EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0615

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozju: kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

/* COM/2012/0615 final */

52012DC0615

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozju: kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv /* COM/2012/0615 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozju: kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

WERREJ

1........... Introduzzjoni u kuntest.................................................................................................... 4

2........... L-istat attwali tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet korporattivi fl-UE........................... 7

3........... Liema huma l-ostakoli għall-bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet fit-tmexxija tan-negozju. 10

4........... Miżuri meħuda fil-livell tal-Istati Membri biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija korporattiva.................................................................................................................................... 13

5........... Nibnu fuq il-każ ekonomiku u tan-negozju: inizjattiva leġiżlattiva ġdida tal-UE biex jiżdied il-pass tal-progress lejn parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji elenkati.................. 14

6........... Politika komprensiva biex isservi ta' bażi għall-inizjattiva leġiżlattiva l-ġdida tal-UE.......... 16

1.           Introduzzjoni u kuntest

L-aħħar deċennji raw progress sinifikanti għan-nisa fil-kisbiet edukattivi, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-pożizzjoni fis-soċjetà Ewropea kollha kemm hi. Illum, jiggradwaw iktar nisa milli rġiel mill-universitajiet: 60% tal-gradwati mill-università huma nisa. Illum il-ġurnata, aktar nisa jaħdmu fl-Ewropa minn qatt qabel: ir-rata tal-impjieg tagħhom qabżet is-60% u l-UE qed tagħmel iktar użu mit-talenti tagħha u użu aħjar mill-ħiliet tagħha. Illum, huwa ċar li n-nisa u l-irġiel ma jistgħux jiġu diskriminati għal raġunijiet ta' sess.

L-UE kkontribwiet għal dan il-progress permezz ta' bosta miżuri bħal-leġiżlazzjoni, finanzjament immirat u programmi ta' azzjoni, miżuri speċifiċi għall-avvanz tan-nisa, djalogu soċjali u djalogu mas-soċjetà ċivili. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali, valur komuni tal-UE, u kundizzjoni neċessarja għall-kisba tal-objettivi tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Hija saret qasam stabbilit sew ta' azzjoni ta' politika kif inhu minqux fit-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-ugwaljanza bejn is-sessi ġiet progressivament integrata fil-politiki kollha tal-UE, u issa hija ankrata sew, pereżempju fil-politiki tal-impjieg u l-koeżjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-proċess tal-Ewropa 2020.

Dan kien possibbli għaliex sa mis-snin bikrija tagħha, l-Unjoni Ewropea ngħatat mill-Istati Membri l-kompetenza u l-awtorità sabiex taġixxi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Lura fl-1957, it-Trattat ta' Ruma diġà inkluda l-prinċipju ta' paga ndaqs għall-istess xogħol għan-nisa u l-irġiel. Bil-każ Defrenne fl-1971[1], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li dan il-prinċipju kien applikabbli direttament, u b'hekk tat liċ-ċittadini d-dritt li jiddependu fuqha direttament fil-qrati nazzjonali u wittiet it-triq għal-liġi moderna Ewropea tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Billi t-Trattati tal-UE jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta miżuri sabiex tiżgura opportunitajiet ugwali u trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, il-Kummissjoni matul is-snin ħadet għadd ta' passi leġiżlattivi fil-qasam tal-impjieg, b'mod partikolari l-prinċipju ta' paga ndaqs u l-prinċipju li n-nisa u l-irġiel għandu jkollhom l-istess opportunitajiet ta' taħriġ u promozzjoni[2]. Hija pproponiet ukoll strumenti legali li jistabbilixxu trattament ugwali fis-sigurtà soċjali u għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi li jgħinuhom[3], u b'hekk tejbet b’mod konsiderevoli l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom. Leġiżlazzjoni importanti ġiet promossa wkoll fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali[4].

Il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi bil-qawwa l-ugwaljanza bejn is-sessi wkoll fost il-ħaddiema tagħha stess. Hija adottat fl-2010 l-Istrateġija interna tagħha stess[5], bil-għan li tkompli tibni fuq il-progress konsiderevoli li sar matul dawn l-aħħar snin f'termini ta' rappreżentazzjoni tan-nisa fost il-persunal tagħha. L-istrateġija tiddefinixxi miri għar-rappreżentanza tan-nisa f'livell ta' maniġment għoli u tan-nofs, u wkoll fil-livell ta' amministraturi mhux maniġerjali, li jridu jintlaħqu sa tmiem l-2014. Grazzi għal dawn il-miri, fl-1 ta' Ottubru 2012, 27,2% tal-maniġers għolja tal-Kummissjoni kienu nisa (inkluża s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni) filwaqt li n-nisa kienu jikkostitwixxu 28,7% tal-maniġers ta' livell tan-nofs[6], li huwa punt tat-tluq tajjeb biex isir iktar progress sal-2020. Barra minn hekk, wara s-sejħa tal-President Barroso lill-kapijiet ta' Stat u Gvern biex iħarsu lejn il-bilanċ bejn is-sessi bħala għan komuni u responsabilità komuni u biex jagħtu attenzjoni partikulari għall-preżenza tan-nisa fil-Kulleġġ, illum, terz tal-membri tal-Kulleġġ huma nisa.

Minkejja l-progress, it-triq lejn l-ugwaljanza effettiva tibqa', madankollu, twila u mimlija ostakli. L-iżbilanċi bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi huma emblematiċi ta' din ir-realtà, u s-sitwazzjoni fil-bordijiet korporattivi hija ta' diżappunt bi ftit sinjali ta' titjib. Madwar l-UE, il-bordijiet tal-kumpaniji huma bħalissa ddominati minn sess wieħed: 86,3% tal-membri tal-bordijiet huma rġiel filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw biss 13,7% (15% fost id-diretturi mhux eżekuttivi). 96,8% taċ-Chairpersons huma rġiel u 3.2% biss huma nisa.

In-nisa u l-irġiel għandu jkollhom l-istess opportunitajiet u jingħataw l-istess possibbiltajiet biex jieħdu pożizzjonijiet ta' tmexxija. Dan il-prinċipju ġie mniżżel b'mod ċar fl-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015. Din mhijiex biss kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Hemm ukoll każ kummerċjali u ekonomiku stabbilit sew favur żieda fil-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fin-negozju. Użu effiċjenti tal-kapital uman jikkostitwixxi l-aktar fattur importanti tal-kompetittività ta' ekonomija u huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi tal-UE u biex nikkompetu b'suċċess f'ekonomija globalizzata. Bosta studji wrew li hemm korrelazzjoni pożittiva bejn id-diversità tas-sessi fl-ogħla livell ta' ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja u l-profittabilità tal-kumpanija. Rappreżentazzjoni akbar tan-nisa fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fl-Unjoni għalhekk jista' jkollha impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji.

L-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku. It-tisħiħ tal-preżenza tan-nisa fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE mhux biss jaffettwa b’mod pożittiv lin-nisa maħtura, iżda għandu wkoll il-potenzjal li jiġbed it-talent femminili lejn il-kumpanija u jżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u fost il-ħaddiema. Għalhekk, li jsir użu sħiħ mir-riżerva ta' talent femminili jtejjeb ir-rendiment fuq l-edukazzjoni kemm għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku. Fl-aħħar mill-aħħar, li jsir użu sħiħ mir-riżerva tat-talent tan-nisa huwa indispensabbli biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, partikolarment il-mira ta' 75% tagħha.

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea ħadet għadd ta' miżuri li ma jorbtux immirati biex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet. B'mod partikolari, fuq proposti mill-Kummissjoni, żewġ rakkomandazzjonijiet ġew adottati mill-Kunsill dwar dan is-suġġett, fl-1984[7] u l-1996[8]. Madankollu, dawn (ir-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti) ma rriżultawx fi progress materjali. Bħala konsegwenza, il-livell baxx ta' parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabilità żviluppa fi kwistjoni ta' tħassib dejjem akbar.

L-2010 u l-2011 raw impenn imġedded fil-livell tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati. Il-Kummissjoni identifikat "L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet” bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Karta dwar in-Nisa[9] u tal-Istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015[10]. F'Marzu 2011, il-Kummissjoni nidiet “Impenn għall-Ewropa Nisa fuq il-Bordijiet"[11], sejħa għal kumpaniji kkwotati fil-borża fl-Ewropa biex volontarjament jintrabtu li jżidu l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet tagħhom għal 30% sal-2015 u għal 40% sal-2020. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju tas-6 ta' Lulju 2011[12], ħeġġeġ lill-kumpaniji biex jilħqu l-limitu kritiku ta' parteċipazzjoni femminili ta' 30 fil-mija fil-korpi tal-ġestjoni sal-2015 u 40 fil-mija sal-2020. Hu stieden lill-Kummissjoni, jekk il-passi meħuda mill-kumpaniji u l-Istati Membri jinstabu li huma inadegwati, li tipproponi leġiżlazzjoni sal-2012, inklużi kwoti. Il-Parlament Ewropew tenna dik is-sejħa għal leġiżlazzjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011[13]. Barra minn hekk, fil-programm ta' ħidma 2012-14 tagħhom, l-imsieħba soċjali Ewropej irriaffermaw l-impenn tagħhom għal aktar azzjoni biex jippromwovu n-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

F’Marzu 2012, il-Kummissjoni ħadet kont tas-sitwazzjoni[14], u sabet titjib annwali medju ta' 0,6 punti perċentwali biss matul l-aħħar snin. B’din ir-rata baxxa ta' progress, ikunu meħtieġa aktar minn 40 sena qabel ma l-kumpaniji b’mod naturali jilħqu rappreżentazzjoni bilanċjata bejn is-sessi fil-bordijiet. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar azzjoni possibbli biex tittratta dan l-iżbilanċ. Hija għamlet ukoll valutazzjoni tal-impatt dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-qagħda attwali tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija. Hija tenfasizza l-ostakli ewlenin għall-progress fil-karrieri tan-nisa u tispjega kif inizjattiva leġiżlattiva ġdida tal-UE, kif proposta mill-Kummissjoni flimkien ma' din il-Komunikazzjoni[15], biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati, tagħmel il-bidla strutturali u irriversibbli. Billi r-raġunijiet għas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fit-tmexxija tan-negozju għandhom bosta aspetti, il-Kummissjoni tipproponi sett ta' miżuri ta' akkumpanjament biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozju sabiex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw proposti leġiżlattivi u jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha.

2.           L-istat attwali tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet korporattivi fl-UE

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet korporattivi għadha baxxa

Minkejja li jirrappreżentaw madwar 45% tal-persuni impjegati fl-UE u 56% tan-nies fl-edukazzjoni terzjarja, in-nisa jirrappreżentaw biss 13,7% tal-membri tal-bordijiet fl-akbar kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE (ara l-Figura 1). In-nisa jokkupaw kwart tas-siġġijiet fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati kbar fil-Finlandja, il-Latvja u l-Isvezja u ftit aktar minn wieħed minn ħamsa fi Franza. Iżda hemm inqas minn waħda minn 10 fl-Irlanda, il-Greċja, l-Estonja, l-Italja, il-Portugall, il-Lussemburgu u l-Ungerija, inqas minn waħda minn 20 f'Ċipru u madwar waħda minn 30 f'Malta[16].

Figura 1 – in-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati, Jannar 2012

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi ta' Dejta dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet u Stħarriġ tal-Eurostat dwar il-Forza tax-Xogħol

Nota: F'pajjiżi b'sistemi unitarji (b'livell wieħed), jingħadd il-bord tad-diretturi (inklużi diretturi non-eżekuttivi u eżekuttivi). F'pajjiżi b'sistema b'żewġ livelli, jingħadd biss il-bord superviżorju.

Fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-ikbar kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE in-nisa jirrappreżentaw biss 15% (ara Figura 2).

Figura 2 – Nisa fuq il-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati: il-membri eżekuttivi u mhux eżekuttivi (Jannar 2012)

Sors: Il-Bażi tad-Dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

Nota: F'sistema bbażata fuq livell wieħed, dejta dwar persuni li mhumiex eżekuttivi tirreferi għall-membri tal-bord mhux eżekuttivi u dejta dwar eżekuttivi tirreferi għall-membri tal-bord eżekuttivi. F'sistema bbażata fuq żewġ livelli, dejta dwar persuni li mhumiex eżekuttivi tirreferi għall-membri tal-bord superviżorju u dejta dwar eżekuttivi tirreferi għall-membri tal-bord eżekuttiv/tal-ġestjoni. F'xi okkażjonijiet, huwa possibbli li l-bord superviżorju jinkludi wieħed jew aktar mill-membri eżekuttivi (pereżempju, is-CEO u s-CFO). F'dan il-każ dawn huma inklużi fiċ-ċifri tal-eżekuttivi, għalkemm l-individwi li jieħdu sehem fiż-żewġ bordijiet jingħaddu darba biss. Iċ-ċifri mhux eżekuttivi f’dan il-każ xorta jirriferu għat-total tal-membri tal-bord superviżorju u jistgħu, għalhekk, jinkludu xi eżekuttivi iżda n-numri kkonċernati mhumiex sinifikanti u ma għandhomx jaffettwaw ir-riżultat finali.

Il-progress huwa bil-mod u inkonsistenti madwar l-Istati Membri tal-UE

Bejn l-aħħar tal-2003 u l-bidu tal-2012, is-sehem tan-nisa fil-bordijiet tela’ minn 8,5% għal 13,7%, bidla ta' medja ta' 0,6 punti perċentwali kull sena. Titjib żgħir ta' 1,9 punti perċentwali ġie rreġistrat bejn Ottubru 2010 u Jannar 2012, marbut mad-dibattitu pubbliku intensiv mibdi mill-appelli għall-azzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew. Dan kien segwit f'xi Stati Membri b'passi konkreti biex jiġi aċċellerat il-pass tal-bidla.

Madankollu, il-progress jibqa’ wieħed bil-mod billi aktar minn sitta minn kull seba' membri tal-bordijiet huma rġiel (86,3%) u s-sitwazzjoni fil-pajjiżi individwali tvarja. Franza, li adottat kwota legalment vinkolanti f'Jannar 2011, rat l-aktar titjib notevoli (10 punti perċentwali) u rrappreżentat 40% tat-total tal-bidla fl-UE kollha, filwaqt li xi Stati Membri saħansitra rreġistraw tendenza negattiva (ir-Rumanija, l-Ungerija, is-Slovakkja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Estonja).

Figura 3 – Bidla fis-sehem tan-nisa fil-bordijiet korporattivi, Ottubru 2010-Jannar 2012

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi tad-Dejta dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

3.           Liema huma l-ostakoli għall-bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet fit-tmexxija tan-negozju

L-iżbilanċi bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija korporattiva huma biss il-parti żgħira li tidher

L-iżbilanċi bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija korporattiva huma importanti, iżda huma biss il-parti żgħira li tidher minn sitwazzjoni iktar mifruxa ta' inugwaljanzi fis-soċjetà tagħna. Hemm diversi kawżi ta' dan li jakkumulaw matul il-ħajja tal-mara jew tar-raġel. Għalkemm l-għadd ta' nisa fit-tmexxija qed jiżdied, l-evidenza turi li għad hemm ħafna ostakli li jridu jingħelbu.

Il-kawżi jirriżultaw mir-rwoli tradizzjonali tas-sessi, id-diviżjoni tax-xogħol, l-għażliet edukattivi tan-nisa u l-irġiel, u l-konċentrazzjoni tan-nisa fi ftit setturi okkupazzjonali.

Għad hemm differenzi kbar fit-tip ta' edukazzjoni segwita min-nisa u l-irġiel. In-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fis-suġġetti tax-xjenzi, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM)[17], li hemm l-akbar domanda għalihom fis-suq tax-xogħol. Dawn id-differenzi bejn is-sessi huma relatati mal-attitudni tal-istudenti lejn is-suġġetti, bħall-motivazzjoni u l-interess, li huma ffurmati minn età żgħira[18] u li huma marbuta wkoll mal-perċezzjoni tar-rwoli differenti tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà.

Darba jkunu fis-suq tax-xogħol, in-nisa għandhom it-tendenza jikkonċentraw fuq numru żgħir ta' okkupazzjonijiet li ħafna drabi huma mħallsa inqas u inqas apprezzati. Dan jista' jkollu impatt negattiv fuq il-possibbiltajiet ta' aċċess tagħhom fl-ogħla pożizzjonijiet fil-kumpaniji. Kważi 29% tan-nisa li jaħdmu fl-UE huma impjegati f’biss sitta minn 130 kategorija standard tax-xogħol[19] filwaqt li l-ogħla sitt impjiegi għall-irġiel jirrappreżentaw kważi 20% tal-irġiel kollha fis-suq tax-xogħol. Fl-attivitajiet ekonomiċi differenti[20], in-nisa jikkostitwixxu kważi 83% ta' dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u l-ħidma soċjali u ftit aktar minn 71% ta' dawk impjegati fl-edukazzjoni, filwaqt li jammontaw għal ftit aktar minn 62% tal-impjiegi totali fil-bejgħ bl-imnut[21].

In-nuqqas ta' appoġġ biex jiġu bbilanċjati r-responsabbiltajiet tal-kura max-xogħol jibqa' sfida ewlenija

In-nuqqas ta' offerta komprensiva u bilanċjata ta' miżuri ta' xogħol flessibbli għadha ostakolu kbir biex in-nisa jitilgħu f’pożizzjonijiet ta' tmexxija[22]. Għaxar Stati Membri tal-UE biss laħqu l-għan ta' Barċellona[23] ta' rata ta' kopertura tal-kura tat-tfal ta' 33% għal tfal taħt it-tliet snin, filwaqt li disgħa Stati Membri biss laħqu l-għan ta' Barċellona ta' rata ta' kopertura ta' 90% għal tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja tal-iskola[24].

Dan għandu konsegwenzi żbilanċjati fuq ix-xejriet tax-xogħol tan-nisa u tal-irġiel.

In-nisa jkomplu jadattaw il-mudelli tax-xogħol tagħhom għan-nuqqas jew l-inadegwatezza ta' miżuri ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata. Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa tonqos mal-għadd ta' tfal, filwaqt li r-rata tal-impjieg tal-irġiel tiżdied mal-ewwel u t-tieni wild. In-nisa jiffaċċjaw interruzzjonijiet tal-karriera aktar frekwenti u inċidenzi ogħla ta' arranġamenti ta' xogħol flessibbli u ta' xogħol part-time mill-irġiel. Dan għandu impatt qawwi fuq il-possibilità tan-nisa li jaħdmu full time, jibbenefikaw mill-opportunitajiet tat-taħriġ u javvanzaw fil-karrieri tagħhom b’kundizzjonijiet ugwali bħall-irġiel. Fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu impatt negattiv fuq il-paga u l-pensjonijiet tagħhom. Huwa rikonoxxut li x-xogħol part-time u l-interruzzjonijiet fil-karriera huma ostakli għall-promozzjoni f'pożizzjonijiet għolja.

Figura 4 – Ir-rata tal-impjiegi skont l-istatus tal-ġenituri (fl-etajiet bejn 25-49 sena) — 2011

(Differenza f'punti perċentwali fir-rata tal-impjiegi bil-preżenza ta' wild wieħed taħt it-12-il sena u mingħajr il-preżenza ta' tfal)

Sors: Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea, medji annwali.

Is-“saqaf tal-ħġieġ” għadu limitu kbir.

L-esperjenza turi li anke nisa li rnexxielhom jegħlbu l-ostakli msemmija hawn fuq u huma lesti biex jiddaħħlu fil-bordijiet fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu jiffaċċjaw ostakoli għall-progress tagħhom sal-ogħla livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li ħafna drabi ssir referenza għalihom bħala “s-saqaf tal-ħġieġ”, irrispettivament mir-rieda tagħhom li javvanzaw u l-kwalifiki akkademiċi u professjonali tagħhom.

In-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji tal-FTSE 100 fir-Renju Unit għandhom kredenzjali edukattivi aħjar minn tal-irġiel[25] bħala medja. L-istess jgħodd għan-nisa li jidħlu f’bordijiet korporattivi fin-Norveġja[26].

F'Settembru 2011, l-Iskejjel tal-Kummerċ Ewropej u n-Nisa Eżekuttivi Għolja nedew sejħa għal azzjoni kontra s-saqaf tal-ħġieġ. Fl-2012 huma stabbilixxew lista ta' "Nisa Lesti għall-Bordijiet" (b’madwar 7 500 isem) biex jagħmluha ċara li hemm aktar milli biżżejjed nisa eminentement kwalifikati biex jgħinu fit-tmexxija tal-korporazzjonijiet tal-Ewropa u tad-dinja u li wasal iż-żmien biex jitkisser is-saqaf li żamm lin-nisa milli jilħqu pożizzjonijiet fil-bordijiet tad-diretturi[27].

In-nisa għandhom żvantaġġ relattiv meta mqabbla mal-irġiel billi jridu jegħlbu l-prekonċezzjonijiet dwar ir-rekwiżiti għal pożizzjonijiet ta' tmexxija, id-diskriminazzjoni u l-isterjotipi[28]. Ostakli sottili, inkluż il-perċezzjoni li n-nisa jew mhumiex interessati jew mhumiex kapaċi li jwettqu ċerti kompiti, jew li dawn il-karigi huma impjiegi “maskili”, ikomplu jżommu l-biċċa l-kbira tan-nisa staġnati f'livelli ta' ġestjoni aktar baxxi fil-kumpaniji.

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru mill-2011, 88% tal-Ewropej jaħsbu li n-nisa għandhom ikunu rappreżentati b'mod ugwali f’pożizzjonijiet ta' tmexxija tan-negozju u 78% minnhom jaħsbu li l-komunità tan-negozju Ewropea hija ddominata minn irġiel li ma għandhomx biżżejjed fiduċja fl-abbiltajiet tan-nisa[29].

Fi stħarriġ ta' 500 mara f’pożizzjonijiet għolja f’korporazzjonijiet u ditti professjonali madwar l-Ewropa[30], żewġ terzi ta' dawk intervistati enfasizzaw l-isterjotipi u l-prekonċezzjonijiet dwar ir-rwoli u l-abilitajiet tan-nisa bħala l-akbar ostaklu li ffaċċjaw.

In-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-prattika tar-reklutaġġ u l-promozzjoni.

In-nuqqas attwali ta' nisa f'pożizzjonijiet għolja jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, inklużi l-attitudni tagħhom lejn l-ugwaljanza tas-sessi u l-ħatra ta' aktar nisa fil-bordijiet, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fit-tul. Dan huwa aggravat min-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-proċessi tar-reklutaġġ u l-promozzjoni. Il-ħatriet fuq bordijiet jiddependu ħafna mill-kuntatti personali u professjonali kurrenti ta' membri kurrenti tal-bord.

In-nuqqas ta' trasparenza fil-ħatriet għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet għadu ostakolu għall-progressjoni tal-karrieri tan-nisa. Din il-kwistjoni kienet enfasizzata minn diversi partijiet interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni[31].

Iż-żieda fis-sehem ta' nisa fil-bordijiet korporattivi tista' tattira talent femminili lejn il-kumpaniji u twassal għal rappreżentazzjoni akbar tan-nisa fil-livelli kollha tal-maniġment. Hija wkoll mistennija li jkollha effett residwu pożittiv fuq l-impjieg tan-nisa fil-kumpaniji kkonċernati u fuq it-tkabbir ekonomiku fit-tul fl-ekonomija kollha. Il-promozzjoni ta' mentoring adegwat, sponsorizzazzjoni, opportunitajiet ta' taħriġ u mudelli għall-oħrajn huma meħtieġa biex jiżdied in-numru ta' nisa fir-riżerva ta' talent fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni u fi rwoli eżekuttivi għolja, li minnhom ħafna drabi huma reklutati l-kandidati għall-bordijiet.

4.           Miżuri meħuda fil-livell tal-Istati Membri biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija korporattiva

Firxa ta' inizjattivi ttieħdu fl-Istati Membri

L-importanza li tittejjeb malajr il-preżenza tan-nisa fit-tmexxija tan-negozju, partikolarment fil-bordijiet korporattivi, hija għolja fuq l-aġenda politika mhux biss fil-livell tal-UE, iżda wkoll fil-livell nazzjonali. Ittieħdu firxa ta' inizjattivi mill-gvernijiet, mill-imsieħba soċjali, min-negozji individwali u minn partijiet interessati oħra biex jiżdied il-pass tal-progress.

Inizjattivi volontarji

Diversi Stati Membri tal-UE żviluppaw għodod u inizjattivi volontarji biex jindirizzaw is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta' tmexxija għolja[32]. Dawn il-miżuri għandhom il-vantaġġ ta' aktar flessibilità u sens akbar ta' responsabilità diretta għall-kumpaniji li jieħdu dawn il-miżuri. Madankollu, minkejja li ppromwovew żviluppi pożittivi, għadhom ma wasslux għal progress notevoli.

Miżuri leġiżlattivi bi kwoti obbligatorji

Iċ-ċifri juru li l-miżuri leġiżlattivi jwasslu għal progress aktar sostanzjali meta mqabbla ma' inizjattivi volontarji, speċjalment jekk ikunu akkumpanjati b'sanzjonijiet. Dan huwa manifestat bl-aktar mod ċar permezz tal-impatt tal-leġiżlazzjoni Norveġiża, li issa hija stabbilita sew, li timponi kwota legalment vinkolanti ta' 40% bix-xoljiment tal-kumpanija bħala sanzjoni f’każ ta' nuqqas ta' konformità, u – fi ħdan l-UE – bis-sitwazzjoni fi Franza fejn hija fis-seħħ fkwota legalment vinkolanti ta' 20% fi żmien 3 snin (2014) u 40% fi żmien 6 snin (2017). Stati Membri oħra tal-UE adottaw ukoll tipi differenti ta' regoli ta' kwota (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja)[33].

5.           Nibnu fuq il-każ ekonomiku u tan-negozju: inizjattiva leġiżlattiva ġdida tal-UE biex jiżdied il-pass tal-progress lejn parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji elenkati

Il-każ ekonomiku u tan-negozju huwa kkonfermat

L-isforzi biex tintlaħaq il-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija korporattiva għadhom ma pproduċewx riżultati sostantivi u hemm distakk dejjem akbar bejn l-Istati Membri fl-UE, kemm f'termini ta' progress fattwali kif ukoll fit-tip ta' miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.

L-UE ma tistax taffordja dan l-iżbilanċ sistematiku bejn is-sessi fl-ogħla livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u l-ħela ta' talenti u riżorsi li jirriżultaw.

Hemm każ ekonomiku u kummerċjali favur id-diversità tas-sessi fil-bordijiet, inkluż riċerka reċenti[34]. Id-diversità tas-sessi fil-bordijiet intwera li twassal għal ideat innovattivi, żieda fil-kompetittività u prestazzjoni, u governanza korporattiva mtejba. Huwa sinjal ta' ftuħ għal aktar fehmiet u rispett għad-differenzi bejn il-partijiet interessati – l-azzjonisti, l-investituri, l-impjegati u l-konsumaturi — u dan juri r-rikonoxximent tal-kumpanija tal-kumplessità tas-swieq dinjija u t-tħejjija tagħha biex tikkompeti b’mod effettiv fil-livell dinji.

Minħabba n-nuqqas ta' progress suffiċjenti u sostenibbli fil-kisba ta' bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet u l-fatt li din hija sfida li jaffaċċjaw l-Istati Membri kollha tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea esplorat firxa ta' għażliet għal miżuri mmirati biex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew.

L-analiżi ta' dawn l-għażliet turi li li jsir użu sħiħ mill-forza tax-xogħol femminili tal-UE se jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, partikolarment quddiem il-bidla demografika u l-kriżi attwali.

Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-UE

Li nkomplu għaddejjin bir-ritmu attwali mhux se jwassal għal żieda sostanzjali ta' nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji elenkati madwar l-UE. Ir-regolamentazzjoni mferrxa u diverġenti jew in-nuqqas ta' regolamentazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji jwasslu għal diskrepanzi fl-għadd ta' nisa fost diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi u rati differenti ta' titjib madwar l-Istati Membri. Jistgħu wkoll joħolqu ostakoli għas-suq intern billi jimponu rekwiżiti ta' governanza korporattiva u sanzjonijiet diverġenti fuq il-kumpaniji Ewropej.

Il-potenzjal għall-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kompetittività u t-tkabbir jista' jinkiseb aħjar permezz ta' azzjoni kkoordinata fuq il-livell tal-UE minflok milli permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' ambitu, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi miżura leġiżlattiva biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fuq il-borża.

L-iffukar fuq kumpaniji elenkati

Minħabba l-importanza ekonomika tagħhom, il-viżibilità u l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-UE, miżura leġiżlattiva fil-livell tal-UE għandha tapplika biss għal kumpaniji elenkati, jiġifieri kumpaniji fi Stat Membru li t-titoli tagħhom huma miftuħa għan-negozju f'suq regolat[35]. Kumpaniji elenkati li huma SMEs għandhom ikunu eżentati, għaliex l-obbligu li jilħqu l-mira jista' joħolqilhom piż amministrattiv sproporzjonat.

Minbarra l-importanza ekonomika tagħhom — b’fatturat totali ekwivalenti għal 68% tal-PDG tal-UE — il-kumpaniji elenkati huma wkoll viżibbli ħafna. Huma jistabbilixxu standards għall-ekonomija kollha u jista' jiġi mistenni li l-prattiċi tagħhom jiġu segwiti minn tipi oħra ta' kumpaniji.

Twaqqif ta' objettivi

Il-miżura leġiżlattiva, ibbażata fuq l-Artikolu 157(3) TFUE, tistabbilixxi objettiv minimu ta' 40% għas-sess l-anqas irrappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati, li għandu jintlaħaq sal-2020, jew sal-2018 għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi. Hija tobbliga lil kumpaniji taħt dan il-livell ta' rappreżentazzjoni sabiex jagħmlu ħatriet għal dawn il-pożizzjonijiet sabiex jiksbu dan l-objettiv fuq il-bażi ta' proċedura ta' selezzjoni bbażata fuq kriterji ta' kwalifika prestabbiliti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-objettivi stabbiliti taħt din il-proposta għandhom japplikaw biss għal diretturi mhux eżekuttivi sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiżdied id-diversità tas-sessi tal-bordijiet fuq naħa u l-ħtieġa li jiġu mminimizzati l-interferenzi mal-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji fuq in-naħa l-oħra.

Sabiex jinkiseb dak l-objettiv u, b’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-għażla tad-diretturi mhux eżekuttivi, tingħata prijorità lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat jekk dak il-kandidat ikun ikkwalifikat b'mod ugwali għall-kandidat tas-sess l-ieħor f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, u jekk valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi għall-kandidati individwali ma tinklinax il-bilanċ favur kandidat tas-sess l-ieħor.

Fir-rigward ta' diretturi eżekuttivi, il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu obbligati li jistabbilixxu l-impenji tagħhom stess, li għandhom jintlaħqu fi ħdan l-istess qafas ta' żmien bħall-objettivi għal diretturi mhux eżekuttivi.

Sistema ta' infurzar u monitoraġġ effettiva

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi jekk dawn l-obbligi jiġu miksura.

Il-kumpaniji kkwotati huma meħtieġa li jipprovdu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet tagħhom skont is-sess lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-kumpanija u, jekk il-kumpanija inkwistjoni ma tilħaqx l-għan, għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri li l-kumpanija ħadet sa issa u li bi ħsiebha tieħu sabiex tilħaq l-objettiv fil-ġejjieni.

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-azzjoni tal-UE għandha tkun limitata fiż-żmien u l-miżura leġiżlattiva se tiġi revokata malli jintlaħaq progress sostenibbli fil-kompożizzjoni tal-bordijiet skont is-sessi.

6.           Politika komprensiva biex isservi ta' bażi għall-inizjattiva leġiżlattiva l-ġdida tal-UE

Parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u f'pożizzjonijiet ta' tmexxija

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-miżura leġiżlattiva tiġi kkumplimentata bi strateġija komprensiva li tinkludi miżuri ta' politika u appoġġ finanzjarju. Uħud huma t-tkomplija ta' miżuri li għadhom għaddejjin, filwaqt li oħrajn huma ġodda[36]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkomplimentaw l-attivitajiet attwalment proposti għas-settur privat ukoll fis-settur pubbliku, notevolment fir-rigward tal-bordijiet tal-banek ċentrali nazzjonali, li huma prinċipalment magħmula minn irġiel (83% bħala medja fl-UE-27).

Fi sħubija mal-gvernijiet nazzjonali u l-partijiet interessati l-oħra

Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-partijiet interessati kollha – il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi, l-iskejjel tan-negozju, eċċ. — u tappoġġjahom fix-xogħol tagħhom u fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet madwar l-UE biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jinkiseb bilanċ bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta' tmexxija.

Fi ħdan dan il-qafas, il-Kummissjoni se:

a)           Tappoġġja l-inizjattivi biex jiġu miġġielda r-rappreżentazzjonijiet sterjotipati tar-rwol tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, fis-suq tax-xogħol u f’pożizzjonijiet ta' tmexxija

· Tinkoraġġixxi ditti ta' tiftix tal-eżekuttivi sabiex iħejju kodiċi ta' kondotta volontarju fil-livell tal-UE li jindirizza d-diversità tas-sessi u l-aħjar prattika, sabiex id-diversità tas-sessi titqiegħed fuq l-aġenda fil-proċess ta' nominazzjoni.

· Tħeġġeġ lill-iskejjel tan-negozju biex jippromwovu d-diversità tas-sessi f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u biex ikabbru l-għarfien fis-settur korporattiv u dak akkademiku permezz tal-kurrikuli u l-attivitajiet tagħhom.

b)           Tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent soċjali, ekonomiku u tan-negozju li jappoġġja l-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel f'pożizzjonijiet ta' tmexxija

· Tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' politiki għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja, inkluż l-użu ta' approċċi innovattivi li jirriżultaw mill-użu tal-ICT, li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fl-2013, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-politiki favur ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja, filwaqt li tqis ukoll il-progress li sar lejn l-ilħuq tal-"miri ta' Barċellona" għall-faċilitajiet għall-kura tat-tfal[37], filwaqt li tenfasizza l-isfidi li għad baqa' u tipprovdi gwida għall-politika.

· Issaħħaħ l-aspett tal-ġeneru tal-istrateġija Ewropa 2020 sabiex tgħin fil-kisba ta' rata ta' impjiegi ta' 75% sal-2020. Dan se jsir billi tiżdied il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, inkluż fil-qafas tal-Kumitati tal-Impjiegi u tal-Protezzjoni Soċjali. Ser tingħata attenzjoni speċifika lid-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-outputs tas-Semestru Ewropew, inkluż is-segwitu tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi relatati mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

· Tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja tal-UE u s-suċċessur tiegħu; Barra minn hekk, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ipprogrammar tal-Fond Soċjali Ewropew, tagħti attenzjoni speċifika għat-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u għad-distakk bejn il-kisbiet edukattivi u l-iżvilupp professjonali, partikolarment tan-nisa, bil-ħsieb li jiġu eliminati l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom fl-għażla tagħhom tal-karriera, speċjalment fir-rigward tal-matematika, ix-xjenzi u t-teknoloġiji.

c)           Tippromwovi l-għarfien dwar il-każ ekonomiku u kummerċjali favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rappreżentazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

· Tappoġġja l-attivitajiet li jqajmu l-għarfien permezz tal-promozzjoni tal-iskambji u t-tixrid tal-esperjenzi u l-prattika tajba.

· Tappoġġja l-attivitajiet li jqajmu l-għarfien fil-livell tal-kumpaniji. Dan se jsir billi jinħolqu, jiġu mxerrda u implimentati fl-Istati Membri kollha tal-UE u f’kooperazzjoni mad-dinja tan-negozju, moduli ta' taħriġ għal intrapriżi żgħar, medji u kbar u l-iskambju ta' prattiki tajba minn u fost l-intrapriżi.

d)           Tappoġġja u tissorvelja l-progress lejn parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet madwar l-UE

· Iżżid ir-responsabilità billi tirrapporta regolarment dwar il-progress li sar fl-Istati Membri tal-UE u billi xxerred ir-riżultati b’mod wiesa’.

· Tikkontribwixxi lejn it-titjib u d-disponibilità tad-dejta billi tkompli tiġbor, ixxerred u tiżviluppa dejta komparabbli fuq il-livell tal-UE permezz tal-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

· Tissorvelja jekk l-istrument legalment vinkolanti ġiex traspost u implimentat b’mod korrett fil-livell nazzjonali u tirrapporta f’intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar.

· Tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu s-sejħa tal-Parlament Ewropew biex itejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi fil-banek ċentrali nazzjonali, biex b’hekk jittejbu wkoll il-kundizzjonijiet għall-bilanċ tas-sessi fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Kummissjoni se tiffinanzja, fejn xieraq, il-lista mhux eżawrjenti ta' hawn fuq ta' attivitajiet taħt il-Programm PROGRESS u, bla ħsara għall-konklużjonijiet tan-negozjati li jinsabu għaddejjin bħalissa għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali, taħt l-istrument finanzjarju futur li jkopri l-qasam ta' politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan għandu jinkiseb b'mod partikolari billi jiġu ppubblikati sejħiet ristretti u miftuħa għall-proposti fl-2012, l-2013 u l-2014.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' kofinanzjament offruti mill-Fondi Strutturali, inkluż il-perjodu ta' programmar futur, sabiex jiġi promoss l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi u l-progress fil-karriera u biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, b'mod partikolari permezz tal-provvista ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta' kwalità.

[1]               Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25.05.1971 (C-80/70).

[2]               Pereżempju: Id-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol.

[3]               Pereżempju: Id-Direttiva 2010/41/UE tas-7 ta' Lulju 2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE.

[4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE.

[5]               Komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar strateġija dwar l-opportunitajiet indaqs għall-perjodu 2010-2014, SEC(2010) 1554/3.

[6]               Fl-1995, is-sehem tan-nisa fl-ogħla karigi ta' maniġment kien ta' 4% u 10,7% f’karigi ta' maniġment tan-nofs.

[7]               Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE tat-13 ta' Diċembru 1984 dwar il-promozzjoni ta' azzjoni pożittiva għan-nisa.

[8]               Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar is-sehem bilanċjat tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

[9]               COM(2010) 078 finali.

[10]             COM(2010) 491 finali.

[11]             http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/womenpledge/index_en.htm.

[12]             2010/2115 (INI).

[13]             Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 2010/2115(INI) tas-6 ta' Lulju 2011 u 2011/2244(INI) tat-13 ta' Marzu 2012.

[14]                    Il-Kummissjoni Ewropea (2012), "In-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE: Rapport ta' progress, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/index_en.htm.

[15]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati COM (2012) XXX.

[16]             http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/business-finance/quoted-companies/index_en.htm.

[17]             Biex tittratta din il-kwistjoni, il-Kummissjoni ppromwoviet Kodiċi tal-Aqwa Prassi għan-Nisa fl-ICT (2010).

[18]             OECD (2012) - L-inizjattiva dwar is-sessi: l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fl-intraprenditorija.

[19]             ESTAT, ISCO-08, livell ta' tliet figuri.

[20]             ESTAT, NACE Rev 2, livell ta' żewġ figuri.

[21]             ESTAT (2011) UE-LFS.

[22]             Stħarriġ fil-livell tal-kumpaniji mill-Forum Ekonomiku Dinji, ikkwotat fl-OECD (2012).

[23]             L-għanijiet – definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 – jimmiraw li jiżguraw provvediment xieraq għall-indukrar tat-tfal mill-Istati Membri tal-UE.

[24]             ESTAT (2010) UE-SILC.

[25]             Singh et al. (2008), "Newly appointed directors in the boardroom: How do women and men differ?", European Management Journal, 26(1).

[26]             L-Istitut Norveġiż għar-Riċerka Soċjali.

[27]             http://www.edhec.com/html/Communication/doc-womenboard/BoardReadyWomen.pdf.

[28]             Liff u Ward (2001) "Distorted Views through the Glass Ceiling: the Construction of Women’s Understandings of Promotion and Senior Management Positions".

[29]             Ewrobarometru Speċjali 376 (2011), In-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

[30]             Catalyst u l-Bord tal-Konferenzi għall-Ewropa (2002), Women in Leadership: A European Business Imperative.

[31]             http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/opinion/120528_en.htm.

[32]             Il-Kummissjoni Ewropea (2012), "In-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE: Rapport tal-progress".

[33]             Idem.

[34]             L-aktar reċentement: Credit Suisse, Research Institute (Awwissu 2012), "Gender diversity and corporate performance"; studji importanti oħra: Catalyst (2004), "The Bottom Line: Connecting Corporate Performance and Gender Diversity"; McKinsey (rapporti tal-2007, l-2008 u l-2010), "Women Matter"; Deutsche Bank Research (2010), "Towards gender-balanced leadership"; Ernst & Young (2012), "Mixed leadership".

[35]             Fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) punt (14) tad-Direttiva 2004/39/KE.

[36]             Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll miżuri ġenerali li għandhom bħala l-għan tagħhom li jżidu d-diversità fil-bordijiet tal-kumpaniji permezz ta' trasparenza mtejba sabiex jiffaċilitaw is-sorveljanza effettiva tal-maniġment u governanza robusta tal-kumpaniji.

[37]             Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona fl-2002, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern qablu li l-Istati Membri għandhom jipprovdu faċilitajiet tal-kura tat-tfal sal-2010 lil mill-anqas 90% tat-tfal bejn l-età ta' tliet snin u l-età mandatorja tal-iskola u lil mill-anqas 33% tat-tfal taħt l-età ta' tliet snin. In-nuqqas ta' faċilitajiet tat-tfal huwa indirizzat fl-Istrateġija Ewropa 2020. Fis-semestru Ewropew 2012, disgħa Stati Membri (AT, CZ, DE, HU, IT, MT, PL, SK u UK) irċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar dik il-materja.

Top