Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0366

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi

    COM/2015/0366 final

    Brussell, 28.7.2015

    COM(2015) 366 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi

    {SWD(2015) 147 final}


    1. Introduzzjoni

    Ir-Reġjun tal-Alpi huwa żona fost l-aktar sinjura tad-dinja u fost l-aktar żoni dinamiċi, innovattivi u kompetittivi ekonomikament fl-Ewropa b’karatteristiċi ġeografiċi u naturali uniċi. Madankollu, ir-Reġjun qed jiffaċċja wkoll sfidi importanti li jeħtieġu rispons konġunt:

    il-globalizzazzjoni ekonomika li tirrikjedi lit-territorju biex jiddistingwi ruħu bħala kompetittiv u innovattiv;

    ix-xejriet demografiċi, ikkaratterizzati b’mod partikolari mill-effetti magħquda flimkien ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, densità baxxa tal-popolazzjoni f’żoni muntanjużi u mudelli ta’ migrazzjoni ġodda;

    vulnerabbiltà kbira għat-tibdil fil-klima u l-effetti prevedibbli tiegħu fuq l-ambjent, il-bijodiversità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-abitanti tiegħu;

    l-isfida tal-enerġija fl-immaniġġjar u s-sodisfar tad-domanda b’mod sostenibbli, b’sigurtà u bi prezzijiet raġonevoli;

    il-pożizzjoni ġeografika speċifika tiegħu fl-Ewropa, bħala reġjun ta’ tranżitu;

    grad għoli ta' staġjonalità, speċjalment f’xi żoni turistiċi.

    Għad hemm ukoll differenzi sinifikanti bejn żoni differenti fir-reġjun (pereżempju bejn iż-żoni muntanjużi u l-prealpi).

    Il-Kunsill Ewropew tad-19/20 ta’ Diċembru 2013 stieden lill-Kummissjoni biex, b’ħidma mal-Istati Membri, tfassal Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP) sa Ġunju 2015, li tibni fuq il-bażi solida ta’ kooperazzjoni fir-Reġjun. L-Istrateġija se taffettwa madwar 80 miljun ruħ li jgħixu fi 48 reġjun (mappa fl-Anness) f’seba’ pajjiżi, li ħamsa minnhom huma Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, u s-Slovenja) u żewġ pajjiżi mhux tal-UE (il-Liechtenstein u l-Iżvizzera). Iż-żona ġeografika proposta koperta mill-istrateġija makroreġjonali hija partikolarment adatta għall-iżvilupp sostenibbli tar-Reġjun tal-Alpi, il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku madwar l-Ewropa u s-solidarjetà reċiproka bejn it-territorji muntanjużi u perialpini.

    L-Istrateġija se tkopri dawn l-oqsma tematiċi ta' politika: (1) it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni; (2) il-mobbiltà u l-konnettività; u (3) l-ambjent u l-enerġija.

    L-Istrateġija se tibbenefika mir- rwol attiv tar-reġjuni tal-Alpi appoġġati mill-Istati Membri u mill-esperjenza minn għadd kbir ta' strutturi ta' kooperazzjoni li diġà joperaw fiż-żona u se tibni fuq ix-xogħol li sar qabel ma l-Kummissjoni bdiet taħdem fuq it-tfassil tal-Istrateġija 1 .

    2. Sfidi u opportunitajiet

    Ix-xogħol preparatorju stabbilit hawn fuq għen biex jiġu identifikati sfidi serji fejn ikun utli rispons makroreġjonali. L-imsieħba fl-Istrateġija jistgħu jibnu fuq l-opportunitajiet ipprovduti mid-dinamiżmu ekonomiku u l-kompetittività tar-Reġjun, il-valur għoli tar-riżorsi naturali u kulturali tiegħu, u t-tradizzjoni twila ta’ kooperazzjoni tiegħu.

    Innovazzjoni u SMEs: Ir-Reġjun jiffaċċja xi limitazzjonijiet relatati ma’:

    kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni interalpina;

    użu ta' riżultati eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni (R&I);

    swieq lokali spazjalment frammentati;

    inugwaljanzi soċjali fl-innovazzjoni;

    opportunitajiet ta' finanzjament;

    teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u servizzi ta’ interess ġenerali;

    migrazzjoni qawwija miż-żoni rurali minħabba nuqqas ta’ disponibbiltà tal-infrastruttura; u

    kapitalizzazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka applikata.

     

    Madankollu, ir-Reġjun għandu wkoll atturi prinċipali globali fil-qasam tar-R&I, u joffri potenzjal qawwi għal aktar żvilupp globali. Hemm konċentrazzjonijiet notevoli ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) f’partijiet differenti tar-Reġjun, u ħafna minnhom huma organizzati fi gruppi, u jibnu fuq ekonomija territorjali li toffri bażi soda għall-innovazzjoni bbażata fuq strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u tippermetti lill-kumpaniji jsiru aktar kompetittivi f’oqsma ta’ rilevanza partikolari għar-Reġjun (bħalma huma l-enerġija u t-teknoloġiji ekoloġiċi, il-mekatronika u l-inġinerija; il-kimika u l-materjali ġodda, u l-ICT).

    Agrikoltura u foresterija. Prodotti, inkluż prodotti tal-muntanji u prodotti ta' kwalità, u s-servizzi bbażati fuq l-agrikoltura u l-forestrija joffru potenzjal sinifikanti (eż. għall-bijoekonomija) tul il-katina kollha tal-valur (inkluż pereżempju l-farmaċewtiċi u s-settur tal-bini bl-injam). Jekk nimxu iktar ’il fuq fil-katina tal-valur insibu opportunitajiet għal partijiet rurali u urbani tar-Reġjun biex jaħdmu flimkien. Il-bdiewa jikkontribwixxu għall-immaniġġjar sostenibbli tal-art u jipprovdu għal “servizzi tal-ekosistemi”.

    Turiżmu: Ir-Reġjun huwa destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu, speċjalment fix-xitwa, iżda t-turisti huma mifruxa b’mod mhux uniformi fir-Reġjun. Dan jista’ jittejjeb permezz ta’ approċċ ikkonċertat għal turiżmu sostenibbli u aċċessibbli, li jinvolvi b’mod partikolari R&I, SMEs u taħriġ lill-forza tax-xogħol. Dan jista’ jgħin biex itejjeb id-distribuzzjoni ġeografika u staġjonali tas-suq tat-turiżmu fir-Reġjun, filwaqt li joħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi.

    Trasport u konnettività: Ir-Reġjun jinsab f’salib it-toroq tal-Ewropa u huwa żona ta’ tranżitu, ostaklu għan-Netwerk tat-Trasport Ewropew. Diversi kurituri tan-netwerk ta' toroq huma qrib is-saturazzjoni, u jikkawżaw problemi serji ta' saħħa (storbju u tniġġis tal-arja). Sfidi ewlenin jinkludu:

    iż-żieda fil-volumi tat-traffiku;

    in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni armonizzata tal-politiki tat-trasport għat-trasport tal-merkanzija; u

    il-proporzjon kbir ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq.

    Barra minn hekk, peress li l-kwalità tal-arja hija ħażina f’ħafna żoni, ikun utli li l-miżuri ta’ trasport reġjonali jsiru konformi ma' pjanijiet ta’ mobbiltà reġjonali sostenibbli, pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja reġjonali u programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja sabiex titjieb il-koerenza bejniethom u jiżdiedu s-sinerġiji. L-aċċessibbiltà ta’ żoni remoti u fejn qed tonqos il-popolazzjoni hija wkoll sfida f’ħafna żoni fejn it-trasport pubbliku (b’mod partikolari l-ferroviji lokali) jeħtieġ li jiġi mmodernizzat. Jeħtieġ jintlaħaq bilanċ bejn il-konnettività u l-użu prudenti tal-art. Il-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' proġetti dwar it-trasport sostenibbli jistgħu joħolqu rabtiet bejn il-qalba taż-żona tal-Alpi u r-reġjuni ta’ madwarha, għall-benefiċċju tat-tnejn li huma. Il-konnettività elettronika (speċjalment bl-internet b’veloċità għolja) fuq skala makroreġjonali tiftaħ ukoll opportunitajiet teknoloġiċi ġodda għall-iżvilupp tas-servizzi u d-deċentralizzazzjoni tan-negozji.

    Ambjent u wirt kulturali: L-Alpi huma t-tieni l-akbar riżerva tal-bijodiversità fl-Ewropa wara l-Baħar Mediterran u wieħed mill-aktar torrijiet tal-ilma importanti tal-Ewropa. Il-wirt kulturali u storiku tar-Reġjun huwa wkoll wieħed mill-assi sodi tiegħu. Dawn ir-riżorsi huma użati ħafna u hemm kompetizzjoni qawwija għall-art u l-ilma għal diversi skopijiet, fosthom l-enerġija, id-djar, it-turiżmu, l-agrikoltura, il-forestrija u l-industrija. Dan bla dubju jirrappreżenta sfida fit-tiftixa għal xejriet ta’ żvilupp sostenibbli u jista’ jkollu effett fuq l-ekosistemi. L-użu intensiv tal-art għandu impatt negattiv fuq l-ambjent u t-tnaqqis fil-popolazzjoni f’żoni remoti ħalla effetti drammatiċi fuq l-istabbiltà tal-ħamrija, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-kultura. Fid-dawl tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riżervi tal-ilma taż-żona tal-Alpi, hemm bżonn li jiżdiedu b’mod konsiderevoli l-attivitajiet f’dan il-qasam.

    Tibdil fil-klima u prevenzjoni tar-riskju: Ir-reġjun huwa vulnerabbli ħafna għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, u qed jiffaċċja riskju partikolarment għoli ta’ għargħar, ta’ uqigħ tal-art u bidliet fir-riżorsi tal-ilma. It-turiżmu, l-agrikoltura u l-forestrija huma fost l-aktar setturi vulnerabbli, affettwati direttament mit-tisħin globali u avvenimenti estremi tat-temp. Koordinazzjoni aħjar ta’ politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali u implimentazzjoni bikrija ta’ azzjonijiet ikkoordinati f'livell makroreġjonali, jistgħu jnaqqsu dawn ir-riskji.

    Enerġija: L-iskemi ta’ appoġġ u l-politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali dwar l-ostakoli mhux finanzjarji għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika huma differenti minn pajjiż għal ieħor u jeħtieġ li jiġu allinjati aħjar. L-effiċjenza ta’ impjanti idroelettriċi eżistenti tista’ tiżdied, u jistgħu jiġu kkunsidrati sorsi oħra ta’ enerġija rinnovabbli. L-effiċjenza enerġetika toffri opportunitajiet għal investimenti fit-teknoloġija u l-konsulenza/l-inġinerija f'servizzi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jgħinu lir-Reġjun jiżviluppa pożizzjoni ta’ tmexxija fl-R&D u riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli mmexxija miż-żieda fil-miżuri għall-protezzjoni tal-klima biex tiġi appoġġata bidla lejn teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju. Aktar kooperazzjoni tista' tgħin biex ikunu żviluppati opportunitajiet futuri għar-Reġjun bħala spazju ta’ ħażna għall-perjodi meta jkun hemm domanda qawwija ta' enerġija, kif ukoll biex jiġu żviluppati strumenti u proċeduri biex iżommu bilanċ bejn l-interessi ta’ produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli u użu ieħor tal-art u funzjonijiet ta’ protezzjoni.

    Kwistjonijiet istituzzjonali: It-tradizzjoni twila ta’ kooperazzjoni tirriżulta wkoll f’għadd kbir ta’ strutturi li joperaw fiż-żona bi skopijiet tematiċi u ġeografiċi differenti u sistemi differenti ta’ governanza. Għalhekk ikun utli li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-atturi involuti, biex tkun żgurata l-konsistenza bejn inizjattivi eżistenti, jimtlew il-lakuni, u tiġi evita d-duplikazzjoni u jiġu allinjati l-fondi, inklużi l-istrumenti finanzjarji. Dan l-approċċ għandu jinkoraġġixxi lill-parteċipanti biex jegħlbu l-fruntieri nazzjonali u l-ostakoli settorjali u kulturali, u tonqos il-kumpartimentalizzazzjoni bejn politiki settorjali, atturi differenti u livelli differenti ta’ gvern.

    3. Rispons: Pjan ta’ Azzjoni

    L-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi u l-opportunitajiet billi jipprovdu qafas għal azzjonijiet kollettivi jew ikkombinati, u jgħaqqdu flimkien l-azzjonijiet u l-atturi reġjonali biex jipprovdu valur miżjud ogħla. Fir-rapport tagħha dwar il-valur miżjud ta’ strateġiji makroreġjonali, 2 il-Kummissjoni rrakkomandat li strateġiji makroreġjonali ġodda jikkonċentraw fuq għadd limitat ta’ objettivi definiti b'mod ċar, f'konformità mal-bżonnijiet strateġiċi makroreġjonali partikolari għal kooperazzjoni mtejba u ta’ livell għoli. Huwa approċċ li għandu jintuża biss meta l-involviment tal-UE jkun adegwat, u l-politiki trasversali eżistenti tal-UE jkunu jistgħu jiġi msaħħa.

    Pjan ta’ azzjoni rikorrenti li jakkumpanja l-Komunikazzjoni (soġġett għal aġġornamenti u reviżjonijiet kif adegwat) se jiġi implimentat biex jagħmel dan. Il-pjan huwa mibni madwar tliet objettivi tematiċi interdipendenti li jiffukaw fuq il-provvediment ta':

    1.    aċċess ġust għal opportunitajiet ta’ xogħol, abbażi tal-kompetittività għolja tar-Reġjun;

    2.    aċċessibbiltà interna u esterna sostenibbli

    3.    qafas ambjentali aktar inklużiv u soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u affidabbli għall-ġejjieni.

    U objettiv trasversali, il-bini ta':

    4.    mudell ta’ governanza makroreġjonali soda biex ir-Reġjun itejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjoni.

    Fi ħdan kull objettiv, ġew identifikati għadd ta’ azzjonijiet. Dawn jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-UE, inklużi dawk b’dimensjoni territorjali.

    L-objettivi u l-azzjonijiet għal kull qasam ta’ politika huma stipulati hawn taħt 3 .

    3.1. Aċċess ġust għal opportunitajiet ta’ xogħol, abbażi tal-kompetittività għolja tar-Reġjun;

    Dan l-objettiv jiffoka fuq it-titjib tal-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni tar-Reġjun tal-Alpi.

    L-azzjonijiet ewlenin huma:

    (1) Azzjoni 1: L-iżvilupp ta' ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni effettiva

    Xi Stati u Reġjuni fiż-żona juru livelli għoljin ta’ innovazzjoni fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u ħafna minnhom żviluppaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dan joffri punt ta’ tluq tajjeb għall-iżvilupp ta’ sistema li tiffoka fuq kwistjonijiet tematiċi ta’ rilevanza partikolari għar-Reġjun (bħall-agrikoltura, il-forestrija, it-turiżmu, eċċ.) u torbot assi komplementari flimkien.

    (2) Azzjoni 2: Iż-żieda fil-potenzjal ekonomiku ta’ setturi strateġiċi

    L-SMEs huma parti importanti tal-ekonomija u s-suq tax-xogħol fir-Reġjun tal-Alpi. Hija meħtieġa ħidma kontinwa biex dawn jadattaw għall-kondizzjonijiet ta’ qafas dejjem jinbidlu, iżommu l-innovazzjoni u jippreservaw vantaġġ kompetittiv billi jiżguraw żvilupp sostenibbli. Il-prodotti bbażati fuq is-settur tal-agrikoltura u tal-forestrija u servizzi tul il-katina tal-valur sħiħa u l-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda fil-bijoekonomija u prodotti b’bażi bijoloġika, it-turiżmu, l-enerġija, is-settur tas-saħħa u s-settur tat-teknoloġija għolja huma setturi strateġiċi speċifiċi tal-Alpi fejn l-SMEs jistgħu jsiru aktar kompetittivi u sostenibbli.

    (3) Azzjoni 3: It-titjib tal-adegwatezza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol f’setturi strateġiċi

    Meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa, ir-Reġjun tal-Alpi għandu pożizzjoni favorevoli fis-suq tax-xogħol, b’rati għolja ta' impjieg f’ħafna oqsma. Madankollu, l-Istrateġija tista’ tgħin partijiet kbar tar-Reġjun biex itejbu l-aċċess tagħhom għal ħaddiema kwalifikati bil-kompetenzi t-tajba, u biex ilaħħqu mal-“eżodu ta’ mħuħ” f’żoni remoti li jsofru minn depopolazzjoni. L-Istrateġija tista’ wkoll tgħin liż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol. Dawn il-benefiċċji jiddependu fuq ir-rispett tal-moviment liberu tal-persuni.

    3.2. Aċċessibbiltà interna u esterna sostenibbli

    Dan l-objettiv għandu l-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà tal-konnettività tat-trasport fir-Reġjun u mal-bqija tal-Ewropa. Huma meħtieġa netwerks tat-trasport u tal-broadband interkonnessi u sostenibbli biex jiġi żviluppat ir-Reġjun. Kooperazzjoni aħjar tista' tnaqqas il-konġestjoni, u tiżviluppa netwerks tal-infrastruttura u oqfsa regolatorji. Il-monitoraġġ koordinat tat-traffiku u t-trasport multimodali jista' jżid il-kompetittività u jtejjeb il-benesseri tan-nies f’din iż-żona.

    L-azzjonijiet ewlenin huma:

    (1) Azzjoni 4: Il-promozzjoni tal-intermodalità u l-interoperabilità fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija

    L-objettiv ewlieni li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport fl-Alpi jrid iseħħ flimkien ma’ konnettività tajba fil-livell lokali, biex tiġi żgurata ekonomija bbilanċjata u żvilupp demografiku tar-Reġjun kollu. Barra minn hekk biex tiġi ffaċilita l-kisba tal-objettivi tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u dawk ta’ proġetti simili għat-trasferiment tat-traffiku mit-triq għal-linja ferrovjarja, huma miżuri kumplimentarji kruċjali biex jiżguraw li rabtiet man-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (inkluż dawk transkonfinali) ikunu ta' benefiċċju wkoll għar-Reġjun.

    (2) Azzjoni 5: Il-konnessjoni elettronika bejn in-nies u l-promozzjoni tal-aċċessibilità għas-servizzi pubbliċi

    Ir-reġjun tal-Alpi huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ komunitajiet b’popolazzjoni baxxa f’żoni remoti, fejn in-nuqqas ta’ investiment f’konnessjonijiet broadband terrestri kellu effett detrimentali fuq is-servizzi offruti u wassal għal aktar tnaqqis tal-popolazzjoni ta’ dawn iż-żoni. It-teknoloġija toffri soluzzjonijiet, bħal pereżempju konnessjonijiet broadband bis-satellita. Madankollu, biex dawn ikunu effiċjenti, iridu jiġu implimentati fuq skala kbira biżżejjed.

    3.3. Qafas ambjentali aktar inklużiv u soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u affidabbli għall-ġejjieni

    Dan l-objettiv għandu l-għan ġenerali li:

    jippreserva l-wirt ambjentali tal-Alpi;

    jgħin lir-Reġjun jibbenefika mir-riżorsi tiegħu b’diversi modi, inkluż l-enerġija; u

    ilaħħaq mal-bidliet previsti minħabba t-tibdil fil-klima, inkluż il-prevenzjoni ta' riskji naturali maġġuri.

    L-azzjonijiet ewlenin huma:

    (1) Azzjoni 6: Il-preżervazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżorsi naturali, inkluż l-ilma u r-riżorsi kulturali

    L-ambjent tar-Reġjun tal-Alpi huwa estremament vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Ir-riżorsi jridu jintużaw b’mod proporzjonali. Din l-azzjoni għandha żewġ għanijiet prinċipali:

    li ssaħħaħ ir-riżorsi naturali u kulturali tal-Alpi bħala assi għal kwalità għolja tal-ħajja fiż-żona; u

    li tiżgura użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali u kulturali eżistenti.

    (2) Azzjoni 7: L-iżvilupp tal-konnettività ekoloġika fit-territorju tal-EUSALP kollu

    L-integrità u l-funzjonament tal-ekosistemi, inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-għoti ta’ servizzi tal-ekosistemi, fil-biċċa l-kbira jiddependu fuq l-eżistenza ta’ sistemi effettivi ta’ konnettività ekoloġika. Attwalment ftit li xejn hemm promozzjoni ta’ kurituri ekoloġiċi u infrastruttura ekoloġika, inkluż f’żoni mhux protetti.

    (3) Azzjoni 8: It-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u ġestjoni aħjar tat-tibdil fil-klima, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji naturali maġġuri

    Minħabba l-konformazzjoni ġeomorfoloġika tiegħu r-Reġjun tal-Alpi huwa estremament vulnerabbli għal diżastri ambjentali u għat-tibdil fil-klima. Fir-rigward ta’ diżastri ambjentali, din l-azzjoni se tiffoka fuq it-twettiq ta' valutazzjoni tar-riskju komprensiva adegwata u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fil-livell reġjonali. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, se ssir enfasi partikolari fuq it-twettiq ta’ valutazzjoni komprensiva tal-vulnerabbiltà tas-setturi u s-sistemi li x’aktarx jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta’ strateġija reġjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.

    (4) Azzjoni 9: Reġjun-mudell għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli

    Din l-azzjoni tiffoka fuq il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fir-Reġjun tal-Alpi, skont il-qafas tal-effiċjenza enerġetika tal-UE u l-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija. Il-politika tal-enerġija fir-Reġjun tiffoka fuq l-effiċjenza enerġetika fis-setturi pubbliċi u privati. Jista’ jinkiseb tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija, b’mod partikolari fis-settur tal-abitazzjoni. Ir-Reġjun tal-Alpi għandu ħafna potenzjal għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli li għandu jiġi żviluppat b’mod bilanċjat, billi jitqiesu kwistjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u tal-użu tal-art filwaqt li jitqiesu kompromessi soċjetali.

    3.4. Mudell ta’ governanza makroreġjonali soda fir-Reġjun (biex jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjoni)

    L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tirrikjedi:

    l-istabbiliment ta’ mudell ta’ governanza effiċjenti li jinvolvi l-atturi li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost istituzzjonijiet rilevanti oħra u partijiet ikkonċernati 4 fir-Reġjun; u,

    bidla fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, billi tiġi evitata governanza frammentata, jiżdied il-qsim tal-għarfien u tal-koordinazzjoni, kemm bejn livelli differenti ta’ gvern u f’organizzazzjonijiet tal-gvern lokali fl-istess livell.

    L-esperjenza s'issa bl-istrateġiji makroreġjonali eżistenti turi li mekkaniżmi ta’ governanza tajba u stabbli huma kruċjali għal implimentazzjoni effettiva. L-esperjenza turi wkoll li sistemi ta’ governanza transkonfinali effiċjenti huma kumplessi u li l-proċess biex dawn jiġu stabbiliti huwa inevitabbilment gradwali. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-governanza ta’ Mejju 2014 5 jidentifika tliet rekwiżiti ewlenin: tmexxija politika b’saħħitha, teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod effettiv u organizzazzjoni tajba.

    Governanza tajba teħtieġ ukoll li r-rwoli jiġu definiti b’mod ċar fi stadju bikri: kif u minn min se tiġi implimentata l-Istrateġija, u kif u minn min se jinbdew u jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet konġunti. Il-governanza għandu jkollha kemm dimensjoni politika kif ukoll operazzjonali, bil-ministeri kkonċernati u l-korpi ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u jsegwu l-għanijiet strateġiċi konġunti. L-Istrateġija m'għandhiex l-għan li tieħu post l-istrutturi eżistenti, iżda li tiżgura li koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar iwasslu għal riżultati aħjar.

    Il-bażi tas-sistema ta’ governanza tal-Istrateġija hija stabbilita fid-Dikjarazzjoni ta' Milan tal-Istati u r-Reġjuni tal-Alpi, f’konformità mar-Riżoluzzjoni Politika ta’ Grenoble, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali 6 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2014. Għandha tliet livelli inter-relatati: (1) it-tmexxija u r-responsabbilta' politika; (2) il-koordinazzjoni; u (3) l-implimentazzjoni. F’kull livell, atturi differenti mill-Istati u r-Reġjuni parteċipanti jieħdu sehem f’Assemblea Ġenerali, Bord Eżekuttiv u korpi ta’ implimentazzjoni.

    Il-Kummissjoni se taġixxi bħala faċilitatur indipendenti, u se tipparteċipa b’mod attiv fil-koordinazzjoni ġenerali tal-Istrateġija, iżda s-suċċess tal-Istrateġija se jiddependi fuq impenn qawwi u fit-tul mill-partijiet ikkonċernati u l-imsieħba ewlenin. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija jipprovdi aktar dettalji dwar il-prinċipji ta' gwida tal-arranġamenti ta’ governanza tal-Istrateġija.

    4. FINANZJAMENT

    Peress li l-istrateġija m’għandhiex il-finanzjament proprju tagħha, se tkun prinċipalment implimentata bil-mobilizzazzjoni u l-allinjament ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali eżistenti rilevanti għall-objettivi u l-azzjonijiet. L-Istati u r-Reġjuni affettwati mill-Istrateġija għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu użu minn dan il-finanzjament sabiex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. B’mod partikolari, programmi speċifiċi għall-pajjiż, programmi transkonfinali u transnazzjonali mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) għall-2014-2020 jistgħu jipprovdu riżorsi sinifikanti u firxa wiesgħa ta’ għodod u għażliet tekniċi li jappoġġaw l-Istrateġija. Il-programm transnazzjonali tal-Ispazju tal-Alpi se jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ governanza għall-Istrateġija

    B’approċċ tal-politika ta’ koeżjoni bbażat fuq il-pajjiż u fuq ir-reġjun, hemm riskju li fiż-żoni tal-fruntiera naraw:

    1)frammentazzjoni tal-isforzi (eż. partijiet tal-infrastruttura huma mibnija iżda ma jġibux benefiċċji massimi minħabba li taqsimiet oħra ma jkunux preżenti);

    2)saturazzjoni tal-investiment (eż. ajruporti);

    3)nuqqas ta’ sinerġiji bejn attivitajiet simili; u

    4)nuqqas ta’ attenzjoni fuq il-problemi transkonfinali (eż. it-tniġġis tal-arja).

    Għalhekk, l-Istrateġija għandha tiffoka fuq azzjonijiet biex jiġu identifikati l-prijoritajiet supranazzjonali meta jintgħażlu l-proġetti ta’ investiment li jistgħu jibbenefikaw minn programmazzjoni konġunta u koordinazzjoni transkonfinali fir-Reġjun.

    Fondi u strumenti oħra tal-UE rilevanti għall-objettivi tal-Istrateġija huma disponibbli u sinerġiji u komplementarjetajiet mal-ESIF jistgħu jiġu mfittxija, b’mod partikolari:

    Orizzont 2020 (għall-objettivi kollha);

    il-programm COSME (għall-objettiv 1);

    il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (għall-objettiv 2) u

    il-programm LIFE (għall-objettiv 3);

    Fondi oħra huma disponibbli wkoll, b’mod partikolari mill-Fond Ewropew minn Investimenti Strateġiċi, il-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk, se jiġu mobilizzati wkoll riżorsi baġitarji nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari f’pajjiżi mhux tal-UE koperti mill-Istrateġija, peress li ma jirċevux finanzjament mill-UE.

    Dawn il-fondi u l-istrumenti għandhom joħolqu ingranaġġ sinifikanti u jattiraw finanzjament minn investituri privati. L-istrateġija għandha bżonn ukoll li tisfrutta x-xogħol li sar permezz ta’ strateġiji makroreġjonali oħra għal finanzjament innovattiv.

    5. RAPPURTAR U EVALWAZZJONI

    Peress li l-istrateġiji m’għandhomx il-finanzjament tagħhom stess, jistgħu biss jinfluwenzaw il-politiki u l-mod kif dawn jiġu implimentati. Sabiex jirriflettu l-effetti tal-bidliet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, jistgħu jiġu użati żewġ tipi ta’ indikaturi:

       indikaturi tar-riżultati li jkejlu l-kooperazzjoni u, partikolarment, il-bidliet fil-mod kif l-imsieħba jaħdmu flimkien, eż. koordinazzjoni aħjar tal-politiki/strumenti nazzjonali u tal-UE fir-Reġjun kollu;

       indikaturi ta’ politika biex jiġu identifikati aspetti ta' politika u, b’mod partikolari, bidliet fil-governanza, fis-sitwazzjoni soċjoekonomika u dik ambjentali fir-Reġjun tal-Alpi (affettwati minn kooperazzjoni akbar).

    Sistema b’saħħitha ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni se jkunu meħtieġa biex jiġi verifikat jekk l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tinsabx fit-triq it-tajba, u biex jiġi evalwat sa liema punt l-Istrateġija qed twettaq l-objettivi tagħha. Dan se jkun wieħed mill-ewwel kompiti għall-imsieħba fl-Istrateġija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, esperti esterni u l-programm tal-Ispazju tal-Alpi, kif adegwat. Is-sistema se tkun ibbażata fuq sett ta’ indikaturi reġjonali, li se jinġabru, jiġu vvalidati u mqassma mill-Eurostat.

    L-evalwazzjoni se tkun ibbażata fuq il-ħidma tal-koordinaturi tal-objettivi u l-mexxejja tal-grupp ta’ azzjoni, li se jkollhom jirrapportaw dwar il-progress lejn il-miri li kien hemm qbil dwarhom.

    Filwaqt li l-indikatur ewlieni tas-suċċess hija l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni, għandhom jiġu żviluppati wkoll indikaturi rfinati b'mod urġenti. Dawn għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw il-bidliet li l-Istrateġija hija mistennija twassal.

    L-Istati u r-Reġjuni affettwati mill-Istrateġija se jorganizzaw forum annwali biex jevalwa r-riżultati, jikkonsulta fuq azzjonijiet riveduti u, fejn adegwat, jiżviluppa approċċi ġodda.

    6. RABTIET MA' POLITIKI TAL-UE

    Mingħajr ma teħtieġ l-ebda bidla fil-leġislazzjoni tal-UE, din l-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-politiki tal-UE li huma rilevanti għar-Reġjun 7 . Tappoġġa wkoll aktar konformità mal-obbligi legali tal-UE, tindirizza l-lakuni u diffikultajiet prattiċi li jwasslu għal dewmien, speċjalment fir-rigward tas-Suq Uniku u l-ambjent 8 . L-Istrateġija tenfasizza approċċ integrat, billi ġġib flimkien oqsma ta' politika differenti għal implimentazzjoni koerenti fit-territorju tal-politiki tal-UE. Dan jenfasizza r-rabtiet bejn il-politiki u l-programmi tal-UE, inkluż l-istrateġiji tal-UE dwar is-Suq Uniku Diġitali, 9 il-bijodiversità 10 u l-forestrija 11 , u l-adattament għat-tibdil fil-klima 12 u l-programmi qafas tal-UE għall-R&D u l-programmi ta’ żvilupp rurali. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija trid tkun koordinata mal-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju. Il-programm INTERACT jista’ jkollu rwol ċentrali f’dan ir-rigward. Ser jiġu mfittxija wkoll sinerġiji ma’ korpi intergovernattivi oħra li għandhom l-istess firxa ġeografika u kamp ta’ applikazzjoni bħall-Istrateġija.

    7. X'SE ĠĠIB L-ISTRATEĠIJA LILL-POPOLAZZJONI?

    L-objettivi tal-Istrateġija kienu ntgħażlu biex iwasslu bidliet fil-prosperità ekonomika u l-benesseri tal-persuni u l-organizzazzjonijiet fir-Reġjun tal-Alpi:

    In-nies. L-impatt fuq terminu twil fuq in-nies tar-Reġjun huwa ċar: qafas ambjentali aktar b’saħħtu u ippreservat aħjar, bis-saħħa ta' politika maħsuba aħajr, aktar politiki koordinati li għandhom l-għan jiżviluppaw soluzzjonijiet konġunti sostenibbli dwar it-trasport, l-enerġija u l-wirt naturali u kulturali. Dawn il-politiki huma mistennija wkoll li jipprovdu aktar opportunitajiet ta’ impjieg fir-Reġjun, speċjalment dawk relatati ma’ konnessjonijiet ta’ trasport aħjar, billi jippermettu lin-nies jibqgħu jew jirritornaw lejn żoni remoti. Dawn il-vantaġġi jirriżultaw mill-benefiċċji tal-moviment liberu tal-persuni.

    L-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku (inklużi istituzzjonijiet akkademiċi/ta’ riċerka).   Dawn l-organizzazzjonijiet huma involuti fi proċess ta’ kooperazzjoni b’saħħtu, għalkemm kumpless. Permezz ta’ dan, huma qed jindikaw b’mod ċar l-intenzjoni li jtejbu l-effiċjenza tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ politiki u azzjonijiet b’mod aktar kooperattiv (inkluż l-iffrankar tal-flus billi jieħdu deċiżjonijiet infurmati u koordinati aħjar).

    Is-settur ekonomiku/kummerċjali. Dan is-settur se jgawdi l-istess benefiċċji bħall-popolazzjoni ġenerali. Se jibbenefika wkoll minn ambjent ekonomiku aktar dinamiku, ibbażat fuq l-iżvilupp ta’ aktar attivitajiet f’oqsma li għadhom mhux sfruttati, u fejn koperazzjoni ffukata ma’ sħab oħra fir-Reġjun (ċentri ta’ riċerka assoċjati, korpi ta’ taħriġ u edukazzjoni, clusters, eċċ) x’aktarx li żżid b’mod sinifikanti l-produttività u l-pożizzjonament ta' negozji tas-settur privat fir-Reġjun.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili marbuta ma’ oqsma ta’ politika. Il-mudell il-ġdid ta' governanza, li wassal għal konsultazzjoni wiesgħa meta kienet qed titfassal l-istrateġija, se jitkompla fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija u se jżid is-sens ta’ sjieda tal-azzjonijiet u l-proġetti li jappoġġjaw l-objettivi tal-Istrateġija.

    Billi tipprovdi qafas ġenerali, sostenibbli u fit-tul għall-koordinazzjoni tal-politiki, iżżid il-kooperazzjoni territorjali u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma, l-Istrateġija se tgħin lir-Reġjun isir post aħjar fejn wieħed jgħix, jaħdem u jgawdi, u se tippreparah jiffaċċja l-isfidi u l-opportunitajiet tas-seklu 21.

    Għaldaqstant il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova din il-Komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma mistiedna jeżaminaw dan id-dokument.



    (1)

    Ara l-introduzzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

    (2)

    COM(2013)468 finali tas-27.6.2013.

    (3)

    L-azzjonijiet u l-objettivi huma stipulati f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah.

    (4)

    Ara PE — Dipartiment tal-Politika B: Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni: rwol ġdid ta' makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea PE 540.349 (Jannar 2015).

    (5)

    Rapport mill-Kummissjoni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali, COM(2014)284 finali tal-20 ta’ Mejju 2014.

    (6)

    COM 2014/284 finali, adottata fl-20 ta' Mejju 2014.

    (7)

    Bħall-politika għall-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri tal-UE, in-netwerks trans-Ewropej (trasport u enerġija), il-Komunitajiet tat-Trasport futuri, it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni eċċ.

    (8)

    B’mod partikolari l-Għasafar u l-Ħabitats, il-Qafas tal-Ilma, il-Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar, in-Nitrati, il-Kwalità tal-Arja, il-Livelli Nazzjonali massimi tal-Emissjonijiet u d-Direttivi Qafas dwar l-Iskart.

    (9)

      http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4919_en.htm . .

    (10)

    COM(2011) 244 (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52011DC0244&from=EN).

    (11)

    COM(2013) 659 (http://ec.europa.eu/agriculture/forest/strategy/index_en.htm).

    (12)

    COM(2013) 216.

    Top