Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0690

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

    COM/2017/0690 final

    Brussell,22.11.2017

    COM(2017) 690 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018


    1.Introduzzjoni

    L-ekonomija tal-Ewropa qiegħda tissaħħaħ f’kuntest ta’ politika li qiegħed jinbidel. It-tkabbir żdied, u qabeż l-aspettattivi, il-qgħad naqas, l-investiment qiegħed jirkupra u l-finanzi pubbliċi sejrin ‘il quddiem. Kemm l-ekonomija tal-UE kif ukoll l-ekonomija taż-żona tal-euro kibru b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar 18-il kwart, bħala parti minn proċess ta’ rkupru li issa laħaq l-Istati Membri kollha. L-impjiegi qegħdin jiżdiedu, b’rekord ta’ 235.4 miljun persuna f’impjieg fit-tieni kwart tal-2017. Inħolqu 8 miljun impjieg addizzjonali fl-UE – li minnhom 5.5 miljun fiż-żona tal-euro – sa minn meta l-Kummissjoni preżenti ħadet il-kariga 1 . Il-qgħad issa huwa fil-livell ta’ 7.5 % fl-UE u ta’ 8.9 % fiż-żona tal-euro, li huma l-livelli l-aktar baxxi f’disa’ snin u tmien snin, rispettivament. Il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, qiegħed jonqos wkoll. Il-finanzi pubbliċi tjiebu b’mod sinifikanti u l-investiment qiegħed jirkupra bil-mod. Il-politiki strutturali kkontribwew għal dawn ix-xejriet pożittivi, flimkien ma’ politiki makroekonomiċi ta’ appoġġ.

    Dan il-momentum jippreżenta lill-UE tieqa ta’ opportunità biex terġa’ tkebbes konverġenza ekonomika u soċjali sostnuta. Filwaqt li l-Istati Membri kollha qegħdin juru tkabbir pożittiv, huma jinsabu f’punti differenti fiċ-ċikli tagħhom u fir-rigward tal-livelli ta’ produzzjoni u ta’ impjiegi ta’ qabel il-kriżi. Għad hemm 18.9 miljun persuna mingħajr impjieg, l-investiment għadu baxx wisq, iż-żieda fil-pagi hija kajmana, għad hemm staġnar fis-suq tax-xogħol u l-inflazzjoni sottostanti hija prevista li tibqa’ baxxa. F’xi Stati Membri, il-livelli għolja ta’ dejn għadhom ta’ xkiel għat-tkabbir. Hemm lok li jitkompla l-appoġġ għall-irkupru, b’mod partikolari permezz ta’ riformi strutturali li joħolqu l-kundizzjonijiet għat-tisħiħ tal-investiment u ż-żieda fit-tkabbir reali tal-pagi li jappoġġja d-domanda domestika, b’appoġġ għar-ribilanċjament estern u intern fiż-żona tal-euro.

    Jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi dwar l-implimentazzjoni tar-riformi li jinsabu għaddejjin. Fl-istess waqt, huma meħtieġa aktar riformi strutturali biex l-ekonomija tal-Ewropa ssir aktar stabbli, inklużiva, produttiva u reżiljenti. L-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej iridu jsiru inqas vulnerabbli u iktar kapaċi li jirreaġixxu għall-iskossi u ppreparati aħjar biex jadattaw u jieħdu vantaġġ minn bidliet strutturali fit-tul. Biex jinkiseb dan, il-politiki ekonomiċi, finanzjarji u fiskali għandhom jiżguraw l-istabilità makroekonomika u jimminimizzaw l-espożizzjoni għal xokkijiet esterni jew li jkunu ġġenerat domestikament. Swieq tal-prodotti, tax-xogħol u tal-kapital li jkunu effiċjenti u flessibbli huma strumentali biex jiġi żgurat li r-riżorsi jiġu diretti lejn l-użu l-aktar produttiv tagħhom. Żieda fil-produttività tiddependi fuq l-investiment, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati. Hemm bżonn li n-nies jingħataw is-setgħa li jisfruttaw l-opportunitajiet matul il-perjodu kollu tal-ħajja tax-xogħol tagħhom u li jkunu jistgħu jserrħu fuq xbieki ta’ sikurezza soċjali adegwati, meta dan ikun meħtieġ. Sa nofs l-2018, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Perkorsi ta’ titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti” 2 , f’konformità mal-impenn li sar meta kienet ġiet adottata f’Diċembru 2016.

    Il-politiki fiskali għandhom jilħqu bilanċ xieraq bejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari bit-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-dejn fejn dawn ikunu għoljin, u li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. Spejjeż baxxi ta’ finanzjament jistgħu jkunu ta’ inċentiv lill-gvernijiet biex jantiċipaw programmi ta’ investiment ta’ kwalità għolja. It-tnaqqis ta’ livelli għoljin ta’ dejn u l-bini mill-ġdid ta’ buffers fiskali jridu jibqgħu prijorità. Il-gvernijiet għandhom itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom, speċjalment fejn il-proporzjonijiet tad-dejn huma għoljin. Dan jista’ jiġi megħjun billi jingħalqu l-lakuni tat-taxxa jew permezz ta’ mmirar aħjar fejn jidħol l-infiq. It-titjib tal-kompożizzjoni tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi jibqa’ kruċjali.

    Il-kriżi ekonomika wriet kemm hu importanti li titjieb u titlesta l-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi. Sar ħafna matul il-kriżi, bħall-ħolqien tal-Bord Fiskali Ewropew u l-istabbiliment ta’ bordijiet nazzjonali tal-produttività. Madankollu, għad hemm lakuni, kif imfisser fid-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja 3 . Il-Kummissjoni se tipproponi pakkett komprensiv ta’ miżuri f’Diċembru 2017, imfassla biex l-UEM issir aktar reżiljenti, demokratika u effiċjenti.

    Dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jidentifika l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għas-sena li jmiss. It-“trijanglu virtuż” tal-għoti ta’ spinta lill-investiment, li jiġu segwiti riformi strutturali u li jiġu żgurati politiki fiskali responsabbli qiegħed jipproduċi r-riżultati. Dan l-approċċ għandu jitkompla, meta jitqiesu l-istadji differenti taċ-ċiklu ekonomiku li fih jinsabu l-Istati Membri. Riformi strutturali mmirati lejn it-titjib tas-swieq tax-xogħol u l-politiki soċjali għandhom jgħinu lill-forza lavorattiva biex tikseb il-ħiliet meħtieġa u biex jiġu promossi opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, żieda fil-produttività tax-xogħol f’appoġġ għaż-żieda fil-pagi, u sistemi sostenibbli u adegwati ta’ ħarsien soċjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, approvat dan l-aħħar waqt is-summit soċjali f’Gothenburg permezz ta’ proklamazzjoni 4 konġunta tal-istituzzjonijiet tal-UE, għandu jintuża bħala boxxla. Sistemi effiċjenti u ġusti tat-taxxa u tal-benefiċċji, kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi moderni u effettivi, iffaċilitati fejn possibbli permezz ta’ strutturi ta’ gvern elettroniku, għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ taħlita ta’ politika bbilanċjata u komprensiva u għandhom jingħataw prijorità. 

    Il-gwida li tinsab f’dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir hija bbażata fuq firxa wiesgħa ta’ kontributi. Hija tħejjiet bl-involviment mill-qrib tal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali. Hija tkompli tibni fuq l-indirizz tal-2017 tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa 5 u l-ħames dokumenti sussegwenti ta’ riflessjoni 6 . Hija tieħu kont tad-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, mal-parlamenti nazzjonali u mal-imsieħba soċjali. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa akkumpanjat minn Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 7 , ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 8 , Komunikazzjoni dwar il-pjani ta’ abbozz ta’ baġit ippreżentati mill-Istati Membri taż-żona tal-euro 9 , proposta ta’ emenda għal-linji gwida dwar l-impjiegi 10 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u mill-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 11 .

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

    Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fi proklamazzjoni ffirmata waqt summit soċjali għall-impjiegi ġusti u t-tkabbir. Il-Pilastru jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin rigward l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jesprimi l-prinċipji u d-drittijiet essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb fl-Ewropa tas-seklu 21. Huwa mfassal bħala boxxla għal konverġenza mġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja aħjar, filwaqt li jieħu ispirazzjoni mill-prattiki tajba li jeżistu madwar l-Ewropa, u jibni fuq il-korp qawwi ta’ liġijiet li jeżistu fil-livell internazzjonali u tal-UE.

    Il-prinċipji u l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jservu bħala punt ta’ referenza għall-implimentazzjoni ulterjuri tas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika. Dawn huma diġà riflessi fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u fil-proposta għal linji gwida ġodda dwar l-impjiegi li jakkumpanja dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Il-Kummissjoni se timbotta din il-ħidma ‘il quddiem fl-analiżi li se tkun inkluża fir-rapporti tal-pajjiżi li jmiss fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2018.

    2.It-tisħiħ tal-investiment f’appoġġ għall-irkupru u biex jiżdied it-tkabbir għat-tul

    Id-domanda domestika qiegħda tibbenefika miż-żieda fl-investiment u minn kundizzjonijiet aħjar għall-konsum. L-ottimiżmu ekonomiku li żdied fost iċ-ċittadini u n-negozji jindika li l-irkupru qiegħed jilħaq pożizzjoni aktar soda. Flimkien mat-tnaqqis fil-qgħad, it-titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji qiegħda ssostni t-tkabbir fil-konsum. Madankollu, hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali biex jixprunaw l-investiment u tiżdied il-prestazzjoni ekonomika futura, b’mod partikolari billi tingħata attenzjoni lil proġetti sostenibbli li jipproduċu benefiċċji ekonomiċi għat-tul.

    L-investimenti li jżidu l-produttività huma kruċjali biex jiġu żgurati l-prospetti ta’ tkabbir fil-ġejjieni. L-investiment immirat f’oqsma bħal ma huma l-infrastruttura, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa, ir-riċerka, l-innovazzjoni diġitali u l-ekonomija ċirkolari jistgħu jżidu kemm il-produttività kif ukoll l-impjiegi. Madankollu, hemm il-ħtieġa li jiġi evitat li jiżviluppaw bżieżaq spekulattivi marbuta mal-allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi. Kif deher ċar fil-kriżi ekonomika, dan huwa importanti b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, fejn l-ekonomiji huma aktar integrati mil-lat finanzjarju u huma suġġetti għal effetti kollaterali akbar. Biex dan iseħħ, tista’ tkun ta’ għajnuna superviżjoni mikroprudenzjali u makroprudenzjali aktar b’saħħitha.

    Riekwilibriju aktar simetriku fiż-żona tal-euro jista’ jgħin biex jittejjeb l-ambjent tal-investiment. Filwaqt li l-pajjiżi kollha għandhom ineħħu l-ostakli għall-investiment, tkun ta’ għajnuna biex jinkiseb mill-ġdid il-bilanċ, jekk il-pajjiżi taż-żona tal-euro, li għandhom surplus kbir fil-kontijiet kurrenti, jiġu inkoraġġuti li jinvestu. L-investituri privati jeħtieġu klima ta’ fiduċja u ta’ ċertezza biex jinvestu. L-Istrateġija tal-Politika Industrijali mġedda tal-UE 12 se tkun ta’ xprun ulterjuri għall-investiment privat billi tinċentiva t-tifrix tal-użu ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali u diġitali ġodda u b’hekk jitnaqqas l-iżbilanċ attwali bejn ir-riskju u r-redditu.

    L-użu tar-riforma bħala appoġġ għall-investiment

    L-Istati Membri għandhom ikomplu r-riformi biex jinkoraġġixxu l-investiment, jingranaw il-finanzjament pubbliku biex jiġi mobilizzat l-investiment privat u jtejbu l-ambjent tan-negozju. Dan jista’ jgħin fit-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u jkollu impatt pożittiv fit-tul fuq il-konverġenza ekonomika u t-tnaqqis tad-differenzi soċjali. Ir-riformi għandhom l-għan li jittejjeb l-ambjent tan-negozju, tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa u li ssir aktar favorevoli għall-investiment, li l-amministrazzjoni pubblika ssir aktar effiċjenti u li jiġu indirizzati r-riġiditajiet fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol.

    Istituzzjonijiet pubbliċi aktar qawwija u aktar effiċjenti huma kruċjali għall-bini ta’ strutturi ekonomiċi reżiljenti li jrawmu l-investiment u t-tkabbir, b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa wera li l-użu tal-fondi tal-UE huwa aktar effettiv fl-Istati Membri bi strutturi ta’ ppjanar u koordinazzjoni qawwija. Dawn il-pajjiżi għandhom it-tendenza li jiksbu suċċess akbar fl-iżgurar ta’ provvista stabbli ta’ proġetti. L-istrutturi tal-ippjanar u l-koordinazzjoni għandhom jissaħħu, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri. Il-pajjiżi b’istituzzjonijiet aktar effiċjenti x’aktarx ukoll li jbatu anqas minn volatilità ta’ tkabbir u jgħaddu minn kollassi tal-produzzjoni anqas serji. Pereżempju, sistema ġudizzjarja effettiva tappoġġja lin-negozji billi tiffaċilita l-infurzar tal-kuntratti u tkun ta’ kontribut għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-korruzzjoni hija ostaklu għall-investiment f’xi Stati Membri, toħloq inċertezza fl-ambjent tan-negozju, ixxekkel il-proċessi u potenzjalment timponi kosti addizzjonali. L-istat tad-dritt u t-titjib fl-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma kruċjali għal ambjent kummerċjali pożittiv 13 . Oqfsa effettivi tal-insolvenza jippermettu r-ristrutturar u l-istralċ ta’ impriżi mhux vijabbli. L-Istati Membri li jeħtiġilhom jagħmlu dan għandhom jaħdmu biex gradwalment itejbu l-istituzzjonijiet tagħhom.

    L-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji għadha lura b’mod sinifikanti meta jsir paragun ma’ ekonomiji oħra komparabbli. Dan huwa kruċjali b’mod partikolari għaż-żona tal-euro, fejn il-kondiviżjoni tar-riskju privat hija essenzjali fin-nuqqas ta’ rati tal-kambju interżonali u ta’ kondiviżjoni sinifikanti ta’ riskju pubbliku. Hemm bżonn ta’ progress aktar mgħaġġel lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja, fejn hu meħtieġ li t-tnaqqis tar-riskji jimxi id f’id mal-kondiviżjoni tar-riskju. L-istabilità makrofinanzjarja tissaħħaħ b’mod sinifikanti bl-adozzjoni ta’ garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u skema ta’ garanzija tad-depożiti komuni u tal-miżuri regolatorji proposti mill-Kummissjoni f’Novembru 2016, u bi tnaqqis fl-istokk ta’ assi legati improduttivi minn żmien il-kriżi. Ladarba jkunu kkompletati, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal aktar forniment ta’ servizzi finanzjarji transfruntiera u livell ogħla ta’ assorbiment tax-xokkijiet fiż-żona tal-euro.

    Tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu u azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wasslu għal titjib sinifikanti tal-kwalità tal-assi tal-banek f’għadd ta’ Stati Membri. Il-livell ta’ self improduttiv qiegħed ġeneralment jonqos, għalkemm għadu għoli f’għadd ta’ Stati Membri u għadu ostaklu għall-profitabbiltà tal-banek, b’mod partikolari għal banek ta’ daqs medju u żgħir. Dan min-naħa tiegħu jfixkel il-finanzjament tal-ekonomija reali. Il-pjan ta’ azzjoni dwar is-self improduttiv li dwaru ntlaħaq qbil f’Lulju 2017 għandu jiġi implimentati b’mod urġenti.

    L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija ta’ potenzjal sinifikanti biex jittejjeb l-aċċess għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament, li jistgħu jkunu orħos. Din se trawwem il-kapaċità ta’ assorbiment tax-xokkijiet fiż-żona tal-euro permezz ta’ sjieda transfruntiera ta’ assi finanzjarji. Is-suċċess tagħha se jiddependi fuq il-livell ta’ impenn politiku mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri u fuq kif il-parteċipanti fis-suq jagħmlu użu mill-finanzjament u l-opportunitajiet ta’ investiment disponibbli.

    Hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata aktar trasparenza fir-rigward ta’ flussi ta’ kapital. Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda dwar it-trasparenza għal intermedjarji li jfasslu u jippromwovu skemi ta’ ppjanar tat-taxxa għall-klijenti tagħhom 14 . Dan se jgħin biex jiġi indirizzat l-evitar tat-taxxa. Sa tmiem l-2017, l-UE għandha jkollha lista komuni ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, li se jkun strument aktar b’saħħtu fit-trattament ma’ pajjiżi terzi li jirrifjutaw li jaġixxu b’mod ġust. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinsisti għal titjib fil-qafas fiskali internazzjonali, sabiex tiġi żgurata t-tassazzjoni ġusta u effettiva ta’ kumpaniji madwar id-dinja u biex jiġu ssalvagwardjati l-bażijiet taxxabbli tal-Istati Membri.

    Il-kummerċ u l-investiment li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd għandu jkun liberu, ġust u ta’ benefiċċju reċiproku u bbażat fuq kundizzjonijiet ekwi. Il-Kummissjoni għaddejja b’ġabra ambizzjuża ta’ negozjati dwar kummerċ għall-ftuħ ta’ swieq ġodda bħala muturi ewlenin tal-impjiegi u tat-tkabbir lokalment, u sabiex tiżgura li l-kummerċ globali jsir abbażi ta’ regoli. Qegħdin isiru wkoll sforzi għal riforma tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali li jippermettu lill-UE biex b’mod effettiv u rapidu tindirizza prattiki kummerċjali u distorsjonijiet tas-suq inġusti. Hija pproponiet ukoll qafas Ewropew għall-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani 15 għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubblika.

    L-investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali għandu l-potenzjali li jkabbar il-produttività madwar l-ekonomija permezz ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u ta’ anqas kosti ta’ materja prima, filwaqt li jitnaqqsu l-kosti esterni u l-impatti. L-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari se joħloq impjiegi ġodda f’servizzi innovattivi, ta’ manteniment u ta’ tiswija, u fit-tfassil ta’ prodotti ġodda u aktar sostenibbli u fil-manifattura tagħhom. Oqsma speċifiċi potenzjali jinkludu l-akkwist pubbliku, l-investimenti fl-infrastruttura tal-iskart u tal-ilma, il-kostruzzjoni, il-materja prima kritika, il-bijokarburanti u l-bijokimiki.    

    Jittieħed l-akbar vantaġġ possibbli mill-opportunitajiet fil-baġit tal-UE u dak nazzjonali

    Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, hekk kif il-baġits nazzjonali kienu taħt pressjoni qawwija, il-baġit tal-UE wera li huwa strument qawwi biex jiġu appoġġjati l-investiment fil-koeżjoni, il-konnettivita tal-UE (it-trasport, l-enerġija, is-setturi diġitali), l-innovazzjoni, l-ambjent u l-appoġġ lill-SMEs. F’xi Stati Membri, huwa kien jew għadu s-sors ewlieni ta’ investiment. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kellu rwol ewlieni biex jikkatalizza l-investimenti privati. Dan wera kif il-baġit tal-UE jista’ jirrispondi malajr għal sfidi li qegħdin jitfaċċaw, u joħloq ingranaġġi sostanzjali 16 . Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi wriet li l-impatt reali tagħhom mhux se jimmaterjalizza qabel ma jiġu indirizzati wkoll ostakli oħrajn.

    Minn Novembru 2017, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa diġà xpruna EUR 251.6 biljun addizzjonali f’investiment madwar is-28 Stat Membru kollha kemm huma. Dan jirrappreżenta 79.8 % tal-mira oriġinali ta’ EUR 315 biljun. Ir-Regolament FEIS 2.0 se jestendi l-ħajja tal-Fond sa tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali attwali fl-2020. Huwa se jżid il-garanzija tal-UE minn EUR 16-il biljun sa EUR 26 biljun u l-kapital tal-Bank Ewropew tal-Investiment, minn EUR 5 sa EUR 7.5 biljun. Dan għandu jimmobilizza investiment privat u pubbliku ta’ EUR 500 biljun sal-2020. 

    L-investimenti pubbliċi u privati huma kruċjali biex jiżdied it-tkabbir potenzjali fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul. L-infrastrutturi fiżiċi u oħrajn huma meħtieġa biex jitjiebu l-attivitajiet kummerċjali tal-kumpaniji u l-produttività tagħhom. Kontribut akbar tas-settur privat għall-iżvilupp tal-kapital uman u proġetti ta’ infrastruttura jikkumplimetaw u jingranaw l-appoġġ mis-settur pubbliku. Għall-futur, tkun ħaġa tajba li jiġi stabbilit qafas finanzjarju li jwassal għall-investiment u l-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat, li jippermetti wkoll il-kombinazzjoni ta’ strumenti finanzjarji u għotjiet biex ikunu jistgħu jitniedu l-proġetti.

    L-investimenti f’edukazzjoni ta’ kwalità għolja, taħriġ, tkabbir fil-produttività tax-xogħol u politiki attivi fis-suq tax-xogħol huma essenzjali biex jagħtu s-setgħa lin-nies u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, li tibqa’ l-aħjar mezz ta’ kif wieħed joħroġ mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jiġu provduti bil-ħiliet u li jingħataw appoġġ f'suq tax-xogħol li qiegħed jinbidel. Huwa meħtieġ b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali.

    L-Ewropej jeħtieġu servizzi bi prezzijiet raġjonevoli, aċċessibbli u ta’ kwalità. Servizzi bħall-indukrar tat-tfal, l-indukrar barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, id-djar, is-servizzi tas-saħħa, u ta’ kura fit-tul huma essenzjali biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Akkomodazzjoni soċjali adegwata u assistenza oħra għall-akkomodazzjoni huma essenzjali wkoll. Dan jinvolvi wkoll il-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli kontra l-iżgumbrar bil-forza u l-preklużjoni, kif ukoll biex tiġi indirizzata l-problema tal-persuni bla saqaf fuq rashom.

    3.Riformi strutturali għat-tkabbir inklużiv, il-konverġenza fuq livell ogħla, u l-kompetittività

    Ir-riformi strutturali huma essenzjali biex l-ekonomija tkun tista’ tegħleb l-iskossi, tadatta għal bidliet strutturali fit-tul u jitjiebu l-eżiti soċjali. F’ħafna pajjiżi, il-kriżi ekonomika kixfet nuqqas ta’ strutturi xierqa u ta’ adattabbiltà biex l-iskossi jkunu jistgħu jiġu assorbiti mingħajr taqlib u biex titwitta t-triq lejn irkupru ekonomiku rapidu. Ir-riformi strutturali għandhom iqisu l-effetti distribuzzjonali fuq gruppi u reġjuni soċjetali differenti. Din se jgħin biex l-ekonomiji jsiru aktar reżiljenti u kompetittivi u biex ikunu jistgħu jerġgħu lura lejn tkabbir għat-tul b’riżultati u konverġenza soċjali u ekonomiċi pożittivi.

    Is-sekwenzjar u l-ippakkeġġar adegwat ta’ riformi strutturali huwa fundamentali biex jitnaqqsu l-kosti tagħhom fuq perjodu ta’ żmien qasir, u biex jiġu massimizzaati l-benefiċċji fit-tul tagħhom, f’termini ta’ żieda fil-potenzjal ta’ produttività u tkabbir. Xi riformi strutturali jistgħu, għal żmien qasir, joħolqu piżijiet ta’ domanda u effetti distribuzzjonali, u dan għandu jingħata kunsiderazzjoni meta jkunu qegħdin jitfasslu u jiġu implimentati. L-effettività kumplessiva tar-riformi tas-suq tax-xogħol u r-riformi fis-suq tal-prodotti għandha t-tendenza li titjieb jekk tkun parti minn pakkett imfassal tajjeb. Barra minn hekk, ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ambjent tan-negozju għandhom kosti minimi fuq perjodu qasir u jistgħu jkunu effettivi fi kwalunkwe punt taċ-ċiklu ekonomiku, u dan isaħħaħ il-każ sabiex dawn jiġu segwiti. Il-bini tal-integrità u t-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-implimentazzjoni ta’ prevenzjoni effettiva tal-korruzzjoni, huma kruċjali biex jingħataw servizzi ta’ kwalità għolja lin-negozji u liċ-ċittadini.

    Għodda ġdida biex tappoġġa l-isforzi tar-riforma strutturali

    Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riforma Strutturali (SRSP) jiffinanzja l-għajnuna teknika, imfassla apposta, u mogħtija jekk tintalab, lill-Istati Membri biex jgħinhom fl-isforzi ta’ riforma tagħhom. Dan għandu baġit ta’ EUR 142.8 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2020 u jgħin lill-Istati Membri jwettqu r-riformi li huma jqisu meħtieġa biex jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar kompetittivi u favorevoli għall-investiment. L-appoġġ huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE, huwa mmexxi mid-domanda u ma jeħtieġ l-ebda kofinanzjament. Il-programm huwa implimentat mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS) tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni. L-SRSS sa issa appoġġja 15-il Stat Membru biex iwettqu aktar minn 150 proġett ta’ appoġġ. Taħt iċ-ċiklu tal-2018 tal-SRSP, dan irċieva 444 talba għall-appoġġ minn aktar minn 20 Stat Membru, li wassal għal domanda eċċessiva sostanzjali fuq il-baġit tal-SRSP ta’ EUR 30.5 miljun għall-2018.

    L-appoġġ tekniku kopra riformi fl-oqsma tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-ambjent tan-negozju, is-swieq tax-xogħol, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, is-settur finanzjarju u l-aċċess għall-finanzjament. Huwa jibbaża fuq il-prattika tajba minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll fuq għarfien espert minn organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat u l-Kummissjoni. Jingħataw appoġġ prattiku u gwida matul il-proċess ta’ riforma, mill-preparazzjoni sat-tfassil, sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riformi. Huwa jgħin biex jiġu implimentati riformi elenkati taħt il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u għal prijoritajiet identifikati fil-proċess ta’ governanza ekonomika, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif ukoll azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    L-iżgurar ta’ konverġenza u inklużjoni akbar hija partikolarment rilevanti għal Stati Membri taż-żona tal-euro. Ir-riformi li jżidu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti, itejbu l-ambjent tan-negozju u jsaħħu l-kwalità tal-istituzzjonijiet irawmu r-reżiljenza ekonomika fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Integrazzjoni ulterjuri fis-suq uniku tat prova li hija magna ewlenija tat-tkabbir. It-tnaqqis fid-diskrepanzi fil-kompetittività jirrekjedi wkoll prinċipji fundamentali ta’ tkabbir aktar b’saħħithom, kif ukoll rata ta’ tkabbir fil-produttività aktar mgħaġġla fil-pajjiżi li għadhom lura. Tkabbir fil-pagi reali aktar mgħaġġel fiż-żona tal-euro kollha kemm hi jkun ta’ għajnuna fis-sostenn tad-domanda domestika.

    Ir-reżiljenza u l-konverġenza

    Kif enfasizzat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti u mtenni fid-dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-UEM, il-konverġenza lejn strutturi ekonomiċi iktar reżiljenti fl-Istati Membri huwa element essenzjali għas-suċċess fit-tul tal-UEM. L-aħħar snin urew kif in-nuqqas ta’ reżiljenza f’ekonomija waħda jew aktar taż-żona tal-euro jista’ jkollha effetti sinifikanti u persistenti fuq id-dħul u l-impjiegi fil-pajjiżi kkonċernati, f’pajjiżi oħra u fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. Dan huwa partikolarment il-każ għall-pajjiżi li jkunu akkumulaw vulnerabilitajiet fil-passat.

    Il-kapaċità tal-ekonomija li ttaffi l-effetti ta’ skoss hija influwenzata mill-grad ta’ kondiviżjoni tar-riskju permezz tas-swieq finanzjarji. F’dan ir-rigward, is-Suq Uniku ta prova li huwa forza ewlenija ta’ konverġenza u jista’ jgħin biex tiżdied ir-reżiljenza, u jservi bħala lqugħ kontra skossi mhux prevedibbli. Settur bankarju kapitalizzat tajjeb u Unjoni tas-Swieq Kapitali żviluppata bis-sħiħ huma essenzjali biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ assorbiment tal-iskossi. Istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jiffunzjona sew, kif ukoll swieq tal-prodotti u s-servizzi kompetittivi jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna fir-reazzjoni għall-iskossi u għal bidliet strutturali għat-tul li jaffettwaw is-soċjetajiet tagħna. Il-gvernijiet jistgħu wkoll jappoġġaw l-aġġustament permezz ta’ infiq u dħul effiċjenti u effettivi, bil-ħolqien ta’ spazju fiskali fi żminijiet tajbin.

    Il-konverġenza reali tal-livelli ta’ għajxien u ta’ dħul hija ċentrali fil-kisba tal-għanijiet aħħarija tal-Unjoni ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali u ta’ livell massimu ta’ impjiegi. Fl-ewwel għaxar snin tal-UEM, seħħ tkabbir sinifikanti fid-dħul reali u l-membri taż-żona tal-euro bi standards ta’ għajxien inizjalment aktar baxxi laħqu lill-oħrajn aktar avvanzati, f’termini ta’ PDG per capita. Dan ġie affettwat b’mod negattiv mill-kriżi li bdiet fl-2008 (Grafika 1). Is-sitwazzjoni tjiebet f’dawn l-aħħar snin, għalkemm biss b’mod moderat ħafna jekk wieħed iqis biss il-membri oriġinali taż-żona tal-euro. Ir-rati tal-qgħad ukoll bdew joqorbu lejn xulxin fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro qabel ma laqtet il-kriżi, iżda wara l-kriżi beda jkollhom diverġenzi aktar qawwija (Grafika 2). Sa mill-2013, reġa’ qiegħed ikun hemm anqas varjazzjoni fir-rati tal-qgħad bejn pajjiż u ieħor, iżda d-differenzi għadhom akbar minn dawk li kienu qabel il-kriżi.

    Id-differenzi fl-istrutturi ekonomiċi jgħinu biex jispjegaw dawn l-iżviluppi fejn tidħol il-konverġenza reali. Dawk il-partijiet taż-żona tal-euro li għandhom swieq tal-prodotti u tax-xogħol kif ukoll amministrazzjonijiet pubbliċi aktar effiċjenti marru aħjar matul il-kriżi. Proċess aktar vigoruż u sostnut ta’ riformi strutturali ssekwenzjati b’mod xieraq u li jindirizzaw tibdil strutturali għat-tul ikun ta’ tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomiji. Strutturi ekonomiċi reżiljenti huma meħtieġa biex jappoġġjaw il-konverġenza reali u biex din issir sostenibbli hekk kif jgħaddi ż-żmien. Dawn għandhom ikunu akkumpanjat minn politiki li jappoġġjaw il-produttività u t-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju u twil, kif ukoll minn politiki makroekonomiċi xierqa.

    Grafika 1 — Varjazzjoni f’PDG reali per capita, ŻE17 u ŻE10(1)

    Grafika 2 — Varjazzjoni fir-rati tal-qgħad, fl-UE28 u ż-ŻE19

    Noti: (1) Iċ-ċifri jeskludu lill-Irlanda u lil-Lussemburgu.

    Il-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u sistemi moderni tas-sigurtà soċjali

    Il-globalizzazzjoni u l-progress teknoloġiku qed ibiddlu l-mod kif ngħixu u naħdmu. Huma qegħdin joħolqu opportunitajiet ġodda li jżidu l-produttività, irawmu l-intraprenditorija, joħolqu l-impjiegi u jtejbu l-istandards tal-għajxien. Fl-istess ħin, dawn qed jittrasformaw għadd dejjem akbar ta’ setturi ekonomiċi, mudelli tan-negozju u s-suq tax-xogħol innifsu, b’aktar tranżizzjonijiet bejn il-forom ta’ impjieg u status. Is-swieq tax-xogħol qed juru sinjali ta’ polarizzazzjoni ta’ ħiliet, b’potenzjal ta’ dħul ta’ polarizzazzjoni u koeżjoni soċjali aktar dgħajfa. L-impatt tal-bidliet ta’ spiss l-aktar jinħass lokalment, fejn dan wassal għall-bżonn ta’ interventi pubbliċi mmirati. Kien hemm żieda fl-użu ta’ forom aktar flessibbli u non-standard ta’ impjieg. Dan jista’ jirrappreżenta opportunità għal kumpaniji biex jaġġustaw iċ-ċikli tan-negozju tagħhom u għal individwi biex jaġġustaw l-evoluzzjonijiet tagħhom tal-karriera lejn il-bilanċ mixtieq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Madankollu, dan iqajjem mistoqsijiet dwar is-sigurtà tal-impjieg, il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jista’ jwassal għal esklużjoni mill-protezzjoni soċjali. Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li jkun hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali li twieġeb għal dawn ir-realtajiet ġodda fis-suq tax-xogħol.

    L-impatt tal-kriżi kkoinċida ma’ kawżi strutturali ta’ bidla fuq medda itwal ta’ żmien. Filwaqt li l-ħajja tax-xogħol qed issir dejjem itwal u l-perkorsi tal-karriera inqas lineari, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ġenerazzjonijiet iżgħar li jidħlu fis-suq tax-xogħol joħolqu sfida ġdida. L-impjieg ta’ ħaddiema iżgħar staġna matul l-aħħar għaxar snin. Fl-2016, 6,3 miljun żagħżugħ bejn il-15-il u l-24 sena kienu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Il-ġustizzja interġenerazzjonali qed issir għajn ta’ tħassib reali. Mingħajr azzjoni ulterjuri, jista’ jkun hemm impatt detrimentali fuq it-tkabbir tal-output, il-kompetittività, is-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, l-intitolament tal-pensjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri, l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa u l-benesseri tagħhom fil-ġejjieni.

    L-imsieħba soċjali huma partijiet ikkonċernati essenzjali fil-proċess ta’ riforma. Involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil, sekwenzar u implimentazzjoni ta’ riformi jista’ jtejjeb is-sjieda, l-impatt u t-twettiq. Forom ġodda ta’ djalogu soċjali, organizzazzjoni u negozjar kollettiv jeħtieġ li jiġu żviluppati biex jiġu sodisfatti l-isfidi li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol.

    Opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol

    Ir-rata tal-qgħad fl-Ewropa issa hija qrib il-livell tiegħu ta’ qabel il-kriżi. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali bdew jinżlu. Madankollu, l-irkupru għad mhux qed jilħaq il-partijiet kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija. Ħafna Stati Membri qed jieħdu passi biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, biex ikun hemm integrazzjoni aħjar ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u tal-ambjent tax-xogħol.

    Politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi huma importanti biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul. L-Istati Membri għandhom jgħinu lil dawk bla xogħol billi jipprovdu appoġġ għal tfittxija, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li ma jistgħux jipparteċipaw. Il-mobbiltà tal-ħaddiema mal-impjiegi, setturi, u postijiet għandha tiġi promossa, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet eżistenti. L-Istati Membri għandhom jaħdmu wkoll lejn servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u mfassla apposta. Il-Kummissjoni se tipproponi għadd ta’ inizjattivi ġodda, inkluż il-ħolqien ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida.

    L-Istati Membri jeħtieġ li jgħinu lill-persuni sabiex jibnu l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Profiċjenza f’ħiliet bażiċi staġnat jew naqset f’ħafna mill-Istati Membri. Ħiliet bażiċi fost l-adulti, jibqgħu kawża ta’ tħassib u jaġixxu bħala xkiel għall-ekonomija. Pereżempju, filwaqt li 90 % tal-impjiegi kollha jeħtieġu ħiliet diġitali, 44 % tal-Ewropej huma stmati li huma nieqsa minnhom. Numru kbir wisq ta’ persuni, speċjalment bi kwalifiki baxxi, huma qiegħda jew f’impjiegi prekarji. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti staġnat. Il-kompetittività tal-Ewropa u l-istatura ekonomika globali jiddependu fuq forza tax-xogħol kwalifikata u mħarrġa. Hu meħtieġ titjib fil-kwalità u r-rilevanza tat-taħriġ u l-kwalifiki.

    Edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għandhom ikunu aċċessibbli lil kulħadd. Il-kisba akkademika għadha marbuta bis-sħiħ mal-isfond soċjo-ekonomiku. Għandhom isiru sforzi biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiżguraw l-inklużjoni soċjali u riżultati ekonomiċi aħjar. Dan jeħtieġ investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ inizjali u f’dak kontinwu, speċjalment fl-Istati Membri fejn jeżistu lakuni fir-riżultati edukattivi u l-aċċess għall-edukazzjoni, speċjalment għal gruppi żvantaġġati. Dan jirrikjedi wkoll approċċ aktar ambizzjuż għal kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar “It-tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” 17 . Barra minn hekk, skont l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 18 , jeħtieġ li jittejjeb it-taħriġ vokazzjonali u jissaħħaħ it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, inkluż permezz ta’ apprendistati ta’ kwalità. Ir-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali u l-appoġġ għall-adulti għandu wkoll isir aktar faċli.

    Il-ħolqien ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti

    Swieq tax-xogħol dinamiċi u inklużivi huma essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-inklużjoni soċjali, għall-inċentivar tal-intraprenditorija u l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Forom innovattivi ta’ xogħol għandhom jimxu id f’id mas-sigurtà tal-impjieg u protezzjoni soċjali aċċessibbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol jeħtieġ li tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz tat-trawwim tat-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg miftuħa.

    Id-domanda għax-xogħol għandha tkun ukoll appoġġata permezz ta’ bidla tal-piż tat-taxxa ‘l bogħod mix-xogħol. Tnaqqis immirat fit-taxxa fuq ix-xogħol jista’ jikkontribwixxi speċifikament għall-inklużjoni tal-gruppi fil-marġnijiet tas-suq tax-xogħol, bħal dawk bi dħul baxx u dawk qiegħda fit-tul, filwaqt li jillimita t-telf tad-dħul.

    Il-promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hi kruċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi u parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-iżgurar ta’ aċċess għal servizzi ta’ kwalità għal kulħadd, bħall-kura tat-tfal u l-edukazzjoni bikrija, hu importanti. Sistemi ta’ tassazzjoni li ma jippenalizzawx it-tieni sors ta’ dħul u l-għoti ta’ liv tal-familja xieraq u arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw ukoll itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

    L-ostakoli għall-impjieg għandhom jitnaqqsu, speċjalment għal gruppi żvantaġġati, inklużi familji b’ġenitur wieħed, persuni b’diżabbiltà, minoranzi etniċi, rifuġjati u migranti. L-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol teħtieġ li jingħaqdu l-isforzi b’appoġġ għall-integrazzjoni soċjali, bħall-kura tat-tfal, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u d-djar, flimkien mat-tneħħija tal-ostakli bħal diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. Komplementarjetà aħjar bejn is-suq tax-xogħol u sistemi ta’ integrazzjoni soċjali se tgħin lill-gruppi vulnerabbli kollha, tiġġenera aktar prosperità għal kulħadd u toħloq koeżjoni soċjali aktar b’saħħitha. Ambjent tax-xogħol adattat għal persuni b’diżabbiltà hu wkoll meħtieġ, kif ukoll appoġġ finanzjarju mmirat biex jgħinuhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

    L-isforzi fuq żmien qasir għall-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu sostitwiti minn strateġiji komprensivi u fit-tul biex itejbu l-ħiliet tagħhom u biex dawn jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. L-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ itejjeb il-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, jaqilgħu paga diċenti u li jiġu inklużi fis-soċjetà. Dan itejjeb ukoll il-prospetti ta’ tkabbir tal-pajjiż ospitanti u ser jippermetti lill-UE tisfrutta l-potenzjal tar-refuġjati u l-familji tagħhom u l-motivazzjoni qawwija tagħhom biex ikunu membri attivi tas-soċjetà.

    It-tkabbir fil-pagi reali, b’riżultat ta’ żieda fil-produttività, hu kruċjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jiġu żgurati standards tal-għajxien għoljin. Aktar żviluppi dinamiċi fil-pagi, meta jiġu tradotti f’domanda domestika akbar, ser jappoġġaw aktar l-espansjoni ekonomika attwali.

    Il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali biex jindirizzaw l-inugwaljanza u l-faqar

    Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom jipprovdu appoġġ ta’ dħul adegwat u mmirat sew, irawmu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiżguraw aċċess ugwali għal servizzi ta’ kwalità. L-indirizzar tal-inugwaljanzi, inkluż permezz tat-tfassil ta’ sistemi ta’ taxxi u benefiċċji għandu jkun prijorità. L-impatt distributtiv tar-riformi għandu jiġi kkunsidrat meta jitfasslu u jiġu implimentati politiki strutturali. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli li m’għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għax-xogħol. F’xi Stati Membri, hemm bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta’ taxxa u benefiċċji aktar progressivi u li, b’mod ġenerali, huma iktar universali u li jkunu bbażati fuq ittestjar tal-mezzi aħjar, fejn meħtieġ. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw id-dritt għal benefiċċji ta’ introjtu minimu għal dawk li m’għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jinkoraġġixxu lil kulħadd biex jipparteċipa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

    Il-protezzjoni soċjali u l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom ukoll jadattaw irwieħhom għal forom ta’ impjiegi li qed jevolvu u aktar mobbiltà għall-ħaddiema. Aktar minn nofs il-ħaddiema indipendenti fl-Ewropa mhumiex koperti mill-benefiċċji tal-qgħad. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom jadattaw għal modi ġodda ta’ ħidma u jiżguraw li d-drittijiet huma portabbli minn xogħol għall-ieħor, jagħmluha iktar faċli li jinġabru kontribuzzjonijiet minn diversi impjiegi, u li jkun hemm tranżizzjonijiet sikuri bejn l-impjiegi.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet għal kulħadd. Dan jeħtieġ li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-ħaddiema kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom, li jakkwistaw id-drittijiet għal pensjoni, inklużi l-iskemi supplementari. Il-maġġoranza tal-Istati Membri rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, iżda aktar sforzi huma meħtieġa biex jikkumplimentaw ir-riformi. Il-politiki ta’ akkumpanjament għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li r-riformi ma jitreġġgħux lura. L-introjti tal-irtirar jistgħu jingħataw spinta permezz tal-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, ir-rabta tal-età tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, l-evitar tal-irtirar bikri mis-suq tax-xogħol, u l-appoġġ għal mezzi komplementari oħra tal-introjti tal-irtirar. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi, anki f’kundizzjonijiet ħżiena.

    Ir-riformi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul jeħtieġ li jiġu segwiti sabiex tissaħħaħ il-kosteffettività tagħhom, tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali u jiġu żgurati l-kwalità u l-aċċess affordabbli. In-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul hija mistennija li tiżdied minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u fatturi ta’ spiża mhux demografiċi bħalma huma l-progress teknoloġiku fi trattamenti u prodotti farmaċewtiċi. Azzjonijiet ta’ politika huma għalhekk meħtieġa biex jippermettu lin-nies jibqgħu f’saħħithom għal żmien itwal, billi tagħmel is-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul aktar kosteffikaċi u affordabbli biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba.

    Innovazzjoni u kompetittività

    It-tfassil ta’ swieq ta’ prodotti u servizzi għall-ġejjieni

    Teknoloġiji ġodda ta’ produzzjoni u servizzi qed ibiddlu l-industrija Ewropea u l-kapaċità tagħha biex tikber u tikkompeti globalment. Dawn joħolqu impjiegi u jipprovdu livelli ogħla ta’ produttività u valur għall-konsumaturi, li jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija usa’. Il-futur tal-industrija Ewropea tiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tadatta u fuq l-innovazzjoni permezz ta’ investiment f’teknoloġiji ġodda u t-tħaddin tad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni. Il-kompetittività tiddependi fuq il-kapaċità li nimxu lejn aktar sostenibbiltà u effiċjenza tar-riżorsi u l-kapaċità biex jiġu sfruttati l-vantaġġi tat-teknoloġiji diġitali. L-ambjent tan-negozju kollu kemm hu jeħtieġ li jippermetti l-innovazzjoni u jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi.

    Ir-riformi strutturali li jsaħħu s-swieq tax-xogħol u tal-prodotti u l-appoġġ għall-innovazzjoni huma strumentali biex jagħmlu l-ekonomiji tal-UE iktar kompetittivi u reżiljenti. Is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li jiffunzjonaw tajjeb jippermettu l-aġġustamenti permezz ta’ aġġustament mingħajr xkiel tal-prezzijiet u l-pożizzjoni tal-kompetittività xprunata mill-innovazzjoni b’effetti pożittivi għat-tkabbir fit-tul u l-eżiti soċjali.

    Hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari fit-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda fost l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Id-diffikultajiet tagħhom fit-teħid ta’ teknoloġiji ġodda u għall-ksib ta’ aċċess għal kapital ġdid huma aktar akuti f’ekonomija globalizzata, immexxija mit-teknoloġija. L-Istati Membri jistgħu jaqdu rwol permezz ta’ amministrazzjoni pubblika li taħdem aħjar, fejn itejbu l-ambjenti tan-negozju, linji politiċi li jħarsu ‘l quddiem dwar il-ħiliet, il-mobbiltà tax-xogħol u l-iżvilupp reġjonali, kif ukoll l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għall-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda huma kruċjali għat-tiġdid tal-bażi tal-produzzjoni tal-UE għall-irkupru ekonomiku.

    Is-servizzi tan-negozju qed isiru dejjem aktar importanti għall-kompetittività tan-negozji. Id-domanda għal dawn is-servizzi qed tikber u huma jipprovdu sehem akbar tal-valur miżjud inkorporat fi prodotti manifatturati. Il-ftuħ tas-servizzi tan-negozju għal aktar kompetizzjoni jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, billi setturi tal-manifattura li jiddependu fuq proporzjon ogħla ta’ servizzi kummerċjali jaħdmu aħjar f’termini ta’ tkabbir fil-produttività minn setturi oħra tal-manifattura. 

    Aktar kompetizzjoni f’servizzi ta’ distribuzzjoni jippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw minn aktar innovazzjoni u teknoloġiji ġodda. Servizzi bl-imnut kompetittivi għandhom jippermettu lill-konsumaturi biex jifhmu aktar il-benefiċċji għad-diġitizzazzjoni, ktajjen ta’ valur aktar effiċjenti, għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi. L-infurzar adegwat tad-drittijiet tal-konsumatur u l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà tal-prodott se jappoġġa t-twettiq ta’ dawn il-benefiċċji..

    It-tnaqqis ulterjuri tar-restrizzjonijiet fis-swieq tas-servizzi għandu jtejjeb il-produttività u l-kompetittività u jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi. Għad hemm ostakli regolatorji u amministrattivi fis-settur tas-servizzi. Fis-servizzi tan-negozji, il-kostruzzjoni, il-proprjetà immobbli u t-turiżmu, l-Istati Membri għad għandhom rekwiżiti sproporzjonati li jirriżervaw attivitajiet, jimponu kundizzjonijiet stretti fuq il-forom korporattivi u strutturi azzjonarji, jew jirrikjedu rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni kumplessi. It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fis-swieq tas-servizzi, inklużi mudelli kollaborattivi, jista’ jwassal għal kompetizzjoni aktar b’saħħitha, produttività ogħla, servizzi orħos u għażla akbar għall-konsumaturi u aktar impjiegi, speċjalment għal professjonisti żgħażagħ kwalifikati.

    Is-suq intern tal-UE jipprovdi opportunità għall-kumpaniji Ewropej biex jespandu n-negozju tagħhom globalment. L-ogħla rati ta’ ħolqien tax-xogħol jistgħu jinstabu fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ, u attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi. 85 % minn dawn l-impjiegi ġodda huma f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Id-difiża hija wkoll settur fejn suq uniku reali jista’ jagħmel differenza tanġibbli u f’qasir żmien. Dan ifisser li hemm bżonn li jiġu mħeġġa l-kompetizzjoni industrijali, it-trawwim tat-tkabbir tal-produttività, tal-aċċess transfruntier u l-kollaborazzjoni bejn l-SMEs tul il-katina tal-valur, l-ispeċjalizzazzjoni, l-ekonomiji ta’ skala għall-fornituri, il-kapaċità ta’ produzzjoni ottimizzata, it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sigurtà tal-provvista.

    1.Politiki fiskali responsabbli li jappoġġaw is-sostenibbiltà u l-konverġenza

    Il-politika fiskali tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż

    Wara aġġustament fiskali sostanzjali matul il-kriżi, it-titjib tal-qagħda tal-finanzi pubbliċi ġie sostnut ulterjorment bl-irkupru. Madankollu, għad hemm livelli għoljin ta’ dejn pubbliku f’bosta Stati Membri li għadhom ma ġewx solvuti. L-Istati Membri affettwati x’aktarx jiffaċċjaw spejjeż ogħla għall-finanzjament ladarba titnaqqas l-akkomodazzjoni tal-politika monetarja, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro. Dawn l-ispejjeż ta’ finanzjament ogħla se jeħtieġu sforzi fiskali addizzjonali biex jinżamm limitu fuq iż-żieda fil-proporzjonijiet tad-dejn. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni biex jiġu evitati l-ispejjeż ta’ finanzjament ta’ dejn ogħla fil-futur u biex jinbnew buffers fiskali li jgħinu l-ekonomiji biex isiru aktar reżiljenti għax-xokkijiet u sabiex jinħoloq spazju għal aktar investiment. Il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE jipprovdi regoli ċari għall-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti għal flessibbiltà fejn tkun meħtieġa u ġustifikata.

    Il-politika fiskali teħtieġ li tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż. Dan għandu jsir f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u għandu jieħu kont tal-ħtieġa għal stabbilizzazzjoni u sostenibbiltà. Fi Stati Membri b’riskji ta’ sostenibbiltà, il-konsolidazzjoni gradwali f’konformità mar-regoli fiskali tal-UE għandha timmiraa għal pożizzjoni fiskali li ssaħħaħ kemm l-irkupru li għaddej u wkoll tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-kompożizzjoni tan-nefqa kif ukoll tad-dħul. L-Istati Membri bi spazju fiskali jistgħu jużaw dan biex iżidu t-tkabbir potenzjali u d-domanda domestika, b’mod partikolari permezz ta’ investiment.

    Bl-inflazzjoni bażi mistennija li tibqa’ baxxa, hemm spazju għal tkabbir ogħla mingħajr ma jiġu kkawżati pressjonijiet ta’ inflazzjoni. Barra minn hekk, il-bilanċ estern pożittiv ħafna taż-żona tal-euro jindika li hemm lok għal aktar espansjoni fl-investiment u fil-konsum privat. Spejjeż baxxi għall-finanzjament jagħmluha wkoll vallapena għall-gvernijiet biex il-programmi ta’ investiment permezz ta’ self ġdid, speċjalment fejn l-investimenti pubbliċi huma f’livelli storikament baxxi u hemm ħtiġijiet identifikati.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali tkun xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi fl-2018. Is-sitwazzjoni ekonomika hija mistennija li titjieb aktar, u b’hekk isaħħaħ il-każ għal tnaqqis tad-dejn u jerġgħu jinbnew il-buffers fiskali, speċjalment f’pajjiżi b’dejn kbir. Madankollu, sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji taż-żona tal-euro, l-investiment pubbliku għandu jiġi salvagwardjat u saħansitra anke jiżdied f’xi Stati Membri.

    Tassazzjoni aktar ġusta u aktar effiċjenti u kwalità aħjar tan-nefqa pubblika

    Titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari l-kompożizzjoni tagħhom u l-użu aħjar tal-akkwist pubbliku, huwa essenzjali għat-twettiq ta’ nefqa pubblika li tkun aktar effiċjenti. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika jistgħu jiksbu ffrankar veloċi u sinifikanti tal-ispejjeż. Adattament għal ambjent li qed jinbidel jista’ jitlob trasformazzjoni fundamentali tar-rwol, l-għan, l-organizzazzjoni u t-twassil ta’ servizz. Pakkett dwar l-akkwist pubbliku tal-UE 19 jistabbilixxi prijoritajiet ċari għall-appoġġ ta’ akkwist fil-prattika u jappoġġa l-investiment fl-UE. Huwa jippreżenta mekkaniżmu għal proġetti infrastrutturali kbar u rakkomandazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni ta’ xerrejja pubbliċi. Jeħtieġ li jkun hemm miżuri fis-seħħ li jipprevjenu l-korruzzjoni u l-kollużjoni bejn il-fornituri u jindirizzaw b'mod deċiż l-istanzi ta' akkwist mhux ġust.

    Sistemi effiċjenti u ġusti tat-taxxa huma parti intrinsika minn finanzi pubbliċi sostenibbli. Aktar trasparenza u effiċjenza ogħla jistgħu jgħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja pubblika fis-sistemi tat-taxxa u għal titjib fil-ġbir tat-taxxi. Sistemi tat-taxxa ġusti u favorevoli għat-tkabbir jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar, jinkoraġġixxu l-impjiegi, jappoġġaw l-investiment privat u jtejbu l-ambjent tan-negozju. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi huwa kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ xi kumpaniji multinazzjonali li joperaw bi profitt fis-suq uniku filwaqt li jħallsu ammont sproporzjonatament baxx ta' taxxa. Azzjoni fil-livell tal-UE ewlenija tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri legalment vinkolanti kontra l-abbuż, iż-żieda fit-trasparenza tat-taxxa, u l-inizjattivi dwar ir-riforma tas-sistema tal-VAT u bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK). Il-Kummissjoni nediet ukoll aġenda ġdida għal tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-ekonomija diġitali. Il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, tappella għal approċċ ikkoordinat permezz ta’ inizjattivi tal-UE u politiki nazzjonali.

    Rieżamijiet tal-infiq ambizzjużi, komprensivi u regolari jista’ jkunu strumentali għat-titjib tal-kwalità u l-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika. Rieżamijiet tan-nefqa jgħinu jiksbu jew biex jinżammu politiki fiskali responsabbli u jikkontribwixxu għal kompożizzjoni ta’ baġit aktar favorevoli t-tkabbir billi joffri rieżami kritiku u jidentifika xejriet ta’ nefqa pubblika aktar intelliġenti u modi aktar effettivi għall-infiq tal-flus tal-kontribwenti. Filwaqt li inizjattivi bħal dawn qed isiru aktar mifruxa fl-Istati Membri, hemm lok sinifikanti biex jitjieb il-mod li bih jitwettqu u, aktar importanti minn hekk, l-effett trasformattiv tagħhom fuq in-naħa tal-infiq tal-finanzi pubbliċi.

    Fokus aktar qawwi fuq il-kompożizzjoni u l-effiċjenza tan-nefqa pubblika huwa importanti wkoll biex jinkisbu aħjar il-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE. Pereżempju, l-Istati Membri qablu li jikkoordinaw aħjar l-infiq tagħhom fuq id-difiża, li jippermetti wkoll għal titjib fl-effiċjenza. Is-sistema attwali mifruxa taffettwa l-interoperabbiltà tat-tagħmir tad-difiża. Dan jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ tħejjija tal-forzi armati u biex dawn ma jkunux lesti, kif ukoll għal nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tad-difiża.

    2.Il-passi li jmiss

    L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fil-politiki u strateġiji nazzjonali tagħhom biex jippromwovu t-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali, partikolarment fid-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. Huma għandhom jagħmlu dan filwaqt li jħaffu l-implimentazzjoni tal-aġendi ta’ riforma tagħhom, jagħmlu użu sħiħ minn strumenti politiċi u ta’ finanzjament li huma disponibbli għalihom fil-livell tal-UE.

    Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu stabbilit mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bil-ħsieb li jintlaħaq fehim komuni dwar l-isfidi l-aktar urġenti fir-rapporti għal kull pajjiż li se jsiru dalwaqt u l-identifikazzjoni tal-oqsma għal azzjoni ta’ prijorità fiċ-ċiklu li jmiss ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sħab soċjali u l-parlamenti nazzjonali huma involuti bis-sħiħ fil-proċess ta’ riforma.

    Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro tistabbilixxi l-oqsma speċifiċi għal azzjoni mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, bil-ħsieb li jiġi stabbilit approċċ ikkoordinat u komprensiv għall-iżvilupp ulterjuri taż-żona tal-euro għall-benefiċċju tal-membri kollha tagħha, filwaqt li ġġib magħha benefiċċji għal kull wieħed minnhom u għaż-żona monetarja komuni kollha kemm hi.

    Bit-tħabbir riċenti dwar il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, ġie stabbilit il-bażi għall-konsolidazzjoni tal-approċċ komuni għall-protezzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet soċjali madwar l-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi riflessa fil-miżuri segwiti mill-Istati Membri kollha. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tikkumplimenta dan b’pakkett ta’ miżuri proposti għat-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja, bl-objettiv ikun li tiġi pprovduta bażi solida li fuqha, fil-futur, il-prosperità ta’ l-Ewropa tista’ tiġi żviluppata.

    (1)

    Il-bidla netta fl-impjiegi bejn Q3 2014 u Q2 2017.

    (2)

    ĠU C 484 tal- 24.12.2016. 

    (3)

    COM(2017) 291.

    (4)

    Dokument tal-Kunsill 13129/17.

    (5)

    COM(2017) 2025.

    (6)

    COM(2017) 206, COM(2017) 240, COM(2017) 291, COM(2017) 315, COM(2017) 358.

    (7)

    COM(2017) 770.

    (8)

    COM(2017) 771.

    (9)

    COM(2017) 800.

    (10)

    COM(2017) 677.

    (11)

    COM(2017) 674.

    (12)

    COM(2017) 479.

    (13)

    It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li toħroġ kull sena, tipprovdi data dwar dawn l-elementi sabiex titjieb l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja.

    (14)

    COM(2017) 335.

    (15)

    COM(2017) 487.

    (16)

    F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet it-tisħiħ u l-estensjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sal-2020 (COM(2016) 597)

    (17)

    COM(2017) 673.

    (18)

    COM(2016) 381.

    (19)

    COM(2017) 572.

    Top