet eċċezzjonali u/jew għal persuni vulnerabbli.
L-Artikolu 6(5) ta’ dik id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-limitu ta’ żmien għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet sa għaxart ijiem ta’ xogħol fejn applikazzjonijiet simultanji minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġu rispettati dawk il-limiti ta’ żmien. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw din ir-regola derogatorja għal perjodu limitat ta’ żmien meta jkun diffiċli ħafna fil-prattika għall-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw il-limitu ta’ tlett ijiem jew ta’ sitt ijiem għar-reġistrazzjoni b’riżultat tas-sitwazzjoni tal-COVID-19, li jista’ jkollha impatt simili, fid-dawl tal-fini ġenerali tal-leġiżlazzjoni u l-interessi kkonċernati, għal diffikultà li tirriżulta minn numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji meta jitqies li l-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevedix iċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe dewmien ulterjuri fir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-applikanti skont id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza li japplikaw mill-mument li fih issir l-applikazzjoni.
F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-informazzjoni dwar il-bidliet fir-rigward tar-reġistrazzjoni u t-tressiq tal-applikazzjonijiet tingħata lill-persunal tal-awtoritajiet li x’aktarx jirċievi applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (bħall-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni) sabiex ikun jista’ jirreferi l-każijiet għar-reġistrazzjoni u jinforma lill-applikanti fejn u kif jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.
Gwida prattika:
|
It-tressiq tal-applikazzjonijiet
F’xi Stati Membri l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jitressqu permezz tal-posta. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li, meta jkun meħtieġ, għandu jkun possibbli li l-applikazzjonijiet jitressqu permezz ta’ formola bil-posta jew preferibbilment online. F’konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, imbagħad l-applikazzjoni titqies li tressqet ladarba l-formola tkun waslet għand l-awtoritajiet kompetenti.
Gwida prattika:
|
Intervisti personali:
Ħafna Stati Membri pposponew l-intervisti personali. Oħrajn qed jorganizzaw l-intervisti b’arranġamenti speċifiċi, billi jużaw il-vidjokonferenzi jew billi jinstallaw ħġieġa ta’ sikurezza. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li kemm jista’ jkun l-Istati Membri jużaw tali arranġamenti temporanji speċifiċi dment li jiġu stabbiliti l-arranġamenti xierqa rigward il-faċilitajiet u jiġu aċċertati l-interpretazzjoni kif ukoll l-aċċess għall-assistenza u għar-rappreżentazzjoni legali mill-awtoritajiet kompetenti.
L-Istati Membri jistgħu jużaw l-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil u ma jagħmlux l-intervista personali, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, partikolarment jekk ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li jissuġġerixxu li applikant jaf qabditu l-COVID-19. F’tali każijiet, għandhom isiru sforzi raġonevoli biex l-applikant ikun jista’ jippreżenta aktar informazzjoni. In-nuqqas ta’ intervista personali ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.
Barra minn hekk, meta jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa possibbli li jitwettaq l-eżami preliminari ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti abbażi ta’ preżentazzjoni bil-miktub biss, mingħajr ma ssir intervista personali f’konformità mal-Artikolu 42(2)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil.
Gwida prattika:
|
Limitu ta’ żmien għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami
L-Artikolu 31(3)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-perjodu ta’ sitt xhur għall-konklużjoni tal-eżaminar tal-applikazzjonijiet b’perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra meta numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali u jagħmluha diffiċli fil-prattika li l-eżaminar jiġi konkluż f’dan il-limitu ta’ żmien. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw din ir-regola derogatorja temporanja meta jkun diffiċli ħafna fil-prattika għalihom li jirrispettaw il-limitu ta’ sitt xhur għall-eżaminar ta’ applikazzjonijiet bħala riżultat tas-sitwazzjoni tal-COVID-19, li jista’ jkollha impatt simili, fid-dawl tal-fini ġenerali tal-leġiżlazzjoni u l-interessi kkonċernati, għal diffikultà li tirriżulta minn numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji, meta jitqies li ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija ma kinux previsti mill-koleġiżlatur.
1.2 Ir-Regolament ta’ Dublin
It-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin
L-EASO bagħat domanda (8) lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin u l-Kummissjoni tat segwitu għal din id-domanda b’talba għal data speċifika. Abbażi tat-tweġibiet mill-Istati Membri, mit-30 ta’ Marzu 2020 in-numru massimu ta’ każijiet li fihom il-fatt li attwalment l-applikanti ma setgħux jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli minħabba l-COVID-19 irriżulta f’bidla fir-responsabbiltà, huwa ta’ ftit aktar minn 1,000 każ (9) mill-25 ta’ Frar 2020 ’l hawn, u s-sitwazzjoni affettwat sitt Stati Membri.
Abbażi tat-tweġibiet tal-Istati Membri, hu stmat li 25 Stat Membru se jkollhom massimu ta’ 6,000 każ li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel qabel l-1 ta’ Ġunju 2020 jekk it-trasferimenti ma jitkomplewx minħabba l-COVID-19. Madankollu, xi Stati Membri, inklużi Stati Membri b’numri kbar ta’ każijiet ta’ trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin, ma setgħux inaqqsu l-każijiet li fihom il-persuna ħarbet jew il-każ għadu pendenti fil-livell amministrattiv jew quddiem qorti jew tribunal, jew ma setgħux jidentifikaw il-limiti ta’ żmien individwali u għalhekk ibbażaw in-numru ta’ każijiet li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel fuq stima. Għalhekk, in-numru mistenni ta’ każijiet li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel minħabba l-COVID-19 fix-xahrejn li ġejjin se jkun ferm iktar baxx.
Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema skont ir-Regolament ta’ Dublin. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jissoktaw bit-trasferimenti malli jkun possibbli fil-prattika fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jevolvu. Il-Kummissjoni u l-EASO lesti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali, kif ikun meħtieġ.
Qabel ma jwettqu kwalunkwe trasferiment, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni b’rabta mal-COVID-19, inkluż is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pressjoni kbira fuq is-sistema tas-saħħa, fl-Istat Membru responsabbli. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu kif dovut li ma jdewmux l-eżaminar tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni attwali.
Meta trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli ma jsirx fil-limitu ta’ żmien applikabbli, ir-responsabbiltà tgħaddi għand l-Istat Membru li jkun talab it-trasferiment f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Dublin. L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tippermetti li wieħed jidderoga minn din ir-regola f’sitwazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.
Fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati, il-proċedura għar-riunifikazzjoni mal-membri tal-familja, mal-aħwa jew mal-qraba tista’ titkompla anke wara l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien tat-trasferiment stabbiliti fl-Artikolu 29 meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni u meta d-durata tal-proċedura għall-kollokament tal-minorenni tkun wasslet biex ma jiġix osservat dan il-limitu ta’ żmien, kif previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’ Dublin (10).
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Dublin, fi kwalunkwe żmien qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq is-sustanza ta’ applikazzjoni, Stat Membru jista’ jitlob biex Stat Membru ieħor jieħu ħsieb l-applikanti għal kwalunkwe riunifikazzjoni tal-familja, minħabba raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikolari fuq kunsiderazzjonijiet kulturali jew tal-familja, anki meta Stat Membru, fil-prinċipju, ma jkunx responsabbli. Din ir-regola tista’ tiġi applikata wkoll f’każijiet meta l-kriterji vinkolanti rigward ir-riunifikazzjoni tal-familja kienu applikabbli, iżda peress li ma setax jitwettaq trasferiment minħabba l-COVID-19 ma setgħux jiġu rrispettati l-limiti ta’ żmien tat-trasferiment.
Meta jitqies li ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija ma kinux previsti mill-koleġiżlaturi, għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw tali klawżola diskrezzjonali, anke meta l-objettiv ma jkunx ir-riunifikazzjoni tal-familja.
L-Istati Membri jistgħu jaqblu fuq bażi bilaterali u każ b’każ li, wara li jkunu jistgħu jitkomplew it-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri li kienu responsabbli għall-applikanti qabel is-sospensjoni jaċċettaw li jerġgħu jkunu responsabbli għall-applikanti kkonċernati.
L-applikazzjoni ta’ din ir-regola tkun teħtieġ il-kunsens tal-applikant, kif meħtieġ mill-Artikolu 17(2).
Il-proċeduri skont ir-Regolament ta’ Dublin
L-intervisti: Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri mhumiex obbligati jagħmlu intervista personali meta l-applikant ikun irċieva informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament (11) u jkun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezzi oħra. Dment li dawn il-kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, tali ommissjoni tista’ titqies bħala miżura xierqa b’mod partikolari jekk ikun hemm suspett li applikant qabditu l-COVID-19. Meta intervista ma ssirx, l-Istat Membru għandu jiżgura li qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment, l-applikant ikollu l-opportunità jibgħat informazzjoni ulterjuri li tkun rilevanti biex jiġi ddeterminat b’mod korrett l-Istat Membru responsabbli.
Prijorità lill-każijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati u tal-għaqda tal-familja: F’sitwazzjoni li fiha l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri qed jaġġustaw il-prassi tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità li jiġu ttrattati fil-ħin il-każijiet kollha skont ir-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-ipproċessar tal-każijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati, ta’ persuni vulnerabbli oħra, jew tal-għaqda tal-familja.
Il-konnettività tal-IT: Minħabba l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma’ xulxin permezz ta’ DubliNet, u f’sitwazzjoni ta’ prassi aġġustata tax-xogħol li hija adottata minn ħafna Stati Membri, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw, bħala prijorità, kif il-konnessjoni ma’ DubliNet tista’ tinżamm jew tkun disponibbli fil-kuntest tal-arranġamenti tat-telexogħol, sabiex ikun possibbli li jitkompla l-ipproċessar tal-każijiet skont ir-Regolament ta’ Dublin, filwaqt li jaċċertaw il-protezzjoni tad-data f’konformità mal-liġi tal-UE
Gwida prattika:
|
1.3 Il-previżjoni ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-asil
L-iskrinjar tas-saħħa: Ħafna Stati Membri introduċew skrinjar mediku aktar strett għall-applikanti u ttestjar obbligatorju għall-COVID-19 għall-wasliet il-ġodda. F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għall-iskrinjar mediku tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sabiex jidentifikaw il-miżuri ta’ prekawzjoni xierqa li għandhom jimplimentaw, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-proporzjonalità, tan-neċessità u tan-nondiskriminazzjoni.
Il-kura tas-saħħa: L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza jeżiġi li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa, li għandha tinkludi, mill-inqas, il-kura ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali tal-mard u ta’ disturbi mentali serji. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaċċertaw li tali kura tas-saħħa tinkludi, meta jkun meħtieġ, it-trattament għall-COVID-19.
Il-kwarantina/l-iżolament: Ħafna Stati Membri qed jużaw miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament għall-prevenzjoni tal-imxija tal-COVID-19. Tali miżuri mhumiex irregolati mid-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza. Il-miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament jistgħu jiġu applikat fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali abbażi tal-liġi nazzjonali, dment li tali miżuri jkunu raġonevoli, proporzjonati u nondiskriminatorji. Dan ifisser, b’mod partikolari, li Stat Membru jista’ japplika miżuri ta’ kwarantina/iżolament biss fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jaslu fil-fruntieri tiegħu dment li japplika miżuri ta’ dak it-tip, għalkemm mhux neċessarjament identiċi, fir-rigward tal-persuni kollha li jaslu minn żoni affettwati mill-pandemija u miżuri xierqa fir-rigward ta’ persuni li diġà huma preżenti fit-territorju tiegħu.
Gwida prattika:
|
Kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza
Xi Stati Membri għalqu ċerti faċilitajiet, pereżempju ċ-ċentri tal-wasla, iżda fetħu faċilitajiet oħra, pereżempju postijiet ta’ kenn ta’ emerġenza. Xi Stati Membri qed inaqqsu wkoll ir-rata ta’ okkupanza tal-faċilitajiet u jillimitaw l-aċċess jew iż-żjarat tagħhom biex jevitaw il-moviment tan-nies.
Skont id-dritt tal-UE, minn meta persuna tagħmel applikazzjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jipprovdu standard tal-għajxien adegwat għall-applikanti, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
Meta jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’faċilitajiet ta’ akkoljenza kollettivi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li tintuża l-kapaċità ta’ akkoljenza sħiħa tal-Istati Membri biex, sa fejn possibbli, tipprovdi biżżejjed tbegħid soċjali bejn l-applikanti, filwaqt li tiżola lil dawk li huma f’riskju. Dawn il-miżuri jistgħu jservu kemm bħala azzjoni preventiva, kif ukoll bħala miżura reattiva fir-rigward ta’ dawk li jittestjaw pożittiv, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inkluż l-applikanti b’diżabbiltà, l-anzjani jew ir-residenti bi tħassib eżistenti dwar is-saħħa.
Gwida prattika:
|
Miżuri preventivi u iġjeniċi
L-Istati Membri kollha diġà poġġew fis-seħħ miżuri speċjali ta’ iġjene u jiddiżinfettaw il-faċilitajiet ta’ akkoljenza b’mod regolari. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawn il-miżuri preventivi u iġjeniċi jitkomplew u jkollhom lir-residenti kif ukoll lill-persunal li jaħdem fil-faċilitajiet kollettivi fil-mira tagħhom.
Gwida prattika:
|
Modalitajiet differenti għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza
Xi Stati Membri qed jipprovdu servizz aktar limitat fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza billi, pereżempju, jissospendu l-attivitajiet ta’ grupp u l-konsulenza wiċċ imb wiċċ.
Jekk, minħabba l-COVID-19, l-awtorità ta’ akkoljenza ma jkollhiex biżżejjed persunal jew riżorsi biex tiżgura li l-faċilitajiet ta’ akkoljenza disponibbli jiffunzjonaw b’mod adegwat, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà ppreżentata fl-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza sabiex, f’każijiet debitament ġustifikati u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, jipprovdu modalitajiet għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jkunu differenti minn dawk li huma meħtieġa normalment. F’kull każ, dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom ikopru l-bżonnijiet bażiċi tal-applikanti, b’mod partikolari l-kura tas-saħħa, is-sussistenza, kif ukoll is-sikurezza fiżika u d-dinjità.
Gwida prattika:
|
Edukazzjoni lit-tfal
Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ulied minorenni tal-applikanti u lill-applikanti minorenni aċċess għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom.
L-aċċess kontinwu għall-edukazzjoni huwa sfida li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw minħabba l-miżuri li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw il-COVID-19 milli tinfirex. F’dan il-kuntest, diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ l-edukazzjoni mid-dar jew modalitajiet oħra ta’ tagħlim mill-bogħod. Jekk dawn il-modalitajiet ikunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini, il-miżuri li jittieħdu għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal f’konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u, jekk possibbli, l-età u l-bżonnijiet tal-minorenni kkonċernati. L-edukazzjoni tista’ tingħata wiċċ imb wiċċ fiċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jekk din tkun kompatibbli mar-regoli tat-tbegħid soċjali.
Gwida prattika:
|
Applikanti detenuti f’konformita mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza:
Rigward l-applikanti detenuti abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, “is-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, tal-applikanti f’detenzjoni li jkunu persuni vulnerabbli għandha tkun it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet nazzjonali” (pereżempju l-COVID-19).
Gwida prattika:
|
1.4 Regolament Eurodac
Teħid u trażmissjoni tal-marki tas-swaba’
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Eurodac jipprovdi li, fejn mhux possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ applikant minħabba miżuri li ttieħdu sabiex tiġi żgurata s-saħħa tal-applikant jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jieħdu u jibagħtu dawn il-marki mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li dawn ir-raġunijiet ta’ saħħa ma jibqgħux validi.
Għandhom jittieħdu l-marki tas-swaba’ taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt l-obbligu li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
2. Risistemazzjoni
It-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tfixkil serju tal-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni: l-Istati Membri, l-UNHCR u l-IOM issospendew temporanjament l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni. Barra minn hekk, l-UNHCR issospenda l-evakwazzjonijiet umanitarji ta’ emerġenza bil-ħsieb li jkun hemm risistemazzjonijiet ulterjuri. Għall-istess raġunijiet, bħalissa hemm problemi bl-aċċess għall-pajjiżi terzi li jospitaw lir-refuġjati.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-kuntest diffiċli u l-impatt li qed ikollu fuq l-implimentazzjoni prattika tal-wegħdiet li għamlu l-Istati Membri ta’ 29 500 post ta’ risistemazzjoni għall-2020. Madankollu, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu juru solidarjetà mal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-pajjiżi terzi li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati. L-impatt tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi terzi jista’ jrendi l-bżonnijiet ta’ risistemazzjoni saħansitra aktar urġenti.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, sa fejn ikun prattikabbli f’konformità mal-miżuri tas-saħħa ta’ emerġenza li ttieħdu, biex ikomplu bl-attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni matul il-perjodu tal-kriżi biex ikunu lesti biex ikomplu bir-risistemazzjonijiet taħt kundizzjonijiet sikuri għal kull min ikun involut, meta dan jerġa’ jkun possibbli.
Minħabba l-interruzzjonijiet attwali tal-operazzjonijiet tar-risistemazzjoni, il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-wegħdiet tagħhom tal-2020, u se tkun flessibbli b’mod partikolari fir-rigward tal-perjodu ta’ implimentazzjoni lil hinn mil-2020 biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw bis-sħiħ il-wegħdiet li għamlu taħt l-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-2020.
Gwida prattika:
|
3. Ritorn
Din it-taqsima għandha l-għan li tagħti gwida biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu appoġġjati biex jidentifikaw il-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu biex jiżguraw il-kontinwità u s-sikurezza tal-proċeduri tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu tagħhom fil-kuntest tal-pandemija attwali tal-COVID-19.
Meta jwettqu azzjonijiet u proċeduri ta’ ritorn, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jridu jqisu bis-sħiħ il-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tas-saħħa li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex u japplikawhom b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli. Għandha titqies ukoll is-sitwazzjoni partikolari fil-pajjiż terz fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-impatt tal-COVID-19.
Il-miżuri li ttieħdu madwar id-dinja biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollhom effett sinifikanti fuq ir-ritorn tal-migranti irregolari. L-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet prattiki biex iwettqu attivitajiet u operazzjonijiet ta’ ritorn lejn pajjiżi terzi, anke minħabba t-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni li jista’ jkun ukoll responsabbli għall-miżuri tas-saħħa pubblika. Dawn id-diffikultajiet huma primarjament relatati ma’ sfidi fl-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza biex jiġu protetti kemm iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn irregolari kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq ir-ritorn.
Id-diffikultajiet huma relatati wkoll mat-tnaqqis sinifikanti fid-disponibbiltà tat-titjiriet kummerċjali u mezzi oħra ta’ trasport, u l-miżuri restrittivi ta’ dħul introdotti mill-pajjiżi terzi bil-ħsieb li jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex. Il-Frontex tagħti aġġornamenti regolari dwar il-miżuri li jieħdu l-operaturi tal-ajru u l-pajjiż terzi fl-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (IRMA). F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa ta’ dawk li jipparteċipaw f’operazzjonijiet, proċeduri u attivitajiet ta’ ritorn.
Minkejja l-interruzzjoni temporanja li kkawżaw dawn il-miżuri meħtieġa, il-ħidma fuq ir-ritorn għandha titkompla, b’mod partikolari billi jiġu implimentati dawk l-attivitajiet li jistgħu jitwettqu minkejja l-miżuri restrittivi (pereżempju l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni mill-ġdid, ir-reġistrazzjoni fi programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni), biex dawn ikunu lesti għal meta jkunu jistgħu jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-proċeduri ta’ ritorn għandhom ikomplu sa fejn possibbli u l-Istati Membri għandhom ikunu lesti, anke bl-appoġġ tal-Frontex, li jkomplu bil-proċeduri ta’ ritorn u jindirizzaw il-proċeduri akkumulati meta tintemm l-interruzzjoni li kkawżaw il-miżuri restrittivi. Il-Kummissjoni u l-Frontex se jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali fil-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom.
Ir-ritorn tal-migranti irregolari li jkunu għażlu li jitilqu mit-territorju tal-UE b’mod volontarju għandu jkompli jiġi appoġġjat u promoss b’mod attiv, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet sanitarji kollha meħtieġa. Aktar minn qatt qabel, ir-ritorn volontarju għandu jkun prijoritizzat billi dan inaqqas ir-riskji ta’ saħħa u sikurezza tal-operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluż billi jitnaqqsu r-riskji għall-migranti irregolari u għall-persunal involut li jakkumpanjahom.
L-awtoritajiet nazzjonali qed jiffaċċjaw sfidi prattiċi dwar kif jindirizzaw id-detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija meta jimplimentaw miżuri biex jevitaw u jipproteġu kontra r-riskju ta’ kontaġju u tal-imxija tal-COVID-19.
Għandhom jinżammu kooperazzjoni mill-qrib u kuntatti mal-pajjiżi terzi rigward l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni mill-ġdid u r-ritorn taċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ it-tħassib tagħhom u l-miżuri restrittivi li jkunu ħadu huma u jieħdu l-miżuri sanitarji ta’ prekawzjoni kollha meħtieġa. Skont id-dritt internazzjonali, il-pajjiżi terzi għad għandhom obbligu ta’ riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess. Ħafna pajjiżi terzi qed jippruvaw jiffaċilitaw u jorganizzaw ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tagħhom maqbudin barra minn pajjiżhom, filwaqt li jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa li japplikaw malli jaslu. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi biex jiżguraw li dawn il-miżuri tas-saħħa pubblika jiġu rispettati bis-sħiħ meta l-migranti irregolari jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, biex kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet ta’ ritorn ikunu jistgħu jsiru. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ kooperazzjoni tagħhom għar-riammissjoni mal-pajjiżi terzi.
Il-Frontex hija lesta li tassisti lill-Istati Membri jorganizzaw l-operazzjonijiet ta’ ritorn kollha lejn il-pajjiżi terzi bl-ajru, speċjalment biex tiffaċilita r-ripatrijazzjoni ta’ kemm dawk li jirritornaw b’mod volontarju kif ukoll dawk li jirritornaw bil-forza b’titjiriet skedati jew charter, u biex toffri l-assistenza li tista’ tkun meħtieġa mill-awtoritajiet nazzjonali.
Minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, se jkun hemm każijiet li fihom ir-ritorni ma jkunux jistgħu jsiru minħabba l-miżuri li ttieħdu biex tiġi kontrollata l-pandemija tal-COVID-19. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa li jagħtu permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn lill-migranti irregolari minħabba raġunijiet umanitarji, ta’ kumpassjoni jew minħabba raġunijiet oħra, kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115/KE (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva dwar ir-Ritorn”).
Proċeduri ta’ ritorn
Il-miżuri nazzjonali introdotti biex jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex jillimitaw il-possibbiltajiet li l-awtoritajiet tar-ritorn ikollhom kuntatti diretti mal-persuni rimpatrijati u mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.
Jenħtieġ li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, biex jiġi żgurat li l-miżuri li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu waqt il-proċeduri amministrattivi jkunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull migrant irregolari, iqisuhom kif xieraq, u jiggarantixxu d-dritt li jinstemgħu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw mezzi alternattivi li ma jirrikjedux, jew li jnaqqsu, il-preżenza fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti.
Huwa rakkomandat bil-qawwi wkoll li jittieħed approċċ simili sabiex il-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ kooperazzjoni jinżammu miftuħa mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, fi żmien meta l-persunal konsulari ta’ ħafna pajjiżi qed isir ukoll inqas disponibbli għal proċeduri ta’ identifikazzjoni u ta’ dokumentazzjoni mill-ġdid minħabba l-miżuri restrittivi. Dan jiffaċilita l-kjarifika u l-avvanz tal-proċedimenti f’każijiet individwali u, għaldaqstant, ir-ritorn ladarba s-sitwazzjoni tippermetti.
Minkejja l-limitazzjonijiet attwali, ir-ritorni volontarji għadhom l-aktar għażla vijabbli biex il-migranti irregolari jiġu appoġġjati fit-tluq tagħhom. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu promossi l-possibbiltajiet ta’ ritorn volontarju, inkluż l-opportunitajiet ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni, u li tiġi żgurata l-kontinwità tal-programmi nazzjonali tar-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni, filwaqt li jitqies l-impatt li l-COVID-19 għandha fil-pajjiżi terzi. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma lesti li jirreġistraw għal dawn il-programmi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan, u l-attivitajiet ta’ konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni għandhom jitkomplew sa fejn possibbli, bl-użu ta’ għodod li jnaqqsu jew li ma jeħtiġux qrubija fiżika.
Gwida prattika:
|
Perjodu għat-tluq volontarju
Minħabba r-restrizzjonijiet sinifikanti fuq it-titjiriet kummerċjali u l-miżuri restrittivi li l-pajjiżi terzi introduċew fuq il-wasliet mill-Ewropa, jista’ jkun li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn li jagħtu perjodu għal tluq volontarju ma jkunux jistgħu jikkonformaw ma’ din id-deċiżjoni fil-perjodu ta’ żmien stabbilit minkejja l-aħjar sforzi u intenzjonijiet tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu soġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Madankollu, il-migranti irregolari ma jistgħux jinżammu responsabbli u jbatu konsegwenzi negattivi minħabba sitwazzjoni li mhijiex fil-kontroll tagħhom.
Biex jiġi evitat li titfaċċa din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jestendu l-perjodu għat-tluq volontarju għal perjodu ta’ żmien xieraq, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, id-durata u n-natura tal-miżuri restrittivi u d-disponibbiltà ta’ mezzi ta’ trasport lejn il-pajjiż terz tar-ritorn.
L-Istati Membri għandhom jagħtu wkoll perjodu għat-tluq volontarju li jkun itwal minn 30 jum fil-mument tal-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jekk, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ mezzi ta’ trasport lejn il-pajjiż terz ta’ ritorn, ikun ċar mill-bidu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat mhux se jkun jista’ jitlaq fi żmien 30 jum.
Meta jittawwal il-perjodu għat-tluq volontarju u meta jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tad-deċiżjoni, il-migranti irregolari għandhom jirċievu konferma bil-miktub kif previst fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (l-Artikolu 14).
Meta l-perjodu għat-tluq volontarju ma jkunx jista’ jiġi rispettat minħabba n-nuqqas ta’ trasportazzjoni lejn il-pajjiż terz ta’ ritorn jew kwalunkwe raġuni oħra lil hinn mir-rieda tal-persuna u relatata mal-miżuri restrittivi, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul, jew għandhom jirtirawha jekk tkun inħarġet.
Gwida prattika:
|
Edukazzjoni lit-tfal
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi li l-minorenni għandhom jingħataw aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni bażika, soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom, kemm matul il-perjodu għat-tluq volontarju kif ukoll matul il-perjodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta (l-Artikolu 14) u matul detenzjoni (l-Artikolu 17).
L-aċċess għal sistema ta’ edukazzjoni bażika lill-minorenni soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn huwa sfida li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw minħabba l-miżuri li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex. F’dan il-kuntest, diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ l-edukazzjoni mid-dar jew modalitajiet oħra ta’ tagħlim mill-bogħod. Jekk dawn il-modalitajiet ikunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini, il-miżuri li jittieħdu għandhom iqisu bis-sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal (l-Artikolu 5) u, sa fejn possibbli, l-età u l-bżonnijiet tal-minorenni kkonċernati.
Gwida prattika:
|
Kura tas-saħħa
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi li, sa fejn possibbli, iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali ta’ mard. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, bħala parti minn din il-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali ta’ mard, il-persuni rimpatrijati jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa meħtieġa għat-trattament tal-COVID-19.
Gwida prattika:
|
Skrinjar tas-saħħa
Abbażi tad-dritt nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu skrinjar mediku ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn irregolari fuq raġunijiet ta’ saħħa pubblika, li għandu jikkonforma mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u mad-drittijiet fundamentali, biex jiġi identifikat liema miżuri ta’ prekawzjoni xierqa għandhom jiġu implimentati. Dan jiżgura li jitqies kif xieraq l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-proċeduri ta’ ritorn, f’konformità mal-acquis tal-UE.
It-testijiet mediċi u l-iskrinjar għall-COVID-19 tal-migranti irregolari jistgħu jiffaċilitaw ukoll ir-riammissjoni billi jserrħu moħħ l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi dwar ir-riskju ta’ kontaġju, l-istess kif jistgħu jagħmlu r-riferimenti għall-possibbiltajiet ta’ kwarantina fil-pajjiżi terzi li jiġu ffaċilitati minn sħab internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.
Gwida prattika:
|
Detenzjoni
L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jitlob li d-detenzjoni għall-iskop tat-tneħħija għandha tieqaf minnufih meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija f’każ individwali. Ir-restrizzjonijiet temporanji li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi introduċew biex jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex ma għandhomx jiġu interpretati li jwasslu b’mod awtomatiku għall-konklużjoni li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija fil-każijiet kollha. Jistgħu jitqiesu diversi fatturi sabiex jiġi determinat jekk, f’kull każ, għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija.
Gwida prattika:
|
Użu tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u tbegħid soċjali
Sabiex jipproteġu lin-nies mill-imxija tal-COVID-19, l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw dejjem aktar miżuri ta’ tbegħid soċjali u miżuri oħra ta’ prekawzjoni. L-istess isir fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, meta s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-migranti detenuti kif ukoll tal-persunal jistgħu jkunu wkoll f’riskju u jkun jeħtieġ li jiġu ppreżervati. B’konsegwenza ta’ dan, il-kapaċità massima effettiva tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti sabiex jiġu evitati l-kontaminazzjonijiet.
Jekk, minħabba dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipprovdu akkomodazzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, jistgħu jużaw faċilitajiet oħra xierqa, taħt is-salvagwardji stipulati fid-Direttiva dwar ir-Ritorn, dment li jiġu żgurati t-tbegħid soċjali u miżuri oħra preventivi u iġjeniċi. L-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq id-dritt għall-ħajja tal-familja fil-każ ta’ koppji u familji bit-tfal, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli.
Gwida prattika:
|
(1) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/10/statement-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-on-covid-19/
(2) COM (2020) 2050 final.
(3) Fit-2 ta’ April 2020, in-Netwerk tal-Proċessi tal-Asil tal-EASO ħejja laqgħa tematika online dwar l-organizzazzjoni ta’ Intervisti Personali mill-Bogħod u fit-8 ta’ April 2020 dwar it-tressiq ta’ applikazzjonijiet tal-asil mill-bogħod. Barra minn hekk, in-Netwerk tar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja tal-EASO ħejja laqgħa online biex jiġi diskuss l-impatt tal-COVID-19 fuq l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni fl-Istati Membri.
(4) Gwida Prattika tal-EASO:Intervista Personali u l-EASO Guidance on asylum procedure: operational standards and indicators (Gwida tal-EASO dwar il-proċedura tal-asil: indikaturi u standards operazzjonali) u l-EASO Guidance on contingency planning in the context of reception (Gwida tal-EASO dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza fil-kuntest tal-akkoljenza)
(5) l-Artikolu 6 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE.
(6) l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.
(7) l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/33/UE.
(8) “Livell prattiku/tekniku biex tingħata stampa ġenerali tal-impatt tal-COVID-19 fuq il-prattika tar-Regolament ta’ Dublin”.
(9) Xi Stati Membri setgħu jagħtu stima biss.
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014, ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1.
(11) Imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Dublin.
(12) “Practical Guide on the implementation of the Dublin III Regulation: interview and evidence assessment” (Gwida Prattika dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III: valutazzjoni tal-evidenza u l-intervisti) tal-EASO
(13) “Guidance on Dublin procedure: operational standards and indicators” (Gwida dwar il-proċedura skont ir-Regolament ta’ Dublin: indikaturi u standards operazzjonali) tal-EASO
(14) Disponibbli hawn: http://www.euro.who.int/en/health-topics/health-determinants/prisons-and-health/news/news/2020/3/preventing-covid-19-outbreak-in-prisons-a-challenging-but-essential-task-for-authorities.