EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0262

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data

COM/2020/262 final

Brussell, 24.6.2020

COM(2020) 262 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data

I.Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-rieżami li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(6) tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data 1 (id-Direttiva 2016/680, minn hawn ’il quddiem l-“LED”).

L-LED daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 u skont l-Artikolu 63(1) tagħha, l-Istati Membri kellhom sas-6 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali tagħhom. Hija ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI. L-LED tapplika kemm għall-ipproċessar domestiku kif ukoll għal dak transkonfinali ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“infurzar tal-liġi”) (l-Artikolu 1(1)). Hija l-ewwel strument li jieħu approċċ komprensiv fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, għall-kuntrarju ta’ approċċi preċedenti ad-hoc fejn kull strument tal-infurzar tal-liġi kien irregolat mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tiegħu stess. L-LED hija bbażata fuq l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“TFUE”) u hija l-att li permezz tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti effett lid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 2 , fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

L-LED, skont l-Artikolu 60 tagħha, tipprevedi klawżola ta’ “anterjorità” li permezz tagħha d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data personali f’ċerti atti legali tal-Unjoni jibqgħu mhux affettwati mid-dispożizzjonijiet tagħha. Din tikkonċerna d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data personali f’atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 jew qabel, fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija. L-LED diġà tapplika għall-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti.

L-Artikolu 62(6) tal-LED jeħtieġ li sas-6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni tirrieżamina atti legali oħra adottati mill-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-atti ta’ “anterjorità” tal-Artikolu 60 biex tivvaluta l-ħtieġa li jkunu allinjati mal-LED u li tagħmel, fejn xieraq, il-proposti neċessarji sabiex jiġu emendati dawk l-atti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-ambitu tal-LED. L-allinjament, meħtieġ mill-Artikolu 62(6) tal-LED, jenħtieġ li jkollu l-għan li jemenda l-atti rilevanti b’tali mod li r-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali stabbiliti f’dawk l-atti tal-Unjoni (u skont kif ikun il-każ fl-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali) ikunu allinjati mar-regoli stabbiliti fl-LED (u l-miżuri nazzjonali li jittrasponu dik id-direttiva). Din il-Komunikazzjoni telenka l-atti li, skont ir-rieżami, jenħtieġ li jkunu allinjati, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien biex jintlaħaq dan l-objettiv. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi speċifiċi ta’ kull att, soġġetti għal dan ir-rieżami li tista’ tipproponi, b’mod partikolari fejn jista’ jkun previst tibdil sinifikanti jew sostituzzjoni ta’ tali strument.

II.Ir-riżultat tar-rieżami

Waqt li kienet qed twettaq ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset l-istudju li kien sar bħala parti mill-Proġett Pilota tal-Parlament Ewropew “Rieżami tad-Drittijiet Fundamentali tal-istrumenti u l-programmi ta’ ġbir tad-data tal-UE” 3 . Dan l-istudju kien jinkludi mmappjar tal-atti tal-Unjoni koperti mill-Artikolu 62(6) tal-LED u identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li potenzjalment jeħtieġu allinjament dwar il-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data.

Il-Kummissjoni identifikat 26 att legali tal-Unjoni li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tar-rieżami, abbażi ta’ dan l-istudju. Minn dawn is-26 att, il-Kummissjoni kkonkludiet li 16 minnhom ma jeħtiġux li jiġu emendati filwaqt li 10 minnhom mhumiex kompletament konformi mal-LED u jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati.

L-atti legali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti adottati jew diġà emendati wara d-dħul fis-seħħ tal-LED ma jaqgħux taħt dan ir-rieżami peress li dawn l-atti diġà qiesu r-rekwiżiti tal-LED.

III.Atti li ma jeħtiġux allinjament

Is-16-il att legali li ma jeħtiġux allinjament jaqgħu f’ħames kategoriji kif ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni.

1)Atti li ma fihomx regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data

L-atti li ma fihomx regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data mhumiex ta’ “anterjorità” skont l-Artikolu 60 tal-LED. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-LED japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali skont tali atti, u ma jeħtiġux allinjament ulterjuri. Dawn l-atti huma s-sebgħa li ġejjin:

I.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri 4 ;

II.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza 5 ;

III.Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI tal-24 ta’ Jannar 2005 dwar l-iskambju ta’ ċerta data mal-Interpol 6 ;

IV.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji 7 ;

V.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska 8 ;

VI.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi 9 ;

VII.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 10 ;

2)Atti li fihom referenza għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u li ma fihom l-ebda regola speċifika dwar il-protezzjoni tad-data

L-LED ħassret id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali 11 b’effett mis-6 ta’ Mejju 2018 u fl-Artikolu 59 tagħha tiddikjara li referenzi għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal-LED. Dan jiżgura l-applikabbiltà tal-LED għall-ipproċessar ta’ data skont dawk l-atti legali. Dawk l-atti ma fihom l-ebda regola speċifika dwar il-protezzjoni tad-data lil hinn mir-referenza għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u r-rieżami wera li mhux meħtieġa emendi ulterjuri relatati mal-protezzjoni tad-data. It-tliet atti li ġejjin huma kkonċernati:

I.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja 12 ; 

II.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali 13 ; 

III.Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni 14 .

3)Proposti leġiżlattivi soġġetti għal negozjati interistituzzjonali

Iż-żewġ atti legali li ġejjin huma attwalment soġġetti għal rieżami leġiżlattiv pendenti. Il-proċess leġiżlattiv li għaddej, mibdi mill-Kummissjoni, diġà qies ir-rekwiżiti tal-LED:

I.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra 15 tirregola l-aċċess għal data personali fil-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra. Fl-2018, il-Kummissjoni adottat il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament XX/2018 [ir-Regolament tal-Interoperabilità], u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI 16 . Din il-proposta tallinja d-dispożizzjoni relatata mal-aċċess għall-infurzar tal-liġi mal-iżviluppi leġiżlattivi reċenti u tipproponi li d-Deċiżjoni tal-Kunsill titħassar.

II.Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 17 . Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet li dan ir-Regolament jitħassar skont il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat liema huma l-Istati Membri responsabbli biex jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għall-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida b’residenza illegali u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulazzjoni) 18 .

4)Ftehimiet internazzjonali bejn l-Istati Membri jew l-Istati ta’ Schengen biss

Hemm diversi ftehimiet internazzjonali li jaqgħu fl-ambitu tar-rieżami skont l-Artikolu 62(6) tal-LED li jorbtu esklużivament lill-Istati Membri, jew lill-Istati ta’ Schengen li huma obbligati li jittrasponu l-LED fl-ordni ġuridika nazzjonali tagħhom. Għalhekk, l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi taħt tali ftehimiet huwa soġġett għal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-LED. Hemm tlieta minn dawn il-ftehimiet:

I.Il-Konvenzjoni magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (il-Konvenzjoni ta’ Napli II) 19 ;

II.L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea 20 ;

III.Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu 21 .

5)Trattat ta’ Għajnuna Legali Reċiproka bejn l-UE u l-Istati Uniti

Iffirmat fl-2003, il-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka 22 (“MLAT bejn l-UE u l-Istati Uniti”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2010. Minbarra s-salvagwardji inklużi fil-Ftehim, il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali 23 (il-“Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti), li ilu fis-seħħ minn Frar 2017, jikkumplimenta l-Ftehim b’salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data personali, u għalhekk mhux meħtieġ allinjament ulterjuri tal-MLAT bejn l-UE u l-Istati Uniti.

IV.Atti li għandhom jiġu allinjati mal-LED

Ir-rieżami identifika għaxar atti legali li l-Kummissjoni tqis bħala xieraq intervent leġiżlattiv għalihom, jew minħabba li jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data personali li, skont l-Artikolu 60 tal-LED, jibqgħu mhux affettwati mil-LED (huma ta’ “anterjorità”), jew mhumiex ta’ anterjorità iżda mhumiex kompletament konformi mal-LED, kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt.

1)Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti 24 tispeċifika l-kundizzjonijiet biex titwaqqaf skwadra ta’ investigazzjoni konġunta. Din fiha dispożizzjoni speċifika relatata mal-ipproċessar ta’ informazzjoni li jista’ jinkludi data personali miksuba minn membru jew membru sekondat ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta, li tipprevedi li tali informazzjoni tista’ tintuża għal skopijiet oħra sakemm ikun hemm qbil bejn l-Istati Membru li jwaqqfu l-iskwadra (l-Artikolu 1(10)(d)). Jenħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi allinjata mal-LED.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tiġi allinjata mal-LED fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

·Tispeċifika li d-data personali miksuba skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet oħra minbarra dawk li għalihom tkun inġabret din id-data fil-limiti previsti mil-liġi nazzjonali u sakemm maqbul bejn l-Istati Membri li jwaqqfu l-iskwadra, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikoli 4(2) u 9(1) tal-LED.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni se tipproponi emenda mmirata għad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA fl-aħħar tliet xhur tal-2020.

2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi 25  ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u fiha dispożizzjonijiet ta’ “anterjorità” skont l-Artikolu 60 tal-LED. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI ġiet reċentement emendata bid-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tiġi allinjata mal-LED fir-rigward ta’ dawn il-punti:

·Tispeċifika li l-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI jista’ biss isir għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop;

·Jenħtieġ li l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati jiġu definiti b’mod aktar preċiż mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru, f’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 8(2) tal-LED, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi tal-awtoritajiet ikkonċernati.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni se tipproponi emenda mmirata għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI fl-ewwel semestru tal-2021.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li, sat-8 ta’ Settembru 2021, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-valur miżjud tad-Direttiva (UE) 2017/541 fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data (l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva (UE) 2017/541).

3)Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

Id-Deċiżjoni Kwadru  tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 26   tistabbilixxi sett ta’ regoli ġenerali għall-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence eżistenti fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri sabiex jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta’ intelligence kriminali. Din teħtieġ li, fil-prinċipju, il-proċeduri għall-iskambji ta’ data transkonfinali ma jkunux aktar stretti minn dawk applikabbli għal skambji fil-livell nazzjonali.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tiġi allinjata mal-LED fir-rigward ta’ dawn il-punti:

·Tispeċifika t-tipi ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati skont id-Deċiżjoni Kwadru, filwaqt li tinżamm l-effettività u n-natura tagħha bħala għodda orizzontali;

·Tikkjarifika aktar is-salvagwardji: b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ valutazzjoni ta’ neċessità u proporzjonalità għal kull skambju ta’ informazzjoni;

·Taġġorna r-referenzi għall-qafas orizzontali tal-protezzjoni tad-data u tinkludi referenza għall-applikabbiltà tal-LED.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni se tivvaluta dan l-istrument fil-kuntest ta’ diskussjonijiet usa’ u ta’ studju tal-fattibbiltà li sar fl-2020 dwar il-kodifikazzjoni futura possibbli dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi tal-UE, li jenħtieġ li jkollu l-għan li jfassal mill-ġdid u jimmodernizza l-leġiżlazzjoni varja fis-seħħ fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva, li bħala minimu se tinvolvi emenda tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI biex tiżgura l-allinjament meħtieġ tal-protezzjoni tad-data, fl-aħħar tliet xhur tal-2021.

4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha 27 , tobbliga lill-Istati Membri jwaqqfu l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u jipprovdu qafas għall-iskambju ta’ data fost l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI, jew kwalunkwe strument li jista’ jissostitwiha, tiġi allinjata mal-LED f’kull aspett rilevanti, inkluż:

·Sabiex tikkjarifika li l-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI huwa soġġett għal-LED. Attwalment, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI jirreferi espliċitament għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u għall-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta’ Novembru 2001 għal dik il-Konvenzjoni, rigward l-Awtoritajiet Superviżorji u l-Flussi Traskonfini ta’ Data. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha għall-protezzjoni ta’ data personali huma wkoll koperti mill-Artikolu 60 tal-LED bir-riżultat li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex affettwati mil-LED (jiġifieri huma ta’ “anterjorità”). Għalhekk, hija meħtieġa emenda leġiżlattiva biex jiġi żgurat li l-LED tkun applikata b’mod sħiħ;

·Jenħtieġ li l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati jiġu definiti b’mod aktar preċiż, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi tal-awtoritajiet ikkonċernati.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni tinsab fi proċess ta’ riflessjoni dwar l-irwol u l-funzjonijiet tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi. Għal dak il-għan, f’Diċembru 2019, il-Kummissjoni nediet studju dwar “L-iffriżar, il-konfiska u l-irkupru tal-assi fl-UE — x’jaħdem u x’ma jaħdimx”. Ir-rapport finali ta’ dan l-istudju huwa mistenni f’Lulju 2020.

Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-istudju jistgħu jservu bħala bażi għal konsiderazzjoni ulterjuri tal-acquis tal-UE dwar l-irkupri tal-assi, inkluż id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI. Proposta leġiżlattiva, inklużi l-emendi neċessarji għall-allinjament tal-protezzjoni tad-data se tiġi ppreżentata sa tmien l-2021.

5)Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 28 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 29 jistabbilixxu r-regoli għall-kooperazzjoni bejn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, primarjament relatati mal-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba’ u DNA, fuq bażi ta’ “hit/no-hit”, miżmuma fil-bażi tad-data nazzjonali kriminali. Il-Qafas Prüm jipprevedi wkoll aċċess dirett għar-reġistrazzjoni ta’ sidien ta’ vetturi permezz ta’ applikazzjoni online “EUCARIS”.

Allinjament mal-LED

Ir-reviżjoni tad- Deċiżjonijiet ta’ Prüm teħtieġ li tiżgura allinjament sħiħ tal-Qafas ta’ Prüm il-ġdid mal-LED, speċjalment rigward is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni se tipproponi bidliet bl-għan li jiġi żgurat l-allinjament mal-LED, inkluż il-punti li ġejjin:

·L-allinjament tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u r-regoli rigward responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali u r-rimedji;

·L-iżgurar li r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni jkunu allinjati bis-sħiħ mal-LED;

·L-allinjament tar-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

·L-ikkunsidrar tal-interazzjoni bejn l-Artikolu 9(3) tal-LED u s-sistema stabbilita mid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm;

·Fir-rigward tal-Kapitoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI, l-iċċarar tal-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu pproċessati għall-prevenzjoni tar-reati kriminali u għaż-żamma tal-ordni pubblika u s-sigurtà ta’ avvenimenti prinċipali, jew fir-rigward ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni, f’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 8(2) tal-LED;

·L-iċċarar li kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni li jsir skont id-Deċiżjoni, b’mod partikolari l-forniment ta’ data fir-rigward ta’ avvenimenti prinċipali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni (il-Kapitoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI) ikunu għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali u tas-sigurtà pubblika biss;

·Il-Kummissjoni tieħu wkoll l-opportunità tal-allinjament biex taġġorna r-referenza għall-qafas applikabbli tal-protezzjoni tad-data, jiġifieri tissostitwixxi r-referenza għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI bir-referenza għall-applikabbiltà tal-LED.



It-triq ’il quddiem

F’Novembru 2018, il-Kummissjoni nediet studju ta’ fattibbiltà dwar il-futur tal-qafas Prüm. 30 Dan jinkludi l-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, operattiva u legali biex tiġi emendata l-arkitettura teknika, għat-titjib tal-iskambju ta’ data personali u data relatata ma’ każ wara li tiġi ikkonfermata l-“hit” ipprovduta mis-sistema, inkluż il-kategoriji ġodda ta’ data u għat-titjib tal-ipproċessar ta’ data eżistenti u għar-rabta ta’ Prüm ma’ bażi ta’ data oħra ċentrali tal-UE u ma’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Soġġett għar-riżultat tal-istudju, il-Kummissjoni se tqis proposta leġiżlattiva li tipprovdi qafas legali rivedut u modernizzat li se jippreżenta l-opportunità biex jiġu inklużi l-allinjamenti neċessarji mal-LED fl-2021.

6)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali 31 , tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (CIS - Customs Information System) li tassisti fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali billi tagħmel id-data disponibbli iktar rapidament, u ssaħħaħ l-effettività tal-amministrazzjonijiet doganali. Din is-sistema ċentrali hija aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-Kummissjoni Ewropea.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tiġi allinjata mal-LED f’dawn il-punti li ġejjin:

·Fir-rigward tal-“ksur serju” li d-deċiżjoni tal-Kunsill tapplika għalih;

·Tikkjarifika l-kundizzjonijiet għall-ġbir u r-reġistrazzjoni tad-data u tesiġi li d-data tista’ biss tiddaħħal fis-CIS jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, b’mod partikolari abbażi tal-attivitajiet illegali preċedenti, li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata tkun wettqet jew tkun se twettaq reat kriminali;

·Tipprevedi rekwiżiti addizzjonali relatati mas-sigurtà tal-ipproċessar, tallinja l-lista tal-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa mal-Artikolu 29 tal-LED jiġifieri billi żżid rekwiżiti għall-irkupru, l-affidabbiltà u l-integrità tas-sistema;

·Tirrestrinġi l-ipproċessar sussegwenti ta’ data rreġistrata fis-CIS għall-finijiet li mhumiex dawk li għalihom inġabret id-data personali esklużivament skont il-kundizzjonijiet previsti fl-LED;

·Tagħmel l-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI soġġett għall-mudell ta’ superviżjoni koordinat stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725. 32 Id-Deċiżjoni hija l-uniku att legali li fadal li permezz tiegħu s-superviżjoni tal-ipproċessar ta’ data personali titwettaq mill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta li issa ġiet obsoleta;

·Taġġorna r-referenza ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI mar-referenza għall-applikabbiltà tal-LED. Jenħtieġ li kwalunkwe dispożizzjoni li tikkoinċidi mal-LED (bħad-definizzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data jew id-disponibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju u ta’ responsabbiltà) titħassar bħala skaduta u obsoleta. Jenħtieġ li r-referenzi għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI jiġu aġġornati bir-referenzi korrispondenti speċifiċi għal-LED.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni se tipproponi emendi mmirati għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI fl-ewwel tliet xhur tal-2021.

7)Il-Ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka mal-Ġappun

Allinjament mal-LED

Fir-rigward tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali 33 , ir-rieżami identifika diversi oqsma fejn is-salvagwardji attwalment inklużi fih jenħtieġ li jitjiebu. Oqsma li jeħtieġu konsiderazzjoni ulterjuri f’dan ir-rigward jinkludu:

·Id-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tad-data u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà;

·Is-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali tad-data personali;

·Ir-rimedji disponibbli għas-suġġetti tad-data u għar-regoli dwar is-sorveljanza;

·Ir-restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri;

·Ir-regoli dwar iż-żamma u ż-żamma ta’ rekords.

It-triq ’il quddiem

Għalhekk, il-Kummissjoni se tinforma lill-awtoritajiet Ġappuniżi dwar il-ħtieġa possibbli għal emenda tal-Ftehim u l-proċedura li trid tiġi segwita biex tinkludi salvagwardji msaħħa għall-protezzjoni tad-data, f’konformità mal-LED, bil-għan li l-Kunsill jiġi indirizzat b’rakkomandazzjoni fl-ewwel tliet xhur tal-2021.

8)Id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea

L-ipproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali 34 jistabbilixxi l-qafas għall-ħruġ, it-trażmissjoni u l-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Direttiva 2014/41/UE tiġi allinjata mal-LED f’dawn il-punti li ġejjin:

·Tikkjarifika li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali miksub skont din id-Direttiva għall-finijiet minbarra dawk li għalihom tinġabar din id-data huwa permess biss taħt il-kundizzjonijiet previsti skont l-Artikolu 4 jew 9(1) tal-LED jew l-Artikolu 6 tal-GDPR, eż. billi jitħassar l-Artikolu 20;

·Il-Kummissjoni se taġġorna r-referenza ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977 billi tirreferi għall-applikabbiltà tal-LED u tinkludi referenza għall-applikabbiltà tal-GDPR għall-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ OIE fil-kuntest ta’ proċedimenti mhux kriminali.

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni se tipproponi emenda mmirata għad-Direttiva 2014/41/ĠAI fl-aħħar tliet xhur tal-2020.

9)Id-Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq 35 għandha l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar ċerti reati tat-traffiku speċifiċi relatati mas-sikurezza fit-toroq. Għal dan il-għan, hija tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’aċċess għar-reġistri tal-vetturi ta’ xulxin permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika li tippermetti l-identifikazzjoni tat-trażgressur preżunt mhux residenti jiġifieri s-sid jew id-detentur tal-vettura u b’hekk tiffaċilita l-infurzar ta’ sanzjonijiet relatati mat-traffiku fit-toroq.

Allinjament mal-LED

Jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2015/413 tiġi allinjata mal-LED f’dawn il-punti li ġejjin:

·Tintroduċi referenza espliċita għall-applikabilità tal-LED meta l-att relatat mat-traffiku tat-triq jitqies bħala reat kriminali. Minħabba li l-objettiv ewlieni huwa l-livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti tat-toroq, id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE dwar il-miżuri biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, u attwalment tirreferi għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE kif applikabbli. Madankollu, l-għan tad-Direttiva huwa li tiffaċilita s-sanzjonijiet kontra reati relatati mat-traffiku tat-toroq, li f’xi Stati Membri huma kkwalifikati bħala “amministrattivi”, waqt li f’xi wħud huma “kriminali”. Fl-ewwel każ, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KE u tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-qafas legali korrett għall-ipproċessar ta’ data personali. Fil-każ tal-aħħar, kif imsemmi fil-Premessa 23 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI. L-aċċess għad-data skambjata skont din id-Deċiżjoni, u l-ipproċessar sussegwenti tagħhom, jeħtieġ li jiġu allinjati mal-LED billi tiġi pprovduta referenza ċara għall-applikabbiltà tal-LED f’każijiet bħal dawn (ara l-punt 5 imsemmi fuq);

·Jenħtieġ li l-allinjament jiżgura li l-obbligu li tintbagħat ittra ta’ informazzjoni lis-sid jew lid-detentur tal-vettura, jew inkella lill-persuna identifikata suspettata li wettqet reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq, mal-bidu tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni u li tingħatalhom informazzjoni speċifika huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-informazzjoni skont l-Artikolu 13 tal-LED.

It-triq ’il quddiem

L-Artikolu 11 tad-Direttiva jeħtieġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sa Novembru 2016. Wara l-evalwazzjoni tal-2016 tad-Direttiva 36 , il-Kummissjoni ppubblikat Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu 37 (Pjan Direzzjonali) fil-15 ta’ Marzu 2019, bħala l-ewwel pass fil-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni se tippubblika proposta leġiżlattiva, inkluż l-allinjament neċessarju mal-LED 38 sa tmiem l-2021.

10)Id-Direttiva dwar l-użu tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR)

Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja 39 tistabbilixxi obbligu għat-trażmissjoni ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri ta’ passiġġieri fuq titjira internazzjonali minn linji tal-ajru għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Hija tistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet għal aċċess u għall-ipproċessar ta’ tali data minn awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja.

Allinjament mal-LED

Id-Direttiva dwar il-PNR hija attwalment is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 40 , li fiha l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta qed tiġi eżaminata. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal kwalunkwe reviżjoni relatata mal-protezzjoni tad-data tad-Direttiva dwar il-PNR fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti.

It-triq ’il quddiem

L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-PNR tal-UE jeħtieġ lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-elementi kollha ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-25 ta’ Mejju 2020. Wara r-rieżami, u wara li titqies is-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-817/19, il-Kummissjoni se tqis jekk il-proponiment ta’ proposta leġiżlattiva bil-għan li temenda din id-Direttiva hijiex neċessarja jew xierqa. Il-Kummissjoni bdiet analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR fl-aħħar tliet xhur tal-2019.

(1)

   Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89-131).

(2)

   Ara, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Opinjoni tal-Qorti (Awla Manja) A-1/15, ECLI:EU:C:2017:592, punt 120.

(3)

   Il-Proġett Pilota ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, ġestit mill-Kummissjoni u mwettaq minn kuntrattur (grupp ta’ esperti indipendenti). Il-Kummissjoni għażlet il-kuntrattur abbażi tal-kriterji definiti mill-Parlament Ewropew. Ir-riżultati tanġibbli tal-proġett jirriflettu l-fehmiet u l-opinjonijiet tal-kuntrattur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fih. Ir-riżultati tiegħu huma ppubblikati fil-link li ġej: http://www.fondazionebrodolini.it/en/projects/pilot-project-fundamental-rights-review-eu-data-collection-instruments-and-programmes

(4)

     ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1–20.

(5)

     ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45–55.

(6)

     ĠU L 27, 29.1.2005, p. 61–62.

(7)

     ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16–30. Fir-rigward tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, ta’ min isemmi li l-GDPR japplika f’każijiet ta’ penali finanzjarji li nħarġu fir-rigward ta’ reati amministrattivi aktar milli dawk kriminali.

(8)

     ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59–78.

(9)

     ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102–122.

(10)

     ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27–46.

(11)

     ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60-71.

(12)

     ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20–40.

(13)

     ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42–47.

(14)

     ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2–18.

(15)

     ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129–136.

(16)

     COM(2018) 302 final.

(17)

     ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31–59.

(18)

     COM/2016/0272 final - 2016/0132 (COD).

(19)

   Convention drawn up on the basis of Article K.3 of the Treaty on European Union, on mutual assistance and cooperation between customs administrations (ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2–22.

(20)

   ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1–2.

(21)

   ĠU L 26, 29.1.2004, p. 3–9.

(22)

   ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34–42.

(23)

     ĠU L 336, 10.12.2016, p. 3–13.

(24)

     ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1–3.

(25)

     ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22–24.

(26)

     ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89–100.

(27)

     ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103–105.

(28)

     ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1–11.

(29)

     ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12–72. 

(30)

   Studju dwar il-fattibbiltà għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm: Ir-Rapport Finali ( https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/6c877a2a-9ef7-11ea-9d2d-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-130489216 ); Ir-Rapport avvanzat tekniku ( https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/3236e6ae-9efb-11ea-9d2d-01aa75ed71a1/language-en ); L-Analiżi kost-benefiċċji ( https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/503f1551-9efc-11ea-9d2d-01aa75ed71a1/language-en ).

(31)

     ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20–30.

(32)

   Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98).

(33)

     ĠU L 39, 12.2.2010, p. 20–35.

(34)

     ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1–36.

(35)

    ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9–25.

(36)

   Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ skambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku tat-triq (SWD(2016) 355 final) u r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/413 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza tat-toroq (COM(2016) 744 final).

(37)

   Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu: Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali ( https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2019-1732201_mt ).

(38)

   L-allinjament se jqis ukoll kwalunkwe allinjament neċessarju għall-GDPR u għad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37-47).

(39)

   ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149.

(40)

     Il-Kawża C-817/19, Ligue des droits humains, pendenti fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.

Top

Brussell, 24.6.2020

COM(2020) 262 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data


ANNESS I: Atti li jaqgħu fl-ambitu tar-rieżami iżda li ma jeħtiġux emendi 

Atti li ma fihomx regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data u għalhekk mhumiex ta’ “anterjorità”, li jfisser li l-LED diġà tapplika għalihom (7 atti):

1.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri 1 ;

2.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza 2 ; 

3.Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI tal-24 ta’ Jannar 2005 dwar l-iskambju ta’ ċerta data mal-Interpol 3 ;

4.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji 4 ;

5.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska 5 ;

6.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi 6 ;

7.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 7 .

Atti li fihom referenza għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, li għandha tiġi interpretata bħala referenza għal-LED skont l-Artikolu 59(2) tiegħu, u li ma fihom l-ebda regola speċifika dwar il-protezzjoni tad-data personali (3 atti):

1.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja 8 ;

2.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali 9 ; u

3.Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni 10 .

Atti li l-emendi diġà qed jiġu nnegozjati (2 atti):

1.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 tirregola l-aċċess għad-data tal-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra 11 , u li hija soġġetta li titħassar skont il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament XX/2018 [ir-Regolament tal-Interoperabilità], u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI 12 ;

2.Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 13 ; huwa soġġett li jitħassar skont il-Proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għall-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li qed jirresjiedu illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulazzjoni) 14 .

Ftehimiet internazzjonali li jorbtu esklużivament l-Istati Membri jew l-Istati ta’ Schengen u li huma obbligati jittrasponu l-LED fl-ordnijiet nazzjonali tagħhom, u meta l-ipproċessar ta’ data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi skont tali ftehimiet ikun soġġett għal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-LED (3 atti):

1.Il-Konvenzjoni magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (il-Konvenzjoni ta’ Napli II) 15 ;

2.L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 16 ;

3.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu 17 .

Trattat ta’ Għajnuna Legali Reċiproka bejn l-UE u l-Istati Uniti:

1.Il-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka 18 .

ANNESS II: Atti li jeħtieġu emendi

1.Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti 19 .

2.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi 20 ;

3.Id-DeċiżjoniFramework tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 21 ;

4.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha, tobbliga lill-Istati Membri jwaqqfu Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi u jipprovdu qafas għall-iskambju ta’ data bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri 22 ;

5.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 23 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 24 ;

6.Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali 25 ;

7.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali 26 ;

8.Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali 27 ;

9.Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq 28 ;

10.Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja 29 .

(1)

     ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1–20.

(2)

     ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45–55.

(3)

     ĠU L 27, 29.1.2005, p. 61–62.

(4)

     ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16–30.

(5)

     ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59–78.

(6)

     ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102–122.

(7)

     ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27–46.

(8)

     ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20–40.

(9)

     ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42–47.

(10)

     ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2–18.

(11)

     ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129–136.

(12)

     COM(2018) 302 final.

(13)

     ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31–59.

(14)

     COM/2016/0272 final - 2016/0132 (COD).

(15)

   ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2–22.

(16)

   ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1–2.

(17)

     ĠU L 26, 29.1.2004, p. 3–9.

(18)

     ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34–42.

(19)

     ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1–3.

(20)

     ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22–24.

(21)

     ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89–100.

(22)

     ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103–105.

(23)

     ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1–11.

(24)

     ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12–72.

(25)

     ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20–30.

(26)

     ĠU L 39, 12.2.2010, p. 20–35.

(27)

     ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1–36.

(28)

   ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9–25. 

(29)

   ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149.

Top