Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0523(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi

    ĠU C 170, 23.5.2015, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 170/2


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi

    (2015/C 170/02)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    FILWAQT LI JFAKKAR

    1.

    Fil-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2010-2018) (1) li jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    2.

    Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (2).

    3.

    Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (3).

    4.

    Fil-Pjan ta' Ħidma attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ 2014-2015 (4) li waħda mit-tliet prijoritajiet ewlenin tiegħu hija l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali u dak informali.

    5.

    Fid-dikjarazzjoni li saret mill-Membri tal-Kunsill Ewropew b'segwitu għal-laqgħa informali tagħhom tat-12 ta' Frar 2015 li enfasizzat il-fatt li inizjattivi, fost oħrajn, rigward l-edukazzjoni u l-integrazzjoni soċjali huma ta' importanza kbira fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni (5).

    6.

    Fid-dikjarazzjoni adottata mill-Ministri għall-Edukazzjoni tal-UE waqt il-laqgħa informali tagħhom tas-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi, li fiha huma enfasizzaw l-importanza ta' sforzi għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-emarġinazzjoni, l-intolleranza, ir-razziżmu u r-radikalizzazzjoni u għaż-żamma ta' qafas ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd (6).

    JIEĦU NOTA

    7.

    Tal-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Esperti dwar Sistemi ta' Kwalità għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE (7) kif stabbilit mill-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2014-2015, kif ukoll l-istudju “Working with Young People: the Value of Youth Work in the EU” (8).

    JENFASIZZA

    8.

    L-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex isir kontribut għall-iżvilupp personali, inkluż dak professjonali, il-promozzjoni tal-valuri tal-inklużjoni soċjali, id-diversità kulturali, iċ-ċittadinanza attiva u l-forniment ta' ambjent ta' pari bbażat fuq ir-rispett u t-tolleranza reċiproki.

    9.

    Ir-rwol ewlieni li jista' jkollha l-ħidma fost iż-żgħażagħ, biex tilħaq iż-żgħażagħ kollha li ġejjin minn ambjenti differenti, inklużi żgħażagħ emarġinati u dawk li huma barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ.

    JISSOTTOLINJA

    10.

    L-importanza ta' żvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa kollha u li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE f'dan il-qasam.

    GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'KONT DOVUT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

    11.

    Biex juru impenn kontinwu lejn l-iżvilupp tal-forniment ta' ħidma ta' kwalità u professjonali fost iż-żgħażagħ, inkluż minn persunal imħallas u voluntiera, billi jiġu żviluppati miżuri ta’ appoġġ fil-livelli kollha, inklużi opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ għal dawk fost iż-żgħażagħ.

    12.

    Biex jiżdied l-ambitu tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi tingħata wkoll attenzjoni lill-gruppi ta' żgħażagħ ta' etajiet akbar (ta' 18-il sena u aktar) u ż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM

    13.

    Biex jistabbilixxu qafas flessibbli għat-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattika tajba fir-rigward tal-kwalità fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u jinvolvu ruħhom fihom, speċjalment bil-għan li jintlaħqu ż-żgħażagħ kollha.

    14.

    Biex ikomplu jsaħħu l-“kwalità” fil-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ indikaturi, għodod u sistemi ta' kwalità li jistgħu jintużaw f’forom differenti ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ fis-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri fil-livelli kollha.

    15.

    Biex iżidu r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jipprovdu viżibbiltà mhux biss lill-aspetti kwantitattivi iżda wkoll dawk kwalitattivi u l-impatti tagħha fuq il-ħajja taż-żgħażagħ u l-koeżjoni fis-soċjetà.

    16.

    Biex jikkunsidraw il-kwistjonijiet relatati mal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u dak informali fis-settur taż-żgħażagħ fi kwalunkwe rieżami futur u l-proċessi l-oħra marbutin mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u dak informali u l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

    17.

    B'kont meħud tar-riżultati tal-Grupp ta' Esperti dwar Sistemi ta' Kwalità għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, twettaq studju b’fokus fuq l-iżvilupp ta’ prinċipji bażiċi ta’ kwalità għall-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (u manwal għall-implimentazzjoni). Jekk rilevanti, dan jista’ jservi kemm bħala għodda ta' referenza u ta' gwida għal servizzi u faċilitajiet nazzjonali ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, billi tiġi żgurata t-trasparenza u l-kwalità għaż-żgħażagħ, inklużi dawk f'mobilità.

    18.

    Biex fid-dawl tar-riżultati tal-istudji rilevanti u l-ħidma tal-Grupp ta' Esperti, kif ukoll l-attivitajiet imwettqa f'fora internazzjonali differenti, tikkunsidra li tfassal proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'enfasi fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni taż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza u soċjetà aktar koeżiva.


    (1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (2)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

    (3)  ĠU C 168, 14.6.2013, p. 5.

    (4)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5.

    (5)  Laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern — Brussell, it-12 ta' Frar 2015.

    (6)  Dikjarazzjoni dwar il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-non-diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

    (7)  Ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ. Qafas komuni għal aktar żvilupp tal-ħidma fost taż-żgħażagħ. Rapport mill-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta' Kwalità għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE, 2015.

    (8)  Working with Young People: the Value of Youth Work in the EU. ICF GHK, 2014.


    Top