This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0313
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the implementation by the Member States of Framework Decision 2009/948/JHA of 30 November 2009 on prevention and settlement of conflicts of exercise of jurisdiction in criminal proceedings
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/GAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjonai fi proċedimenti kriminali
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/GAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjonai fi proċedimenti kriminali
/* COM/2014/0313 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/GAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjonai fi proċedimenti kriminali /* COM/2014/0313 final */
WERREJ Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri
tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/JHA tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar
il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju
ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali 1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 3 1.1........ L-għan u l-kamp ta’
applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas............................................... 3 1.2........ Salvagwardji tad-drittijiet
fundamentali...................................................................... 4 1.3........ Elemnti ewlenin
tad-Deċiżjoni Qafas........................................................................... 4 1.4........ Is-sitwazzjoni attwali
tat-traspożizzjoni u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni 5 2........... Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni
mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas................ 5 2.1........ Evalwazzjoni preliminari
tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni riċevuti..................................... 5 2.2........ Evalwazzjoni ta’ ċerti
dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas.......................... 6 2.2.1..... Awtoritajiet kompetenti................................................................................................ 6 2.2.2..... Ir-reġim tal-lingwa........................................................................................................ 6 2.2.3..... Skambju ta' informazzjoni fuq
il-każ............................................................................ 7 2.2.4..... Proċedura għal konsultazzjonijiet
diretti u li jitlaħaq kunsens...................................... 9 2.2.4.1.. Proċedura għal
konsultazzjonijiet diretti...................................................................... 9 2.2.4.2.. Ir-riżultat ta’
konsultazzjonijiet diretti u li jintlaħaq kunsens skont l-Artikolu 10
u 11 10 3........... Konklużjoni................................................................................................................ 11
1.
Introduzzjoni
1.1.
L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Deċiżjoni Qafas
F’żona ġenwina ta’ ġustizzja
bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, iċ-ċittadini
jistgħu b’mod leġittimu jistennew sikurezza u sigurtà u li jiġu
protetti kontra l-kriminalità fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li fl-istess
ħin jkollhom fiduċja li d-drittijiet fundamentali tagħhom ikunu
rrispettati meta jsibu ruħhom involuti fi proċedimenti kriminali
bħala konvenuti. L-Unjoni Ewropea stabbiliet diversi għodod
għall-ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transkonfinali.
Attivitajiet kriminali jistgħu jsiru fit-territorju ta' diversi Stati
Membri: pereżempju t-tħejjija għal reat kriminali tista' ssir fi
Stat Membru wieħed, filwaqt li r-reat jista' jitwettaq fi Stat membru
ieħor; l-awturi jistgħu jiġu arrestati fit-tielet Stat Membru u
l-assi mir-reat trasferiti għar-raba' Stat Membru. Dan iwassal għal
sitwazzjonijiet fejn potenzjalment bosta Stati Membri huma kompetenti biex
iwettqu investigazzjonijiet kriminali fir-rigward tar-reat u proċeduri
kontra l-allegati awturi. Dan jippreżenta sfidi mhux biss f’termini ta’
koordinazzjoni u l-effikaċja tal-prosekuzzjonijiet kriminali, iżda
wkoll fir-rigward tar-rispett lejn il-prinċipju fundamentali tal-liġi
kriminali, minqux ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni
Ewropea (“il-Karta”), li persuna ma tistax tiġi pproċessata u
kkundannata darbtejn għall-istess reat.[1] L-Unjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni
Qafas 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u
r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’
ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali, li għandha l-għan
li tipprevjeni proċedimenti kriminali paralleli fir-rigward tal-istess
fatti u l-istess persuna fl-Unjoni Ewropea.[2] Huwa fl-interess tal-ġustizzja kriminali
effettiva, fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ ġustizzja li
jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitmexxew fl-Istat
Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni, pereżempju fl-istat fejn
tkun saret il-parti l-kbira tar-reat, fejn tkun iġarnbet l-akbar telfa jew
fejn persuna suspettata jew akkużata jew l-vittmi jkollhom interessi
sinifikanti. Din il-ġuriżdizzjoni għandha tkun
magħżula b’mod trasparenti u oġġettiv sabiex tiġi
ssalvagwardjata ċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u
sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn
l-awtoritajiet li jistgħu jeżerċitaw kompetenza parallela. Din id-Deċiżjoni Qafas hi l-ewwel pass
importanti fil-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni ta’ kunflitti
ta’ ġurisdizzjoni.[3]
Fil-kuntest tal-internazzjonalizzazzjoni kriminali fi ħdan l-Unjoni
Ewropea, din il-miżura tipprovdi valur miżjud billi ttejjeb
il-funzjonament tajjeb taż-żona ta’ ġustizzja Ewropea. Dan
għalhekk jikkontribwixxi wkoll għall-amministrazzjoni effiċjenti
tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri. L-iskop ta' dan ir-rapport hu li ssir evalwazzjoni
preliminari tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali diġà
rċevuti mill-Kummissjoni. Mill-1 ta’ Diċembru 2014, id-data ta’
skadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin tat-Trattat ta’
Lisbona, is-setgħat ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja u
l-poteri tal-infurzar tal-Kummissjoni se japplikaw b’mod sħiħ
fir-rigward tal-acquis ta' qabel it-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam
tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni
tal-pulizija.
1.2.
Salvagwardji tad-drittijiet fundamentali
Dan l-istrument jirrispetta d-drittijiet
fundamentali u josserva l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat
dwar l-UE u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-UE.
Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta saret
ġuridikament vinkolanti u d-dritt li wieħed ma jiġix
iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti
kriminali ġie imsaħħaħ. L-Artikolu 50 tal-Karta jonqix
il-prinċipju “ne bis in idem” li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 51
tal-Karta, huma obbligati li jirrispettaw, iħarsu u jippromwovu meta
jimplimentaw il-liġi tal-UE. Il-prinċipju “ne bis in idem” jinsab
fl-Artikoli 54-58 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehima ta’ Schengen (CISA),
kif interpretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(QĠUE) f’bosta każijiet.[4]
1.3.
Elemnti ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas
Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi
l-proċedura li biha l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri
tal-UE għandhom jikkuntattjaw lil xulxin meta jkollhom raġunijiet
motivati biex jemmnu li qegħdin isiru proċeduri paralleli fi Stat
Membru ieħor tal-UE. F’każ bħal dan, hija għandha tikseb
konferma tal-eżistenza ta’ dawn il-proċeduri paralleli minn awtorità
kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. L-awtorità kkuntattjata għandha
twieġeb mingħajr dewmien żejjed jew fi ħdan l-iskadenza
stabbilita mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt. Din il-miżura tistabbilixxi wkoll il-qafas
għal dawn l-awtoritajiet biex jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti
meta jiġu skoperti proċeduri paralleli, sabiex jinstab ftehim
effettiv dwar liema mill-Istati Membri involuti huwa fl-aħjar
pożizzjoni li jkompli l-prosekuzzjoni tar-reat. Il-konsultazzjoni
għandha twassal, preferibbilment, għall-konċentrazzjoni
tal-proċedimenti fi Stat Membru wieħed, pereżempju permezz
tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Sabiex jintlaħaq
kunsens, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-kriterji
rilevanti kollha, li jistgħu jinkludu dawk stabbiliti fil-linji gwida, li
kienu ppubblikati fir-rapport annwali tal-Eurojust għall-2003, u jiġi
kkunsidrat pereżempju l-post fejn tkun saret il-biċċa l-kbira
tar-reat, il-post fejn il-maġġoranza tat-telf kien imġarrab,
il-post li fih hemm il-persuna suspettata jew akkużata u l-possibilitajiet
li tiġi żgurata l-konsenja tagħha jew l-estradizzjoni lejn
ġurisdizzjonijiet oħra, in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-persuna
suspettata jew akkużata, l-interessi sinifikanti tal-persuna suspettata
jew akkużata, l-interessi sinifikanti tal-vittmi u x-xhieda, l-ammissibbiltà
ta’ evidenza jew kwalunkwe dewmien li jista’ jkun hemm. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-każ
għandu jgħaddi għand l-Eurojust fejn ikun xieraq u
bil-kondizzjoni li dan jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Peress li
l-Eurojust huwa partikolarment adatt biex jipprovdi assistenza
għar-riżoluzzjoni ta’ konflitti, ir-riferiment ta’ każ
lill-Eurojust għandu jkun pass normali, meta ma kienx possibbli li
jintlaħaq kunsens.[5]
1.4.
Is-sitwazzjoni attwali tat-traspożizzjoni u
l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni
Fi żmien li nkiteb dan id-dokument,
il-Kummissjoni kienet irċeviet notifiki dwar liġijiet ta’
traspożizzjoni nazzjonali minn 15-il Stat Membru li ġejjin: AT,
BE, CY, CZ, DE, FI, HU, HR, LV, NL, PL, PT, RO, SI u SK. Aktar minn sena (1) wara d-data
tal-implimentazzjoni, 13-il Stat Membru għadhom ma nnotifikawx
il-miżuri li jittrasponu l-obbligi ta' din id-Deċiżjoni Qafas. BG,
DK, EE, EL, ES, FR, IE, IT, LT, LU, MT, SE u UK. Seba' (7) Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni
dwar il-proċess ta' miżuri rilevanti ta’ preparazzjoni
tat-traspożizzjoni fil-livell nazzjonali (BG, EL, ES, FR, LT, MT u SE).
Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma adotta
l-miżuri jew innotifika lill-Kummissjoni qabel April 2014. Tabella dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni
tad-Deċiżjonijiet Qafas qiegħda fl-Anness. Id-Deċiżjonijiet Qafas għandhom
jiġu implimentati mill-Istati Membri bħal kull element ieħor
acquis tal-UE. Min-natura tagħhom, id-Deċiżjonijiet Qafas jorbtu
lill-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb,
imma jħallu l-għażla ta' forom u metodi tal-implimentazzjoni
f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-fatt li xi Stati Membri ma implimentawx
id-Deċiżjonijiet Qafas hu problematiku għaliex dawk l-Istati
Membri li implimentawhom b'mod xieraq ma jistgħux jibbenefikaw minn
dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet
tagħhom ma’ dawk l-Istati Membri li ma implimentawhomx fil-ħin.
Fil-fatt, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa l-ġebla
tax-xewka tal-qasam Ewropew tal-ġustizzja li din id-Deċiżjoni
Qafas tiffaċilita, ma jistax taħdem jekk l-istrumenti ma jiġux
implimentati b’mod korrett fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Bħala
konsegwenza, meta jikkooperaw ma’ Stat Membru li ma għamilx
l-implimentazzjoni fil-ħin, anki dawk l-Istati Membri li għamlu dan
se jkunu qed jiddependu fuq il-prattika każwali u ta’ sikwit twila ta’
assistenza legali tradizzjonali reċiproka f’materji kriminali
mingħajr garanzija affidabbli ta’ individwazzjoni fil-ħin ta’ każijiet
bis in idem, li diġà kellha sseħħ fi stadji bikrija
tal-proċedimenti kriminali. Prattika bħal din iżżid b’mod
sinifikanti r-riskju ta’ periklu doppju.
2.
Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati
Membri tad-Deċiżjoni Qafas
2.1.
Evalwazzjoni preliminari tal-liġijiet ta’
traspożizzjoni riċevuti[6]
Dan ir-rapport jiffoka fuq Artikoli
magħżula li jiffurmaw il-qalba tad-Deċiżjoni Qafas fid-dawl
tal-għanijiet tagħha. B’mod ġenerali, l-Istati Membri
għażlu metodi u approċċi differenti
għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Xi Stati Membri
għażlu li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas
fil-leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali tagħhom (AT, CZ, DE, FI,
HR, HU, LV, PT, RO, SI u SK), Stat Membru wieħed fl-att amministrattiv
(CY) u żewġ Stati Membri ttrasponew id-deċiżjoni qafas
fis-sistema interna tagħhom ta’ proċedura (amministrattiv) (BE, NL).
Billi din hija valutazzjoni preliminari, huwa
kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet ġenerali
dwar il-kwalità ta’ implimentazzjoni. Dan huwa wkoll minħabba l-fatt li
ħafna Stati Membri għadhom ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom li
jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, sa issa l-Istati
Membri ftit għandhom esperjenza prattika fl-applikazzjoni ta' din
id-Deċiżjonijiet Qafas.
2.2.
Evalwazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet
ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas
2.2.1.
Awtoritajiet
kompetenti
Il-prinċipju tal-kuntatt dirett bejn
l-awtoritajiet kompetenti, stabbilit bl-Artikolu 4, huwa rekwiżit
prinċipali. L-Artikolu 4 jobbliga lill-Istati Membri
sabiex jistabbilixxu liema awtoritajiet ġudizzjarji jew mhux
ġudizzjarji nazzjonali huma kompetenti għall-fini ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas. Bħala element sussidjarju ta’ sostenn,
madankollu, kull Stat Membru jista’ wkoll jinnomina awtorità ċentrali
waħda jew aktar responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva ta’
talbiet u għal assistenza lil awtoritajiet kompetenti, jekk huwa
neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema interna
tagħhom. Għall-maġġoranza tal-Istati Membri,
l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta’ kompiti taħt
id-Deċiżjoni Qafas huma l-awtoritajiet ġudizzjarji
bħall-qrati (CZ, PL, RO, SK) jew prosekuturi pubbliċi (AT, BE, CZ,
DE, FI, HR, NL, PL, RO, SK). L-awtoritajiet tal-pulizija, bħal
uffiċjali tal-pulizija responsabbli mill-investigazzjoni
ntgħażlu f’minoranza ta’ Stati Membri (FI, CY, LV).[7] Barra
minn hekk, CZ, LV[8],
RO u SI jagħmlu distinzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont l-istadju
tal-proċeduri. F’minoranza ta’ Stati Membri inħatret
awtorità ċentrali bi rwil li tassisti/tiffaċilita, pereżempju
f’HU[9], FI,
PT[10], RO u
sa ċertu punt fir-CZ. L-Istati Membri li ħatru l-awtoritajiet
ċentrali biex iwettqu l-kompiti skont din id-Deċiżjoni Qafas
għandhom ikunu konformi mad-disposizzjonijiet li dawn l-awtoritajiet
jaħdmu bħala awtoritajiet sussidjarji biss u li, bħala regola,
il-prinċipju tal-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti għandu
jiġu rispettati kif imiss.
2.2.2.
Ir-reġim
tal-lingwa
Sabiex tiġi żgurata koperazzjoni
effiċjenti fost l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri jkunu infurmati dwar il-lingwi li għandhom jintużaw
fil-proċedura tal-kuntatt. Skont l-Artikolu 14, l-Istati Membri
għandhom jiddikjaraw liema lingwi, fost il-lingwi uffiċjali
tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jintużaw
għall-proċedura ta’ kuntatt (Kapitolu 2). Barra minn dan
l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jaqblu li jużaw kwalunkwe lingwa
matul il-konsultazzjonijiet diretti tagħhom. Pereżempju, SK tirrikjedi Slovakk biss
għall-proċeduri previsti fil-Kapitolu 2. Uħud mill-Istati Membri
jaċċettaw ukoll, minbarra l-lingwa uffiċjali tagħhom stess,
l-Ingliż (CY, NL, HU u SI) jew xi lingwi użati fil-kuntest
ġeografiku ġar tagħhom (CZ, NL, FI). Il-maġġoranza tal-Istati Membri
japplikaw ċertu grad ta’ flessibilità li jgħid li l-awtorità kompetenti
tista’ wkoll taċċetta talbiet ta’ kuntatt f’lingwa oħra
għajr il-lingwa elenkata fuq bażi reċiproka (FI, PT), jekk ebda
ostakolu ma jeżisti għall-użu tiegħu (FI, RO), jew
f'kuntatti (orali), sakemm il-lingwa hija mifhuma u mitkellma mill-partijiet
fil-konsultazzjonijiet (NL, BE, SI). Il-maġġoranza tal-Istati Membri
innotifikaw sew ir-reġim lingwistiku tagħhom
għall-aċċettazzjoni ta’ talbiet. Tliet (3) Stati Membri (DE, HR
u LV) ma speċifikawx ir-reġim lingwistiku ta’ implimentazzjoni tagħhom.
2.2.3.
Skambju ta'
informazzjoni fuq il-każ
(Artikolu 5 — Obbligu ta’ kuntatt,
Artikolu 6 — Obbligu ta’ risposta, Artikolu 7 — Mezzi ta’
komunikazzjoni, Artikolu 8 — L-informazzjoni minima li għandha
tiġi pprovduta fit-talba, Artikolu 9 — L-informazzjoni minima li
għandha tiġi pprovduta fit-tweġiba) Fir-rigward tal-Artikolu 5(1) ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas, li tirrikjedi lill-Istati Membri biex
jikkuntattjaw Stat Membru ieħor meta jkollu 'bażi raġonevoli'
biex jemmen li jkunu qegħdin isiru proċeduri paralleli, prattikament
l-Istati Membri kollha ttrasponew dawn il-kliem eżatt fil-miżura ta’
traspożizzjoni tagħhom (bl-eċċezzjoni[11] ta’
DE, HR, HU, LV, PL u PT). NL u RO ddeskrivew estensivament fil-miżura
x'inhu dak li jikkunsidra li jikkostitwixxi 'kriterji raġonevoli'.[12] Ir-rwol tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew
(EJN) għandu jissemma f’dan ir-rigward (Artikolu 5(2)). In-netwerk
ġie stabbilit primarjament sabiex jittejbu r-relazzjonijiet bejn
l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni. Dan
il-mezz effiċjenti informali ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni jista’
wkoll ta’ spiss jikkontribwixxi għal għarfien aħjar ta’
proċedimenti kriminali kontinwi li jitmexxew f’żewġ Stati Membri
jew aktar fir-rigward tal-istess fatti jew oħrajn relatati. It-traspożizzjonijiet ta’ BE, FI, HR, HU, NL,
PL, RO u SK jirreferu għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, li jista’
jgħin biex jiġi promoss kuntatt dirett bejn il-prattikanti. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas, l-awtoritajiet ikkuntattjati għandhom
iwieġbu għar-rikjesti ppreżentati fi 'żmien
raġonevoli' indikat mill-awtorità li qed tagħmel il-kuntatt, jew mingħajr
dewmien żejjed. BE, CZ, FI, HR, HU, RO, PL u SK ittrasponew l-Artikolu 6
ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, kważi litteralment
fil-leġiżlazzjoni/miżuri nazzjonali tagħhom, bl-unika
eċċezzjoni tkun li l-FI interpretat ir-rekwiżit ta’
informazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” bħala “fil-pront” u
LV bħala “kmieni kemm jista’ jkun”. It-traspożizzjonijiet ta’ NL u SI huma
differenti wkoll f’dan ir-rigward: NL applika “minnufih”, SI tidher li
implimentat id-dispożizzjoni tal-ordni opposta minħabba li tirrikjedi
rispons “mingħajr dewmien jew l-aktar tard fiż-żmien stipulat
fit-talba”. Barra minn hekk, l-SI tirrikjedi lill-awtoritajiet tagħha
stess ta’ “żmien xieraq” għall-awtoritajiet ta' kuntatt. Huwa importanti li wieħed jirrimarka li DE,
LV, NL, PL, PT, RO u SK naqsu milli jittrasponu l-element tal-Artikolu 6(1)
ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li tirrikjedi lill-Istati jittrattaw
talbiet f’każijiet fejn persuna suspettata tkun miżmuma f’detenzjoni
bħala kwistjoni ta’ urġenza. NL tvarja minn traspożizzjonijiet oħra
billi tagħti rwol qawwi liċ-Ċentri Internazzjonali
għall-Assistenza Legali (IRC).[13] DE ma ttrasponietx letteralment l-Artikolu 6
ta’ din id-Deċiżjoni Qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
tagħha. Minflok, § 59 tal-Liġi Dwar Assistenza Internazzjonali
f’Materji Kriminali sempliċiment jiżgura b’mod ġenerali li
jekk ir-regoli tal-UE jistabbilixxu l-obbligu li jikkooperaw, dan għandu
jitqies fl-eżerċizzju tal-poteri diskrezzjonarji. BE, CZ, HR, HU, FI, NL, RO u SI
jaċċettaw kull forma ta' komnunikazzjoni, inkluża komunikazzjoni
elettronika, sakem tkun tista' tiġi rreġistrata bil-miktub. SI
jenfasizza li l-mezzi ta’ komunikazzjoni magħżula għandhom
jipproteġu biżżejjed id-dejta personali. L-Istati li ġejjin
ma speċifikawx il-mezzi ta’ komunikazzjoni: AT, CY, DE, LV, PL, PT, RO u SK.
L-Istati Membri li għadhom ma introduċewx il-mezzi ta’ komunikazzjoni
li jippermettu l-produzzjoni ta’ reġistri bil-miktub ma jissodisfawx
ir-rekwiżit ewlieni tal-Kapitolu 2 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. AT, BE, CZ, FI, HR, HU, LV, NL, RO, SI u SK
ittrasponew il-kliem tal-Artikoli 8 u 9 ta' din id-Deċiżjoni Qafas
fuq l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta fit-talba jew
fit-tweġiba (kważi) direttament fil-miżuri nazzjonali
tagħhom. Dawk l-Istati Membri, li la ttrasponew it-tagħrif minimu
rekwiżit skont l-Artikoli 8 u 9 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u
lanqas fir-regoli vinkolanti interni, għalhekk ma jissodisfawx l-obbligu
ewlieni li joħorġu minn din id-Deċiżjoni Qafas u huma
mħeġġa biex jirrevedu u jallinjaw il-miżuri ta’
implimentazzjoni nazzjonali tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni
Qafas.
2.2.4.
Proċedura
għal konsultazzjonijiet diretti u li jitlaħaq kunsens
(Artikolu 10 — Obbligu li wieħed
jidħol f’Konsultazzjonijiet Diretti; Artikolu 11 — Proċedura biex
Jintlaħaq Kunsens; Artikolu 12 — Kooperazzjoni mal-Eurojust)
2.2.4.1.
Proċedura għal konsultazzjonijiet
diretti
Il-maġġoranza ta’ Stati Membri użaw
kliem simili għal Artikolu 10(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas
li tittrasponi dan l-obbligu fil-liġi nazzjonali/miżuri (AT, BE, CZ,
FI, HR, HU, NL, PL, RO, SI, SK). Madankollu, xi Stati Membri inkorporaw
proċeduri jew gwida addizzjonali bħala parti mill-proċedura ta’
konsultazzjonijiet diretti u biex jintlaħaq kunsens. Pereżempju,
il-miżura tal-NL tissuġġerixxi li IRCS jistgħu jipprovdu
għajnuna f’kuntatt bejn l-Istati Membri. It-traspożizzjoni tal-BE
tistipula li għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu “jiġu kkunsidrati
l-fatturi kollha rilevanti inklużi l-elementi fattwali u l-punti
tal-liġi.” Barra minn hekk, taħt il-miżura tal-BE,
prosekutur pubbliku għandu, fil-każ ta’ investigazzjoni parallela jew
investigazzjoni konġunta, jikkoopera mal-awtorità rilevanti fi Stat Membru
ieħor dwar proċeduri ta’ prosekuzzjoni u, sa fejn possibbli,
jistabbilixxi skadenzi komuni, li jimpedixxu kwalunkwe kunflitt ta’
ġurisdizzjoni u biex jiżgura effiċjenza akbar tal-prosekuzzjoni,
il-proċess u l-implimentazzjoni tas-sentenza. Din it-traspożizzjoni, għalkemm mhux
traduzzjoni litterali tat-test fl-Artikolu 10 ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas, tirrifletti l-ispirtu ta’ din
id-Deċiżjoni Qafas. BE marret lil hinn minn din
id-Deċiżjoni Qafas, billi tobbliga lill-Istati Membri sabiex
jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti meta persuna li tkun mfittxija skont
mandat ta’ arrest Ewropew tkun qed tiġi pproċessata fil-BE
għall-istess reat bħal dak li fir-rigward tagħha
nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.[14]
Il-liġi tal-PL tistipula li “meta
l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu hekk”, il-qorti jew il-prosekutur
tal-Istat għandu jikkonsulta mal-qorti kompetenti jew entità oħra
tal-Istat Membru tal-UE fejn il-proċedimenti kriminali fir-rigward
tal-istess att tal-istess persuna ġew istitwiti, u jitolbu biex
jieħdu f’idejhom jew jittrasferixxu l-prosekuzzjoni kriminali. Taħt il-liġi CY l-investigaturi
għandhom, fejn meħtieġ, joqgħodu lura milli jitolbu
assistenza mill-Unjoni Ewropea u d-Direttorat tal-Kooperazzjoni Internazzjonali
tal-Pulizija, li jista’ jitlob id-Dipartiment Legali għal assistenza u/jew
gwida meta meħtieġ. Bħala konklużjoni preliminari, jidher li
l-Artikolu 10(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas — li fiha obbligu li
l-Istati Membri jżommu lil xulxin infurmati b’kull miżura
proċedurali importanti li ttieħdet fil-proċess — kien
direttament traspost fil-liġijiet jew fil-miżuri nazzjonali minn AT,
BE, CZ, HR, HU, FI, NL, PL, RO, SI, SK.[15]
L-Istati Membri li ġejjin għamlu
referenza għal użu ta’ 'eċċezzjoni tas-sigurtà nazzjonali'[16]
fl-obbligu li tingħata tweġiba għal talbiet ta’ awtoritajiet
kompetenti oħra: AT, BE, CZ, FI, HR, HU, NL, PL, RO, SI u SK. Xi Stati Membri enfasizzaw li prosekutur
nazzjonali tagħhom mhuwiex obbligat li jirtira jew instiga proċeduri
bħala parti minn dawn il-konsultazzjonijiet. Jekk ma jkunx jista’
jintlaħaq l-ebda ftehim dwar il-konċentrazzjoni ta’ prosekuzzjonijiet
fi Stat Membru, anki wara medjazzjoni tal-Eurojust, il-prosekutur pubbliku
jista’ jfittex proċedimenti kriminali għal kwalunkwe offiża fi
ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu (BE, NL). SI żiedet li
konsultazzjonijiet diretti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju
għall-introduzzjoni jew it-twettiq ta’ proċedimenti kriminali ta’
qabel il-proċess.
2.2.4.2.
Ir-riżultat ta’ konsultazzjonijiet
diretti u li jintlaħaq kunsens skont l-Artikolu 10 u 11
L-Istati Membri rreferew għal dawn ix-xenarji
bħala riżultati potenzjali ta’ konsultazzjoni diretta sabiex
jiġi ddeterminat l-aħjar post għal prosekuzzjoni u/jew
proċess. ·
Konċentrazzjoni/trasferiment ta’
investigazzjonijiet jew proċeduri biex jiżguraw il-prosekuzzjoni
tal-konvenut fi Stat Membru (AT, BE, HR, HU, FI, RO, SI u NL). Fil-PL
it-teħid jew it-trasferiment ta’ prosekuzzjoni kriminali għandha ssir
biss “meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk", ·
Li jkollhom proċeduri kriminali b’mod xieraq
b’mod ieħor (FI); ·
L-investigazzjoni titwaqqaf (NL, HR). HR
speċifikat li “Meta proċedimenti kriminali fi Stat Membru ieħor
tlestew b’deċiżjoni li għandha s-saħħa ta’ res
judicata, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat għandu jwaqqaf
il-prosekuzzjoni kriminali jew jirtira l-akkużi u jinforma b’dan
lill-qorti”; ·
Investigazzjonijiet paralleli li qed jitwettqu
fiż-żewġ Stati Membri b’kollaborazzjoni mill-qrib u kuntatt
bejniethom (BE, NL); ·
l-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva
konġunta (BE, NL); SI elaborat fid-dettall liema ċirkostanzi
għandhom ikunu kkunsidrati waqt konsultazzjonijiet diretti sabiex
jilħqu kunsens: "il-fatti u l-evidenza kollha b'rabta mal-każ, u
ċ-ċirkostanzi kollha relavanti biex jintlaħaq kunsens
għandhom jiġu eżaminati." Meta dan isir, hu importanti
b'mod speċjali li wieħed "jikkunsidra l-interessi
tal-proċediemnti kriminali, il-kost-effikaċja tal-prosekuzzjoni,
id-disponibbiltà tal-evidenza, il-ħarsien tal-ħajja tal-familja, kif
ukoll il-kostijiet tal-proċedimenti ta' qabel il-ġuri jew
il-proċediemnti kriminali li jiġu wara dak iż-żmien jew li
jkunugħadhom se jsiru, imma mhux it-tul tal-kastig preskritt."[17]
3.
Konklużjoni
·
Din id-Deċiżjoni Qafas hi l-ewwel pass
sostanzjali fil-prevenzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ “ne bis in idem”
waqt il-proċedimenti kriminali u biex jiġi evitat ir-riskju ta’
nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni mill-Istati Membri.
Il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ivarja
b’mod sinifikanti. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-15 Stat
Membru li ttrasponew sal-lum, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ din
il-leġiżlazzjoni importanti huwa 'l bogħod milli jkun
sodisfaċenti billi 13-il Stati Membru ieħor ma ttrasponewhiex. ·
It-traspożizzjoni parzjali u inkompleta ta’
din id-Deċiżjoni Qafas tfixkel it-tħaddim effettiv ta’ żona
ta’ ġustizzja Ewropea. Barra minn hekk, tista' timmina l-aspettattivi
leġittimi taċ-ċittadini tal-UE f’ċerti każijiet.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali implimentattivi li waslu minn 12-il Stat
Membru jidhru li huma ġeneralment sodisfaċenti, speċjalment
fir-rigward tal-kwistjonijiet l-aktar importanti bħal pereżempju
mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni u proċedura ta’
konsultazzjoni (AT, BE, CY, CZ, FI, HR, HU, NL, PL, RO, SI, SK). ·
L-Istati Membri huma mħeġġa
jipprovdu għal dejta statistika preċiża fir-rigward referenzi
ta’ każijiet, li tippermetti valutazzjoni tal-applikazzjoni
effiċjenti ta’ din id-Deċiżjoni Qafas fil-prattika. ·
Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni tard
tikkawża diżappunt minħabba li din id-Deċiżjoni ta’
Qafas għandha l-potenzjal li żżid l-amministrazzjoni
effiċjenti tal-ġustizzja kriminali f’każijiet transkonfinali
billi jiġu ffrankati l-ħin u r-riżorsi umani u finanzjarji
tal-awtoritajiet kompetenti fil-proċedimenti kriminali. ·
Huwa importanti ħafna għall-Istati Membri
kollha li jqisu dan ir-rapport u jagħtu tagħrif ieħor rilevanti
kollu lill-Kummissjoni, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont
it-Trattat. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lil dawk l-Istati
Membri li indikaw li qegħdin jippreparaw il-leġiżlazzjoni
relevanti biex jippromulgaw u jinnotifikaw dawn il-miżuri nazzjonali kemm
jista' jkun malajr. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk
l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux hekk biex jieħdu
azzjoni malajr biex jimplimentaw bis-sħiħ din
id-Deċiżjonijiet Qafas. Barra minn hekk, hija tistieden lil dawk li
ttrasponewhom b’mod inkorrett biex jirreveduhom u jiżguraw li
l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni tagħhom tkun
konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas. [1] Artikolu 50 tal-Karta tal-UE ("Ne bis in
idem"): "Id-dritt li wieħed ma jiġix
iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat:
L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun ipproċessata jew ikkundannata
għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew
ikkundannata fl-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond
il-liġi." [2] Din id-Deċiżjoni Qafas inbdiet mir-Repubblika
Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika
Slovakka u r-Renju tal-Iżvezja. [3] Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
it-Trasferiment tal-Proċedimenti tal-1972 daħlet fis-seħħ
biss fi 13-il Stat Membru tal-UE. [4] Ara pereżempju l-każijiiet tal-QĠUE
C-187/01 u C-385/01 Gozutok u Brügge, C-436/04 Van Esbroeck, C-367/05
Kraaijenbrink, C-150/05 Van Straaten, C-297/07 Klaus Bourquain Gaetano
Mantello, C-261/09. [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA tat-28
ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust kif emendata mid-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2009/426/JHA tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ
tal-Eurojust. Ir-Rapport Annwali tal-Eurojust tal-2012 jiddikjara li l-Eurojust
jagħmel użu formali limitat tas-setgħat rakkomandattivi
tiegħu biex jipprevjeni u jsolvi kunflitti ta’ ġurisdizzjoni
pożittivi jew negattivi. In-notifiki juru li l-maġġoranza
tal-Istati Membri implimentaw l-Artikolu 12 (Kooperazzjoni mal-Eurojust)
b’mod flessibbli li jiddikjara l-prinċipju li “fejn l-awtoritajiet ma
jirnexxilhomx jilħqu kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva,
il-kwistjoni tista’ tiġi riferita lill-Eurojust”. Stat Membru wieħed
biss żgura espliċitament ir-rwol tal-"Linji Gwida biex jiġi
deċiż liema ġurisdizzjoni għandha tipprosekwixxi”
tal-Eurojust 2003 f’miżura ta’ implimentazzjoni tiegħu. [6] Fejn miżura ta’ traspożizzjoni ma tinkludix
dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ċerti elementi
tad-deċiżjoni qafas, dan ir-rapport jistqarr li l-Istat Membru
kkonċernat ma ttrasponiex dawk l-elementi. [7] F’CY, il-pulizija ġiet maħtura, u b’mod aktar
speċifiku, l-Unjoni Ewropea u d-Direttorat tal-Koperazzjoni
Internazzjonali tal-Pulizija (UE&IPCD). [8] Barra minn hekk għall-pulizija, LV ħatret
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u l-Ministeru
tal-Ġustizzja. [9] Għall-fini tal-Artikolu 4, HU ħatar biss
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Suprem. [10] Għall-fini tal-Artikolu 4, PT ħatar biss
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. [11] Xi Stati Membri użaw terminoloġija kemxejn
differenti bħal "meta dan ikun iġġustifikat jew meta
jiġi stabbilit li hemm proċeduri paralleli mwettqa”. [12] Skont il-miżura ta’ implimentazzjoni ta' NL:
"kriterji raġonevoli jeżistu dejjem jek suspettat jistqarr li
hu/hi huma soġġetti għal proċedimenti kriminali paralleli
fi Stati Membri oħra; jidher minn rikjesta għal assistenza legali
minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor li tali proċedimenti
jistgħu jkunu kontinwi; il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji
jipprovdu informazzjoni li minnha jista' jkun preżunt li proċedimenti
kriminali paralleli jistgħu jkunu kontinwi; jew joħroġ minn
investigazzjoni kriminali Olandiża li proċedimenti paralleli
jistgħu jkunu kontinwi." [13] Talbiet min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fi Stati
Membri oħra se jintbagħatu direttament għand il-prosekutur
pubbliku jew mgħoddija minn IRC. Jekk prosekutur pubbliku jirċievi
talba direttament hu jew hi għandu jinnotifika IRC. [14] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32002F0584:en:HTML.
[15] Pereżempju, il-liġi tal-PL tipprovdi li
l-għoti ta’ informazzjoni għandu jsir dwar il-proċedura
fir-rigward ta’ miżuri preventivi, u informazzjoni oħra fuq talba
tal-korp kompetenti. Il-miżura tal-NL iżżid li l-prosekutur
pubbliku huwa wkoll rakkomandat li jilħaq ftehim mal-awtorità kompetenti
dwar kif l-informazzjoni skambjata għandha tkun irreġistrata u
użata fil-proċedimenti kriminali. Il-liġi tal-HU tistipula li
meta l-konsultazzjonijiet jibdew, l-Uffiċċju tal-Prosekutur
għandu jissospendi l-investigazzjoni jew il-qorti għandha tissospendi
l-proċeduri, skont il-każ. Il-Prosekutur Ġenerali għandu
jinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor bis-sospensjoni
tal-proċedimenti kriminali. [16] Jekk l-informazzjoni speċifika mitluba tkun ta’
ħsara għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali jew
tipperikola s-sikurezza ta’ individwi, l-awtorità kompetenti mhijiex obbligata
tipprovdiha f’każ individwali. [17] Fl-HU, matul il-konsultazzjonijiet, il-partijiet
għandhom jikkunsidraw l-aspetti sinifikanti kollha bil-għan li
jiġi deċiż liema Stat Membru għandu jkompli
bil-proċedimenti kriminali. Aspetti sinifikanti bħal dawn
jistgħu jinkludu b’mod partikolari sal-istadju li jkun intlaħaq
fil-proċedimenti kriminali, f’liema Stat Membru ikun hemm aktar evidenza
disponibbli, jekk il-proċedimenti kriminali li jkunu għaddejjin
fl-Istati Membri differenti humiex relatati ma’ proċedimenti kriminali
oħrajn fl-istess Stat, il-post fejn l-akkużat inżamm
f’detenzjoni, jew in-nazzjonalità tal-persuna akkużata. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri
nazzjonali ta' traspożizzjoni || Notifika rċevuta || Data ta' trasposizzjoni/dħul fis-seħħ || Tip ta’ implimentazzjoni || Awtoritajiet kompetenti || Lingwi (Art. 14) AT || IVA || 1. 8. 2013 || L-Att Federali dwar Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Każijiet Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ippubblikat fil-Gazzetta tal-Liġi Federali (Bundesgesetzblatt) I Nru 175/2013 || L-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi. || Il-Ġermaniż jista’ jintuża fi proċeduri kif deskritt fil-Kapitolu 2. Lingwi oħra jistgħu jintużaw ukoll fuq bażi reċiproka. BE || IVA || 27. 3. 2013 || Ċirkolari konġunta mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Bord tal-Prosekuturi Ġenerali || Prosekutur pubbliku rilevanti. || Kwalunkwe lingwa mifhuma & mitkellma mill-awtoritajiet. CY || IVA || 10. 8. 2012 || Att Regolatorju Amministrattiv Nru 303/2012 Ċirkolari tal-Kap tal-Pulizija Ċiprijotta, ippubblikat fl- 21. 11. 2012 || Il-pulizija ta’ Ċipru. || Grieg u Ingliż CZ || IVA || 1. 1. 2014 || Att Nru 104/2013 dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali || Il-qrati, il-prosekutur pubbliku skont l-istadju tal-proċeduri. Ir-rwol huwa mogħti wkoll lill-Ministeru tal-Ġustizzja/l-Uffiċċju tal-Prosekutur Suprem skont l-istadju tal-proċedimenti (Art. 4(3)). || iċ-Ċek; Slovakk fir-rigward ta' SK u Ġermaniż b'rabta ma' AT. DE || IVA || mhux applikabbli || Liġi dwar Assistenza Internazzjonali f’Materji Kriminali; Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali || Uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi. || Mhux speċifikati. FI || IVA || 19. 6. 2012 || Att dwar il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ konflitti dwar l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni u dwar it-trasferiment ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti preliminari bejn il-Finlandja u l-Istati Membri l-oħra (295/2012) || Prosekutur rilevanti jew l-uffiċjal responsabbli mill-investigazzjoni — Art. 4(3): Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u l-Aġenzija nazzjonali tal-investigazzjoni. || Finlandiż, Żvediż jew Ingliż; talbiet ta’ kuntatt f’lingwa oħra jekk ma jeżisti ebda ostakolu għall-użu tiegħu. HR || IVA || 1. 7. 2013 || Att li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat (NN 72/13) || L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat . || Mhux speċifikati. HU || IVA || mhux applikabbli || Att Nru CLXXX tal-2012 || L-Uffiċċju tal-Prosekutur Suprem (li wkoll jaġixxi bħala l-awtorità ċentrali skont l-Art. 4 (3)). || Ungeriż, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż. LV || IVA || 1. 7. 2012 || Il-liġi tal- 24 ta’ Mejju 2012 Emendi tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali || Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali; Pulizija Statali; Ministeru tal-Ġustizzja skont l-istadju tal-proċedimenti. || Mhux speċifikati. NL || IVA || 15. 6. 2012 || Cirkolari mill-bord tal-Prokuraturi Ġenerali || Prosekuturi pubbliċi kollha. || Olandiż, Ingliż u Ġermaniż għat-talbiet bil-miktub - kuntatt orali: kwalunkwe lingwa li tinftiehem miż-żewġ partijiet. PL || IVA || 17. 10. 2012 || Liġi li temenda l-Kodiċi tal-Proċedura Penali || Qrati, prosekuturi pubbliċi. || Pollakk. PT || IVA || 30. 8. 2001 || Artikolu 145 tal-Liġi 144/1999, kif emendata mil-Liġi 104/2001 || Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali; || PT: il-Portugiż; lingwi oħra jistgħu jintużaw ukoll fuq bażi reċiproka. RO || IVA || 25. 12. 2013 || Liġi Nru. 300/2013 li temenda u tikkompleta l-Liġi Nru 302/2004 dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali || Prosekuturi responsabbli għall-każ; qorti fl-istadju tal-ġuri. Art. 4(3): Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni tal-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja. || RO: ir-Rumen; talbiet ta’ kuntatt f’lingwa oħra jekk ma jeżisti ebda ostakolu għall-użu tiegħu. SI || IVA || 20. 9. 2013 || Att dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-UE, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja, no.48/20133 tal-4 ta’ Ġunju 2013 || Qabel ma toħroġ id-deċiżjoni dwar l-investigazzjoni: prosekuturi pubbliċi; Waqt l-investigazzjoni: imħallfin investigattivi; Waqt listadju tal-ġuri: l-imħalfin tal-ġuri. || Fit-teħid ta’ kuntatt bis-Sloven jew bl-Ingliż; L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqblu li jużaw kwalunkwe lingwa oħra matul il-konsultazzjonijiet diretti. SK || IVA || 1. 8. 2013 || Att Nru 204/2013 li jemenda l-Att Nru 300/2005, il-Kodiċi Kriminali, kif emendat, u li jemenda ċerti liġijiet Att Nru 301/2005, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif emendat Att Nru 575/2001 dwar l-organizzazzjoni tal-attivitajiet governattivi u l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat, kif emendat || Qrati, prosekutur pubbliku. || Fil-proċeduri previsti fil-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, il-lingwa Slovakka hija meħtieġa.