EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0281

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Kwistjonijiet marbuta mal-il-ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro

/* COM/2013/0281 final */

52013DC0281

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Kwistjonijiet marbuta mal-il-ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro /* COM/2013/0281 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Kwistjonijiet marbuta mal-il-ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro

1.           Introduzzjoni

L-introduzzjoni tal-euro fl-1999 kien pass kbir fl-Integrazzjoni Ewropea. Mill-1 ta’ Jannar 2002, il-euro kien disponibbli f'forma fiżika, bil-karti tal-flus u l-muniti issa jintużaw minn madwar 330 miljun ċittadin tal-UE fi 17-il Stat Membru tal-UE li juża l-euro bħala l-munità tiegħu. L-istruttura tad-denominazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, kif ukoll tal-muniti tal-euro (1, 2, 5, 10, 20, 50 ċenteżmu, 1 euro u 2 euro) baqgħu l-istess sa mill-introduzzjoni tal-euro.

Il-muniti tal-euro jiinħarġu mill-Istati Membri iżda l-Kunsill huwa kompetenti għall-armonizzazzjoni tad-denominazzjonijiet tagħhom u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98. B’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98, il-muniti denominati f’euro u f’ċenteżmi u li huma konformi mad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Kunsill huma l-uniċi muniti li għandhom l-istatus ta’ valuta legali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Fl-2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-istituzzjonijiet kompetenti biex jinvestigaw l-użu ta' denominazzjonijiet differenti tal-muniti tal-euro u l-karti tal-flus tal-euro fid-dawl tal-kriterji tal-ispejjeż u tal-aċċettabbiltà pubblika[1].

L-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta “il-ħruġ kontinwat tal-muniti ta’ ċenteżmu u ta’ żewġ ċenteżmi", (...) b'mod partikolari permezz ta' “analiżi fir-rigward tal-benefiċċji korrispondenti għall-ispejjeż li tqis l-ispejjeż reali tal-produzzjoni ta’ dawk il-muniti fl-isfond tal-valur u l-benefiċċji tagħhom”.

Dan il-mandat għandu jitqies fl-isfond tad-dibattitu dwar l-użu tal-iżgħar żewġ denominazzjonijiet tal-muniti tal-euro sa mill-introduzzjoni tagħhom. L-elementi ewlenin ta’ dan id-dibattitu huma l-produzzjoni għolja u l-ispejjeż tal-pproċessar tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro meta mqabbla mal-valur nominali tagħhom, it-tnaqqis sinifikanti (telf kbir) ta’ dawn il-muniti miċ-ċirkolazzjoni[2], u t-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist ta’ dawn iż-żewġ denominazzjonijiet żgħar. Id-dibattitu jiffoka wkoll fuq il-kwistjoni ta' inflazzjoni jew inflazzjoni reali, fost il-biża’ tal-pubbliku ġenerali li t-twaqqif potenzjali tal-ħruġ tal-muniti flimkien mal-irtirar tal-muniti miċ-ċirkolazzjoni jistgħu jżidu l-prezzijiet tal-konsumaturi.

Il-valutazzjoni mitluba kienet immexxijja abbażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u eżerċizzju estensiv tal-inventarju[3]. Din il-komunikazzjoni tippreżenta erba’ għażliet ewlenin ta’ politika (miż-żamma tal-istatus quo sal-irtirar tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi), u tenfasizza l-karatteristiċi ewlenin tal-għażliet kif ukoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal, mehmuż, jinkludi elementi aktar dettaljati.

2.           Erba’ xenarji potenzjali għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro

Fil-prinċipju, il-ħruġ ta’ muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro jistgħu jew ikomplu għaddejjin kif inhuma bħalissa jew jitwaqqfu, filwaqt li jimplikaw żewġ xenarji (ħruġ kontinwat u rtirar) li għandhom jiġu kkunsidrati. Madankollu, abbażi tar-riżultati tal-kwestjonarji u l-eżerċizzju tal-inventarju, jistgħu jiġu identifikati erba’ xenarji possibbli: il-ħruġ kontinwat u l-irtirar bħala żewġ xenarji ewlenin, b’xenarju varjant f’kull wieħed minnhom.

L-ewwel xenarju ewlieni huwa l-ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro skont il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-lum mingħajr bidla fil-kuntest legali jew materjali (“xenarju status quo”). Il-muniti jibqgħu valuta legali u jkomplu jiġu prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi attwali (bħall-metall, il-piż u d-daqs) u mingħajr bidla fil-proċessi ta’ produzzjoni u ħruġ[4]. Varjant ta’ dan ix-xenarju huwa l-ħruġ kontinwat bi spejjeż imnaqqsa li huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-ispejjeż tal-ħruġ tal-muniti jista’ jitnaqqas billi tinbidel il-kompożizzjoni tal-materjal tal-munita jew billi tiżdied l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-munita, jew it-tnejn li huma (“il-ħruġ f’xenarju ta’ spejjeż imnaqqsa").

It-tieni xenarju ewlieni għandu l-għan li jabolixxi l-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro (“xenarju ta’ rtirar mgħaġġel”). Skont dan ix-xenarju, il-ħruġ ta’ dawn id-denominazzjonijiet jitwaqqaf filwaqt li l-muniti fiċ-ċirkolazzjoni jiġu rtirati fil-biċċa l-kbira tagħhom permezz tal-bejjiegħa bl-imnut, is-supermarkets u l-banek f’perjodu ta’ żmien qasir li jkun stabbilit minn qabel. Ikunu japplikaw regoli vinkolanti ta’ arrotondament mill-ewwel jum tal-perjodu tal-irtirar u l-muniti jieqfu milli jkunu valur nominali fl-aħħar tal-eżerċizzju tal-irtirar.

Varjant għax-xenarju tal-irtirar ta’ malajr huwa “xenarju ta’ tnaqqis gradwali” li jkollu l-effett ta’ rtirar iżda dan jinkiseb b’mod differenti. Filwaqt li l-ħruġ tal-muniti jieqaf u r-regoli vinkolanti ta’ arrotondament japplikaw ukoll taħt dan ix-xenarju, il-muniti jibqgħu valuta legali. Il-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi xorta jistgħu jkomplu jintużaw, iżda biss għal ħlas tas-somma finali għad-dritt. Minħabba li mhux se jinħarġu muniti ġodda, ikunu mistenni li l-muniti jinqatgħu gradwalment miċ-ċirkolazzjoni minħabba r-rata għolja ta’ telf u n-nuqqas ta’ attrazzjoni ta’ dawn il-muniti bħala mezz konvenjenti għall-ħlas.

3.           Żewġ xenarji għal ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro

3.1.        Xenarju ta' ħruġ kontinwat skont il-kundizzjonijiet mhux mibdula (xenarju “status quo”)

Dan ix-xenarju huwa fin-natura tiegħu l-punt ta’ riferiment li t-tliet xenarji l-oħra għandhom ikunu vvalutati fuqu.

3.1.1.     Ħruġ li kull ma jmur dejjem jiżdied, konsegwenza ta’ rata għolja ta’ telf

L-għadd ta’ muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro sa mill-bidla fl-2002 huwa ta’ aktar minn 46 biljun munita. Fi żmien għaxar snin, l-ammont ta’ dawn id-denominazzjonijiet żdied b’madwar 74 %. Illum, kważi waħda minn kull żewġ muniti tal-euro li titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni hija munita taċ-ċenteżmu jew taż-żewġ ċenteżmi tal-euro. Filwaqt li l-għadd globali ta' muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro li nħarġu huwa għoli ħafna, il-valur totali ta’ dawn il-muniti huwa ta' madwar 714 miljun euro biss.

Iż-żieda għolja tal-għadd ta’ muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro huwa prinċipalment minħabba r-rati għoljin ta’ telf ta dawn id-denominazzjonijiet, li jvarja minn 25 % sa kważi 100 %.

Il-konsumaturi ma tantx jużaw il-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro meta jħallsu, iżda jirċevuhom mingħand il-bejjiegħa bl-imnut bħala bqija. Il-muniti jidher li jiġu trattati bħala oġġetti mingħajr valur u spiss huma maħżuna aktar milli ċirkolati mill-ġdid.

Minkejja li l-inflazzjoni baqgħet f'livell baxx ħafna sa mit-tnedija tal-euro, il-kapaċità tal-akkwist tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro diġà naqas sostanzjalment, billi naqas għal EUR 0.81c bħala medja għall-muniti taċ-ċenteżmu (1) tal-euro.

3.1.2.     Attività li qed tagħmel telf

L-ispejjeż globali tal-ħruġ tal-muniti huwa diffiċli biex wieħed jivvalutah, minħabba li dan jinkludi l-produzzjoni, l-imballaġġ, it-trasportazzjoni, il-ħażna u distribuzzjoni oħra u spejjeż marbuta maċ-ċirkolazzjoni mill-ġdid għall-banek u l-bejjiegħa bl-imnut.

Meta wieħed iqis l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-muniti, jeħtieġ li jiġu investigati tliet komponenti ewlenin: (1) l-ispejjeż tal-prodott bażiku użat għall-blanks (it-token tal-metall li fuqha hija stampata l-munita); (2) l-ispiża tal-produzzjoni tal-blanks; (3) l-ispejjeż tal-produzzjoni finali (jiġifieri l-istampar) tal-muniti. Il-ksib ta’ informazzjoni dettaljata dwar il-bosta elementi dwar l-ispiża msemmijin hawn fuq mhuwiex faċli minħabba li l-atturi ewlenin involuti fil-proċess ta’ produzzjoni (jiġifieri l-produtturi tal-blank u z-zekek) ġeneralment iqisu dawn l-elementi bħala sensittivi għas-suq, u, bħala li jkunu koperti minn segretezza kummerċjali.

Minkejja dan, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi huma ġeneralment għoljin. Ħafna mill-Istati Membri huma kkonfrontati mill-ispejjeż tax-xiri li jaqbżu erba’ darbiet il-valur nominali tal-muniti nfushom, u dan iwassal għal dħul negattiv mill-produzzjoni tal-flus. Abbażi tal-indikazzjonijiet stipulati minn 5 Stati Membri, il-prezz medju tax-xiri mingħajr piż differenzjat ta’ dawn il-muniti għat-Teżori rispettivi jirrappreżenta madwar 150 % tal-valur nominali tagħhom, filwaqt li l-prezz medju b'piż differenzjat huwa qrib it-300 % (minħabba l-ispejjeż pjuttost għoljin esperjenzati minn Stat Membru wieħed kbir).

Filwaqt li t-tweġibiet għall-kwestjonarju ma pprovdewx informazzjoni sistematika dettaljata dwar il-bosta komponenti tal-ispiża tal-produzzjoni, xi indikazzjonijiet preliminari u mifruxa madankollu jistgħu jiġu determinati:

– L-ispejjeż tal-blanks tal-muniti jidhru li jammontaw għal madwar 50-60 % tal-valur nominali tal-munita, bi spiża relattiva ġeneralment iktar baxxa għall-muniti taż-żewġ ċenteżmi tal-euro milli għaċ-ċenteżmu tal-euro. . Dawn l-ispejjeż għoljin huma minħabba x-xiri tal-prodott bażiku (il-metalli). L-industrija tal-muniti esperjenzat proċess vertikali ta’ integrazzjoni, b’ċerti zekek u produtturi tal-blank jagħqdu l-forzi biex ikabbru l-profitabbiltà tagħhom f’negozju li huwa karatterizzat minn volum għoli u marġni żgħira fil-proċess tal-manifattura tal-blank.

– Sejbiet preliminari juru li l-ispiża tal-prodott bażiku tinkludi biss parti relattivament minuri tal-ispiża totali tax-xiri tal-prodott lest mit-Teżori nazzjonali. Il-varjazzjonijiet sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-muniti jistgħu għaldaqstant ma jiġux spjegati mill-ispejjeż tal-prodott bażiku jew tal-proċess ta’ produzzjoni tal-blank, iżda minflok għandu jkun attribwit mal-proċess finali tal-produzzjoni tal-muniti (jiġifieri l-istampar) li huwa magħmul miz-zekek nazzjonali taż-żona tal-euro.

– Aktar analiżi se tkun meħtieġa biex tinvestiga jekk il-varjazzjoni fl-ispejjeż fost iz-zekek taż-żona tal-euro nazzjonali hijiex ikkawżata mid-differenzi fl-ispejjeż tax-xogħol u/jew tal-kapital jew jekk hijiex marbuta ma' ineffiċjenzi potenzjali fil-proċess ta' produzzjoni. Id-differenzi sostanzjali tal-ispiża bejn iz-zekek nazzjonali jistgħu possibilment jiġu spjegati mill-pożizzjoni monopolistika taz-Zekek fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Fuq livell taż-żona tal-euro, il-proporzjoni differenzjat tal-piż bejn il-prezz tax-xiri u l-valur nominali tal-muniti li nħarġu jkun jimmarka spiża totali net kumulattiva tal-ħruġ - jew dħul negattiv mill-karti tal-flus - tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro ta’ EUR 1,4 biljun euros.

3.1.3.     L-utenti ġeneralment huma sodisfatti

F’termini ta’ aċċettazzzjoni pubblika, iċ-ċittadini ġeneralment huma favur il-ħruġ kontinwat. Evidenza mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar mill-Kummissjoni turi li ċ-ċittadini ġeneralment huma sodisfatti bid-denominazzjonijiet attwali tal-muniti, bi ftit inqas appoġġ għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro.

Iz-zekek jappoġġjaw il-ħruġ kontinwat ta’ dawn il-muniti, minħabba li l-istampar tagħhom jirrappreżenta parti sostanzjali tal-attività tagħhom. Sadanittant, il-federazzjonijiet tal-bank għandhom opinjoni newtrali dwar dan is-suġġett. Għandu jiġi nnutat li kemm iz-Zekek kif ukoll il-banek għandhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ispejjeż tagħhom mehmuża ma’ dawn il-muniti lill-klijenti tagħhom, permezz tal-ispejjeż tax-xiri u l-miżati tal-ipproċessar, rispettivament.

L-industrija tal-magni tal-bejgħ mhijiex imħassba dwar il-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi, minħabba li l-magni tal-bejgħ ma jaċċettawx dawn id-denominazzjonijiet. L-organizzazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut għandhom opinjonijiet differenti dwar il-kwistjoni tal-utilità tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro, minħabba li dawn jaffaċċjaw miżati għoljin ta' pproċessar (roll ta' ħamsin munita taċ-ċenteżmu jista’ pereżempju xi drabi jġib miegħu nefqa tal-ipproċessat ta’ 40 ċenteżmu) iżda fl-istess waqt, wieħed iħoss li dawn il-muniti huma utli għall-operazzjonijiet ta’ ħlas bl-imnut.

3.2.        Xenarju ta’ ħruġ kontinwat bi prezzijiet imnaqqsa (“xenarju ta’ ħruġ bi prezzijiet imnaqqsa")

Ix-xenarju tal-ħruġ bi spejjeż imnaqqsa huwa varjant tax-xenarju status quo u jġib miegħu l-ħruġ kontinwat tal-iżgħar denominazzjonijiet, filwaqt li jħares għal possibiltajiet biex inaqqas l-ispejjeż attwali eċċessivi tal-ħruġ. Hemm żewġ modi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xiri tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro, li mhumiex neċessarjament esklussivi bejniethom: il-bdil tal-kompożizzjoni tal-munita u/jew il-bdil tal-proċess ta' produzzjoni tal-munita.

3.2.1.     Il-bdil tal-kompożizzjoni tal-munita

L-ewwel miżura tkun li tinbidel il-kompożizzjoni tal-muniti u tiġi ottimizzata l-eżistenza tat-tolleranzi eżistenti tal-manifattura jew jintuża metall irħas, bħall-azzar inossidabbli, filwaqt li ma jinbidilx id-daqs tal-muniti. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98.

L-użu ta’ metall inqas prezzjuż jista’ f’ċerti każijiet iwassal għal bidla fil-kulur tal-muniti l-ġodda.

Filwaqt li l-opinjonijiet dwar il-kompożizzjonijiet alternattivi tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi (azzar inossidabbli, aluminju, żingu) u d-daqs tar-roħs potenzjali fl-ispejjeż huwa differenti, l-eżistenza ta' potenzjal li jnaqqas l-ispejjeż mhuwiex kontroversjali.

Madankollu, kif indikat qabel, l-ispiża tal-prodott bażiku tinkludi biss parti minuri tal-ispejjeż totali tal-prodott lest. In-nuqqas bejn l-ispejjeż għax-xiri u l-valur nominali ta' dawn il-muniti - kif ukoll id-differenzi importanti f'dan in-nuqqas bejn il-Membri taż-żona tal-euro - mhumiex minħabba l-ispejjeż tal-prodott bażiku, iżda aktar dwar il-proċess ta’ produzzjoni tal-muniti.

3.2.2.     Titjib fl-effiċjenza tal-proċess ta’ produzzjoni

Se jkun hemm bżonn aktar analiżi biex wieħed jinvestiga jekk il-varjazzjoni fl-ispejjeż fost iz-zekek taż-żona tal-euro nazzjonali (b'pereżempju Żekka waħda tkun kapaċi tipproduċi muniti taċ-ċenteżmu tal-euro għal inqas mill-valur nominali tagħhom u oħra tbiegħhom lit-Teżor erba' darbiet aktar il-valur nominali tagħhom) huma kkawżati mid-differenzi fix-xogħol u/jew spejjeż tal-kapital involuti fil-proċess tal-produzzjoni finali tal-muniti jew jekk huma marbuta ma’ ineffiċjenzi potenzjali fil-proċess tal-produzzjoni. L-indirizzar ta’ dawn id-defiċjenzi possibbli jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

L-applikazzjoni taż-żewġ settijiet ta’ miżuri, filwaqt li jitkompla l-ħruġ tad-denominazzjonijiet taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro, jista’ jkollu potenzjal sinifikanti għall-iffrankar. Filwaqt li l-ispejjeż l-oħra ta’ ħruġ (eż. marbuta mal-immaniġġjar bażiku) mhux se jkunu indirizzati u se titkompla produzzjoni żejda minħabba rata għolja ta’ telf, id-dħul negattiv ta’ karti tal-flus jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti, jekk mhux eliminat.

4.           Żewġ xenarji għall-irtirar tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro

4.1.        Irtirar b’telf mgħaġġel ta’ valuta legali (“xenarju ta’ rtirar mgħaġġel”)

It-tieni xenarju ewlieni huwa l-irtirar tal-muniti b’telf tal-valuta legali.

Skont dan ix-xenarju, il-ħruġ tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi se jieqaf u l-muniti jieqfu kważi immedjatament milli jkunu valuta legali. Dan ikun jeħtieġ emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98. Ir-regoli vinkolanti ta’ arrotondament legalment (tqarrib sal-eqreb ħames ċenteżmi) probabbilment ikun meħtieġ[5] u l-muniti jkunu rtirati b'mod attiv miċ-ċirkolazzjoni.

4.1.1.     Implikazzjonijiet ekonomiċi: impatt pożittiv fuq id-dħul fi flus kontanti iżda biża’ għal inflazzjoni mill-pubbliku ġenerali.

Kunsiderazzjoni ekonomika importanti tax-xenarju ta’ rtirar hija l-potenzjal ta’ ffrankar ta’ spejjeż. L-ispejjeż sostanzjali ta’ produzzjoni ta’ dawn il-muniti ż-żgħar se jiġi eliminat u d-dħul negattiv ta’ flus kontanti marbut mal-ħruġ tal-muniti f’ħafna Stati Membri jieqaf. In-negozji, is-supermarkets u l-bejjiegħa bl-imnut, b’mod partikolari, mhux se jkollhom aktar għalfejn jieħdu ħsieb ta’ mmaniġġjar ineffiċjenti u li jiswa’ l-flus ta’ muniti ta’ denominazzjoni żgħira[6], l-ispejjeż tagħhom jgħadduhom lill-klijenti tagħhom permezz ta’ miżati jew aġġustamenti fil-prezzijiet.

Meta mqabbla mal-iffrankar mistenni tal-ispejjeż, il-partijiet interessati għandhom it-tendenza li jemmnu li l-ispejjeż ta’ darba ta’ rtirar tal-muniti huma ta’ importanza sekondarja. Jista' jkun hemm impatt pożittiv ukoll fuq id-dħul tal-istat, minħabba l-eliminazzjoni potenzjali tal-ispejjeż imsemmija qabel tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-abolizzjoni tal-iktar żewġ denominazzjonijiet baxxi jista’ jżid kemxejn id-domanda għall-munita tal-ħames ċenteżmi tal-euro u probabbilment tal-għaxar ċenteżmi tal-euro, b’impatt pożittiv mistenni fuq id-dħul tal-karti tal-flus.

Min-naħa l-oħra, tħassib pubbliku maġġur huwa li x-xenarju ta’ rtirar mgħaġġel iżid l-inflazzjoni. Hemm il-biża' li l-abolizzjoni tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro jistgħu jwasslu għal żieda fil-prezzijiet minkejja l-applikazzjoni tar-regoli ta’ arrotondament. It-tqarrib ta’ somom finali jew prezzijiet individwali jista’ jwassal lill-konsumaturi biex jistennew tqarrib 'il fuq jew il-prezz dirett jiżdied fil-futur. Dan it-tħassib jgħodd b’mod partikolari jekk it-tqarrib jaffetwa oġġetti li jinxtraw ta’ spiss u huma tipikament imħallsa bi flus kontanti u għaldaqstant jistgħu jinfluwenzaw l-aspettattivi tal-inflazzjoni. Madankollu, l-irtirar mhuwiex mistennni li jkollu impatt sinifikanti fuq l-istabbiltà tal-prezz għal għadd ta' raġunijiet:

– L-ewwel, għadd ta’ studji wrew li l-effetti tal-inflazzjoni, jekk ikun hemm, ikunu limitati ħafna. Fis-Slovakkja, pereżempju, studju dwar l-impatti tal-inflazzjoni tal-irtirar tal-muniti tal-10 u l-20 Haller ikkonkluda li ċ-ċessjoni u regoli marbuta mat-tqarrib ikollhom biss impatt limitat tal-inflazzjoni, b’effetti ta’ inqas minn 0,01 %.

– It-tieni, esperjenza diretta bir-regoli dwar it-tqarrib fil-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi wriet li l-impatt tal-inflazzjoni kien minimu jew ma kien hemm l-ebda impatt.

– It-tielet, ir-regoli dwar it-tqarrib japplikaw biss għat-tranżazzjoni finali u mhux għal prezzijiet individwali, għaldaqstant jillimitaw il-potenzjal tal-impatt.

Filwaqt li irtirar bħal dan mhux mistenni jkollu impatt notevoli fuq l-inflazzjoni, l-esperjenza fil-bidla tal-flus kontanti euro madankollu turi li jista' jikkontribwixxi għal distorsjoni ta' perċezzjonijiet tal-inflazzjoni (b'perċezzjoni ta' żieda fil-prezzijiet li mhijiex imqabbla mad-dejta tal-HICP) u dan iwassal għal nuqqas ta' kuntentizza fost iċ-ċittadini. Ħafna partijiet interessati enfasizzaw, matul proċess ta' konsultazzjoni, li ċ-ċittadini bħalissa huma sensittivi ħafna għal pjanijiet u inizjattivi li jistgħu jitqiesu bħala li jaffetwaw il-qagħda finanzjarja tagħhom, b'mod partikolari minħabba l-ambjent ekonomiku ġenerali diffiċli. Jekk xenarju bħal dan jiġi implimentat, ikollu għalhekk, ikun akkumpanjat minn kampanja intensiva biex jinforma lill-pubbliku dwar il-prattikabbiltà tal-irtirar tal-muniti u r-regoli ta’ arrotondament li għandhom jiġu applikati.

4.1.2.     L-opinjoni taċ-ċittadini u tal-Istati Membri dwar irtirar ta' muniti ta’ denominazzjoni baxxa

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru mmexxi mill-Kummissjoni juri li ċ-ċittadini jidhru li huma sodisfatti bid-denominazzjonijiet tal-muniti tal-euro b’mod ġenerali. Il-minoranza taċ-ċittadini li mhumiex sodisfatti bl-istruttura tad-denominazzjoni preżenti tal-muniti ġeneralment jesprimu x-xewqa li l-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro jiġu rtirati.

Meta mistoqsija dwar l-għażla preferuta tagħhom bejn il-ħruġ kontinwat u l-irtirar tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro fil-konsultazzjoni formali, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma pprovdewx tweġiba għal din il-mistoqsija filwaqt li għadd żgħir għażlu l-irtirar. L-ebda konklużjoni soda ma tista’ tittieħed abbażi ta’ dan ir-riżultat parzjali.

4.2.        Irtirar permezz ta’ perjodu tnaqqis b’mod gradwali

Ix-xenarju tat-tnaqqis b’mod gradwali jkollu l-istess effett bħall-irtirar, iżda jinkiseb permezz ta’ deċiżjoni komuni tal-Istati Membri biex iwaqqfu l-ħruġ tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi, flimkien mal-applikazzjoni tar-regoli ta’ arrotondament. Dawn il-muniti se jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni bħala valuta legali iżda, jiġu rtirati progressivament, bħala konsegwenza konġunta tar-rata għolja ta’ telf u n-nuqqas ta’ ħruġ mill-ġdid. Il-valuta legali tal-muniti tiġi rtirata meta ċ-ċirkolazzjoni tagħha ssir purament żgħira.

4.2.1.     Ikumu meħtiġa regoli ta’ arrotondament

Ir-regoli ta’ arrotondament probabbilment jeħtieġ li jiġu introdotti biex jikkumpensaw in-nuqqas li dejjem jiżdied tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi, filwaqt li ma jipprevenux l-użu tagħhom (dawn il-muniti xorta waħda jistgħu jiżdiedu biex jagħqdu ħames ċenteżmi, bħal fil-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi). Tkun meħtieġa kampanja ta' informazzjoni biex tispjega kemm it-tnaqqis gradwali kif ukoll ir-regoli ta’ arrotondament.

4.2.2.     Iċ-ċirkolazzjoni tista’ ssir residwali fi ftit snin

Ir-ritmu eżatt tal-operazzjoni ma jistax jiġi previst b’mod preċiż, minħabba li ma hemmx dejta empirika dwar ix-xenarji ta’ tnaqqis gradwali mill-Istati Membri jew minn pajjiżi oħra.

Il-kalkolu ta’ hawn taħt jistimula l-effetti ta’ tnaqqis gradwali abbażi tar-rata medja ta’ telf (madwar (60 %), filwaqt li jiġi assumit li din tibqa’ stabbli maż-żmien. Ħafna mill-muniti jieqfu jiċċirkolaw f'perjodu ta’ żmien ta’ bejn erba’u ħames snin. Iċ-ċirkolazzjoni tagħhom issir purament residwali madwar is-sena 2020, li f'dak il-punt tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar l-irtirar tal-valuta legali tagħhom.

muniti taċ-ċenteżmu Rata annwali ta’ telf 60% || || muniti taż-żewġ ċenteżmi Rata annwali ta’ telf 60%

2013 || 2015 || 2017 || 2019 || 2021 || 2023 || 2025 || 2013 || 2015 || 2017 || 2019 || 2021 || 2023 || 2025

26,260 || 4,202 || 672 || 108 || 17 || 3 || 0 || 20,606 || 3,297 || 528 || 84 || 14 || 2 || 0

Għalkemm iċ-ċirkolazzjoni tal-muniti tonqos malajr taħt dan ix-xenarju, il-banek, is-supermarkets u bejjiegħa bl-imnut oħra jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' spejjeż għall-immaniġġjar tal-muniti li jkun għad baqa'. Madankollu, ma jkun meħtieġ l-ebda sforz attiv għall-irtirar.

5.           Konklużjonijiet

Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-analiżi ta' hawn fuq, jistgħu jsiru għadd ta' konklużjonijiet ewlenin fir-rigward tal-ħruġ kontinwat tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro.

– Il-produzzjoni tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro hija attività li qed tagħmel telf b’mod ċar għaż-żona tal-euro. Kull wieħed mill-erba’ xenarji biex jindirizza dawn il-problemi jista’ japplika għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro b’mod ugwali. L-analiżi ma qajmet l-ebda indikazzjoni li x-xenarji għandhom japplikaw għal denominazzjoni waħda minflok għall-oħra (jiġifieri l-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi) biss.

– L-attitudni tal-pubbliku ġenerali għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi hija paradossali: dawn jidhru li huma marbuta ma’ dawn id-denominazzjonijiet iż-żgħar u jibżgħu mir-riskju ta’ inflazzjoni jekk dawn għandhom jispiċċaw, iżda jimmaniġġjaw dawn il-muniti bħala oġġetti ta’ bla valur u ma jerġgħux jiċċirkolawhom fil-kanali tal-pagamenti. Ir-rata għolja ta’ telf li hija r-riżultat ta’ dan flimkien mal-eżistenza tal-prezzijiet psikoloġiċi wasslu għal domanda li dejjem tikber għall-ħruġ ta’ muniti żgħar ġodda.

– L-ekonomija tal-ħruġ taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro titlob għall-waqfien ta’ dan il-ħruġ. Minkejja dan, l-elementi tan-nefqa jeħtieġ jiġu bilanċjati ma’ kunsiderazzjonijiet oħra, b’mod partikolari r-reazzjoni negattiva mill-pubbliku ġenerali li r-regoli ta’ arrotondament jistgħu jġibu magħhom. B’mod partikolari dawn għandhom jiġu bilanċjati wkoll mal-isfond tal-perspettiva ekonomika dipressiva attwali.

– Id-diskuzzjonijiet bejn il-partijiet interessati huma meħtieġa abbażi tal-erba’ xenarji deskritti hawn fuq. Jekk ikun hekk preferenza ċara, il-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa.

[1]               Premessa 7 tar-Regolament (UE) Nru 651/2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 135).

[2]               Il-livell ta’ telf jista’ jkun deskritt minn rata ta’ telf, li hija l-kalkolu ta’ wieħed inqas mir-rata ta’ ċirkolazzjoni, fejn dan tal-aħħar huwa n-numru ta’ muniti li huma ritornati lill-bank ċentrali kondiviżi mill-għadd ta’ muniti li jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni.

[3]               Grupp ta’ “partijiet interessati ewlenin" kien ikkonsultat f'Awwissu u Settembru 2012 permezz ta’ kwestjonarji dwar żewġ xenarji ewlenin għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro: il-ħruġ kontinwat u l-irtirar potenzjali tal-muniti. Il-partijiet interessati rilevanti kienu identifikati u maqsuma f’żewġ gruppi ewlenin: il-partijiet interessati ewlenin pubbliċi mill-Istati Membri (jiġifieri l-amministrazzjonijiet nazzjonali, iz-zekek nazzjonali, u l-banek ċentrali) u l-BĊE u partijiet interessati ewlenin privati mill-assoċjazzjonijiet Ewropej u n-negozju (assoċjazzjonijiet tal-banek, flus kontanti fin-negozju tat-trasport, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-bejgħ bl-imnut).

[4]               Ara l-Artikolu 1 tar-Regolamanet (KE) Nru 975/98 (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/1999.

[5]               Il-qafas tal-ħruġ u l-użu tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi fil-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi huwa differenti mis-sitwazzjoni fil-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-euro.

Ftit wara l-bidla għall-euro, il-Finlandja naqset il-ħruġ tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi għal ammonti żgħar. Il-Pajjiżi l-Baxxi segwew dan l-approċċ f'Settembru 2004. Iż-żewġ pajjiżi jżommu l-livell ta’ muniti taċ-ċenteżmu ż-żewġ ċenteżmi tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni baxx minħabba r-regoli ta’ arrotondament. Fil-Finlandja, ir-regoli ta’ arrotondament għall-eqreb ħames ċenteżmi stabbiliti mil-liġi għall-ħlas fi flus kontanti, filwaqt li regoli simili huma implimentati fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Settembru 2004, abbażi ta' arranġament bejn is-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur.

[6]               Iż-żewġ aspetti kienu l-muturi ewlenin tal-abolizzjoni riċenti tal-iktar denominazzjonijiet baxxi fl-Isvezja fl-2010 (50 munita tal-øre = madwar EUR 5,5 ċenteżmi) u l-Kanada fl-2013 (munita taċ-ċenteżmu = madwar EUR 0,7 ċenteżmu).

Top