Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1667

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strumenti finanzjarji tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 43–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/43


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strumenti finanzjarji tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza”

    2012/C 277/06

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jaħseb li l-programmi proposti jirrappreżentaw strumenti importanti ta’ appoġġ għat-twettiq tal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja, id-drittijiet u ċ-ċittadinanza;

    huwa tal-fehma li l-proposti huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi minn lat għandhom dimensjoni transkonfinali sinifikanti għall-oqsma ta’ intervent involuti, u mil-lat l-ieħor, jipprevedu l-implimentazzjoni taż-żona Ewropea ta’ ġustizzja u drittijiet, li titlob mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u l-possibilità ta’ netwerking għall-professjonisti kkonċernati, u dawn l-objettivi normalment ma jintlaħqux b’mod effikaċi permezz ta’ azzjoni unika ta’ Stat Membru wieħed;

    jaħseb li l-previżjonijiet inklużi fil-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 jistgħu jippermettu li jitkomplew l-azzjonijiet b’valur miżjud fil-livell Ewropew, bil-għan li tikber iż-żona Ewropea tal-ġustizzja, flimkien mat-titjib tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nies, stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    itenni l-impenn u x-xewqa tiegħu li jappoġġja l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u li jippromovi ċ-ċittadinanza Ewropea;

    jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-programm, b’referenza partikolari għall-iżvilupp tal-programmi ta’ ħidma annwali;

    jissuġġerixxi li fil-proċedura konsultattiva jista’ jiġi assoċjat rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni.

    Relatur

    Is-Sur VARACALLI (IT/ALDE), Sindku ta’ Gerace

    Dokumenti ta’ referenza

     

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza

    COM(2011) 758 final

     

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm dwar il-Ġustizzja

    COM(2011) 759 final

     

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020

    COM(2011) 884 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Konsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    jaħseb li l-programmi proposti jirrappreżentaw strumenti importanti ta’ appoġġ għat-twettiq tal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja, id-drittijiet u ċ-ċittadinanza; fil-fatt dawn huma programmi li, flimkien, għandhom l-għan li jappoġġaw l-attivitajiet li jiġu implimentati mill-Istati Membri sabiex jissensibilizzaw u jippromovu l-applikazzjoni tal-liġi u tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri, jippromovu l-kooperazzjoni transnazzjonali u jtejbu l-għarfien dwar il-problemi potenzjali fl-oqsma ta’ intervent imsemmija, bil-għan li jiġi ggarantit li t-tfassil tal-politiki u tal-istandards ikun imsejjes fuq data konkreta. B’mod partikolari l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandu l-għan li jippromovi l-iżvilupp ta’ ċittadinanza tal-UE;

    2.

    huwa tal-fehma li l-proposti huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi minn lat għandhom dimensjoni transkonfinali sinifikanti għall-oqsma ta’ intervent involuti, u mil-lat l-ieħor, jipprevedu l-implimentazzjoni taż-żona Ewropea ta’ ġustizzja u drittijiet, li titlob mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u l-possibilità ta’ netwerking għall-professjonisti kkonċernati, u dawn l-objettivi normalment ma jintlaħqux b’mod effikaċi permezz ta’ azzjoni unika ta’ Stat Membru wieħed;

    3.

    jivvaluta l-proposti konformi wkoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ivverifika, qabel xejn, li l-għamla u l-kontenut tagħhom jidhru adatti b’mod oġġettiv fir-rigward ta’ dak li potenzjalment huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi previsti, u barra minn hekk, l-allokazzjoni finanzjarja sħiħa prevista għat-tliet programmi tidher suffiċjenti għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom, fid-dawl tal-fatt li tali allokazzjoni nżammet fuq livell ugwali għal dak allokat għall-programmi li huma fis-seħħ bħalissa fl-istess oqsma ta’ intervent, anke meta l-previżjoni tal-possibilità ta’ modifika tiżdied minħabba s-sħubija ta’ Stat Membru ġdid;

    4.

    fid-dawl tal-għan li jkun hemm titjib tal-kwalità tar-regolamentazzjoni, japprezza l-valutazzjonijiet ta’ impatt mehmużin mal-proposti, u jqishom ġustifikati u kompleti biżżejjed, jekk wieħed iqis li l-Kummissjoni Ewropea kkonsultat ukoll, tul il-fażi ta’ studju, il-partijiet interessati u r-riżultati relattivi ddaħħlu fil-valutazzjonijiet tal-impatt, bl-istess mod kif saret konsultazzjoni simili, fuq diversi livelli, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    5.

    jaħseb li l-previżjonijiet inklużi fil-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 jistgħu jippermettu li jitkomplew l-azzjonijiet b’valur miżjud fil-livell Ewropew, bil-għan li tikber iż-żona Ewropea tal-ġustizzja, flimkien mat-titjib tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nies, stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    6.

    jittama li l-programmi jkomplu jikkontribwixxu għat-twettiq gradwali ta’ għarfien dejjem aħjar tal-UE min-naħa taċ-ċittadini, b’mod speċjali permezz tal-għoti ta’ inċentivi għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom, kif ukoll sabiex isiru ħafna aktar konxji f’dan ir-rigward;

    7.

    jittama li, fost affarijiet oħra, il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi “Drittijiet u ċittadinanza” (b’referenza għall-objettiv speċifiku “jikkontribwixxi għat-titjib tal-eżerċizzju tad-drittijiet derivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni” u “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” (b’referenza għall-objettiv ġenerali “… jtejjeb il-kapaċità għall-parteċipazzjoni ċivika fil-livell tal-Unjoni” u “jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni, …” tippermetti li ċ-ċittadini Ewropej isiru iżjed konxji dwar il-possibilità reċenti li ngħatatilhom permezz tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini li jipproponu inizjattivi leġislattivi lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-UE, billi huwa previst li dawn l-inizjattivi jistgħu jiġu promossi jew appoġġati minn organizzazzjonijiet;

    8.

    itenni l-impenn u x-xewqa tiegħu li jappoġġja l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u li jippromovi ċ-ċittadinanza Ewropea;

    9.

    b’referenza speċifika għall-programm “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza”, fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ġeneru, iqis li hemm bżonn li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tal-punti li saru fil-Premessa 12 tal-Proposta għal Regolament dwar il-kontinwazzjoni u l-iżvilupp tat-tliet attivitajiet preċedenti li twettqu fuq il-bażi ta’ tliet programmi, b’mod partikolari fil-programm speċifiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u għall-protezzjoni tal-vittmi u l-gruppi fir-riskju (il-programm Daphne III) u għat-taqsimiet tal-“ugwaljanza bejn is-sessi” u “antidiskriminazzjoni u diversità” tal-programm Komunitarju għall-Impjieg u s-Solidarjetà Soċjali (Progress); u l-Artikolu 4(b) (Objettivi speċifiċi), b’referenza speċifika għan-non-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u għall-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

    10.

    jesprimi l-apprezzament tiegħu, fil-prinċipju, għas-sostituzzjoni prevista tas-sitt programmi operattivi fil-perjodu 2007-2013 b’żewġ programmi, u jsostni li t-tnaqqis jista’ jwassal għal ġestjoni iktar effiċjenti u effikaċi tal-azzjonijiet previsti, anke sabiex ikun hemm fokus aħjar fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi u l-evitar tal-iżbilanċ ġeografiku, li ġew identifikati, b’referenza għall-programmi fis-seħħ bħalissa mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji leġislattivi mehmużin mal-proposti;

    11.

    jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, sakemm huwa possibbli, jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-programm, b’referenza partikolari għat-tfassil u l-iżvilupp tal-programmi ta’ ħidma annwali;

    12.

    jirrakkomanda, b’referenza speċifika għall-possibilità ppjanata, u ċertament opportuna, li korpi privati jibbenefikaw mill-azzjonijiet proposti, li l-Kummissjoni għandu jkollha l-għan ukoll li tipperfezzjona dejjem iżjed il-mekkaniżmi tal-valutazzjoni preventiva tal-kwalità tal-applikazzjonijiet;

    13.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom interess speċjali fl-oqsma li jirrigwardaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull min jgħix fl-Unjoni Ewropea u fuq id-dmirijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħafna kompetenzi ewlenin fl-oqsma ta’ politika li jaqgħu f’dan l-“ispazju”;

    14.

    jenfasizza li sabiex tiġi żgurata s-sussidjarjetà u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu qrib taċ-ċittadini u r-residenti, dawn għandhom jieħdu approċċ dirett lejn it-tħassib u t-tamiet ta’ dawn in-nies, li għalihom l-istituzzjonijiet lokali ta’ sikwit jirnexxilhom iwettqu soluzzjonijiet innovattivi u adatti;

    15.

    jirrimarka, b’referenza partikolari għall-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, li l-parteċipazzjoni fl-iskemi ta’ ġemellaġġ tal-bliet, kif inhu inkoraġġit b’mod speċifiku fil-programm stess, wasslet għal skambju ta’ valur kbir tal-esperjenzi bejn komunitajiet f’żoni ġeografiċi differenti, u saħħet l-esperimentazzjoni b’inizjattivi ta’ suċċess li permezz tagħhom l-awtoritajiet ressqu lilhom infushom ukoll bħala promoturi u faċilitaturi taċ-ċittadinanza;

    16.

    jaqbel mal-possibbiltà, imsemmija fit-tliet proposti għal regolament, li l-korpi pubbliċi kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jista’ jkollhom aċċess għall-programmi; jinnota, madankollu, li l-proċeduri ta’ applikazzjoni m’għandhomx iqumu wisq flus, b’mod partikolari fir-rigward tal-komplementarjetà ppjanata bejn il-programmi nfushom u l-possibilità relatata, u rilevanti, li jintużaw riżorsi allokati għal programmi differenti, sakemm il-finanzjament ikopri partiti differenti ta’ nfiq;

    17.

    jaqbel mal-objettivi stipulati fil-programm, kif esprima f’opinjonijiet preċedenti, u jagħti kelmtu li ħa jkompli bl-impenn kontinwu tiegħu li jippromovi u jrawwem l-użu tagħhom fil-pajjiżi tal-viċinat permezz tal-korpi ta’ kooperazzjoni proprji tiegħu (gruppi ta’ ħidma, kumitati konsultattivi konġunti, il-CORLEAP u l-ARLEM), b’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni rilevanti u f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

    18.

    itenni l-importanza partikolari li jinħoloq spazju ġenwin ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini f’dinja karatterizzata minn iktar mobilità u, f’konformità mal-isforzi għaddejjin bħalissa mill-Kumitat tar-Reġjuni biex jippromovi sistema ta’ ħarsien fuq ħafna livelli tad-drittijiet fundamentali, jilqa’ l-fatt li sar progress fit-twaqqif ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tal-proġetti;

    19.

    huwa tal-fehma li kwistjonijiet ta’ sigurtà u ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jridu jingħaqdu flimkien b’mod ibbilanċjat, billi jiġu implimentati strumenti koerenti fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja: f’dan ir-rigward wieħed ma jistax jinnega li filwaqt li l-Ewropa għandha qafas legali sod għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, fil-prattika jridu jkomplu jittejbu bil-għan li jiġi garantit l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet;

    20.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-tliet programmi flimkien, filwaqt li għandhom għanijiet differenti minn xulxin, jikkontribwixxu biex jagħmlu liċ-ċittadini iktar konxji dwar id-dimensjoni Ewropea taċ-ċittadinanza bħala strument għall-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew u l-kontribut għall-bini tad-demokrazija Ewropea;

    21.

    itenni ċerti punti li saru fl-opinjoni riċenti tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali wara l-2013, fejn ġiet enfasizzata l-importanza li jiġu pprovduti riżorsi biżżejjed sabiex jiġu promossi d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isforz sabiex tinbena ċittadinanza Ewropea. Għaldaqstant, iqis ta’ importanza kbira l-enfasi li tingħata fil-Programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” lis-sħubijiet li jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, u enfasizza li s-sigurtà tal-UE hija marbuta mill-qrib mat-tkomplija tad-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt f’pajjiżi terzi, u huwa rwol tal-Unjoni li tippromovi dawn il-valuri globalment;

    22.

    barra minn hekk, itenni li kien diġà rrimarka li jkun ta’ għajnuna li jiġu appoġġati l-forom varji ta’ kooperazzjoni territorjali sabiex jiġu implimentati proġetti u miżuri li għandhom l-għan li ċ-ċittadinanza Ewropea tkun realtà u li jistgħu jgħinu jnaqqsu l-ostakli u l-burokrazija, anke permezz tat-tkattir tal-aqwa prattiki relatati mas-servizzi transkonfinali, pereżempju fl-oqsma tas-saħħa u l-multilingwiżmu;

    23.

    jittama li l-azzjonijiet li jittieħdu f’dawn l-oqsma fundamentali jitqiesu bħala prijoritajiet għall-programmi ta’ ħidma annwali, b’mod speċjali fir-rigward tal-programmi “Drittijiet u Ċittadinanza” u “L-Ewropa għaċ-ċittadini”;

    24.

    jirrikonoxxi li l-amalgamazzjoni tas-sitt programmi preċedenti għall-Ġustizzja u d-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza biex isiru tnejn, u l-istrutturar mill-ġdid tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” jistgħu jwasslu għal aktar flessibilità fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet tul il-perjodu ta’ programmar ta’ seba’ snin, it-tnaqqis ta’ piż burokratiku għall-benefiċjarji u li jkunu jistgħu jiġu implimentati proġetti li jinvolvu iktar minn settur wieħed u li jkopru bosta objettivi tal-programmi stess;

    25.

    itenni l-pożizzjoni li esprima fil-passat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-ġustizzja, li l-politiki żviluppati fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-intern għandhom jiġu kkoordinati u integrati ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, b’mod speċjali l-politiki ekonomiċi u soċjali u barranija tagħha, billi koordinazzjoni mtejba ta’ dawn il-politiki aktarx issaħħaħ l-effikaċja globali tagħhom;

    26.

    jaqbel li l-promozzjoni taċ-ċittadinanza hija kwistjoni orizzontali li trid titqies fid-daw tal-azzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea, u huwa għalhekk li s-sinerġiji mal-Istrument ta’ Assistenza Qabel l-Adeżjoni (IPA) huma importanti sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini futuri tal-UE jkunu mgħarrfa dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u jkunu jafu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom;

    27.

    għaldaqstant, jittama li jiġu implimentati soluzzjonijiet prattiċi li jippermettu komplementarjetà u sinerġiji bejn it-tliet programmi proposti u ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar il-mezzi li għandha l-intenzjoni li tuża sabiex tiggarantixxi dawn is-sinerġiji u l-komplementarjetà;

    28.

    jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità insuffiċjenti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b’mod effettiv fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma annwali u fl-evalwazzjoni ta’ mill-inqas tnejn mit-tliet programmi speċifiċi: il-proċess tal-bini ta’ Ewropa taċ-ċittadini jrid jimxi id f’id mal-parteċipazzjoni konkreta, f’kull fażi, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma livelli istituzzjonali essenzjali għall-garanzija ta’ proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huma iżjed leġittimi mil-lat demokratiku;

    29.

    għaldaqstant, jappella għall-parteċipazzjoni formali ggarantita tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni, fit-tfassil tal-programmi annwali ta’ attivitajiet tal-programmi “Drittijiet u Ċittadinanza” u “L-Ewropa għaċ-ċittadini”;

    30.

    barra minn hekk, jaħseb li fir-rigward tar-rapporti ta’ valutazzjoni interim u ex-post tal-programm “Drittijiet u Ċittadinanza”, ipprovduti mill-Kummissjoni, għandu jkollu l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod responsabbli, kif inhu stipulat formalment għall-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, u għaldaqstant isejjaħ għal dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens sabiex tiġi inkluża fil-proposta dwar il-programm “Drittijiet u Ċittadinanza”;

    31.

    jitlob li l-kejl ta’ kemm jintlaħqu l-objettivi speċifiċi tal-programm “Drittijiet u Ċittadinanza” ikun dipendenti wkoll fuq il-ġbir ta’ data kwalitattiva u kwantitattiva dwar ir-rispett, l-eżerċizzju u l-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li nżommu f’moħħna li r-referenza għall-perċezzjoni fil-livell Ewropew mhijiex punt ta’ referenza adegwata f’termini ta’ riżultati. F’dan il-kuntest, jagħmel referenza wkoll għall-attivitajiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fit-tfassil ta’ indikaturi u ta’ studji komparattivi;

    32.

    jappoġġja r-rwol importanti li l-proposti attwali tal-programmi għandhom jaqdu permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess wiesa’ għal informazzjoni, li huwa dejjem iżjed importanti jekk se jaqdu rwol attiv fil-proċess politiku. Il-Kumitat diġà enfasizza dan il-punt, u sejjaħ lill-membri tiegħu biex jaħdmu biex jiżguraw li l-aċċess għall-informazzjoni jkun garantit b’mod effettiv fl-Istati Membri;

    33.

    fir-rigward tal-programm “Ġustizzja”, jaħseb li t-tkomplija ppjanata tal-iskambji ta’ persunal mis-sistemi ġudizzjali nazzjonali, fi ħdan l-ambitu usa’ tan-netwerk Ewropew tal-ġustizzja, gradwalment se ssaħħaħ l-għarfien reċiproku ta’ sistemi ġudizzjali u ttejjeb il-fiduċja reċiproka;

    34.

    għaldaqstant, jappoġġja bis-saħħa l-proposta speċifika biex jiġu finanzjati attivitajiet ta’ taħriġ għall-persunal ġudizzjali, kif stipulat fl-Artikolu 6 tal-proposta għal Programmi tal-Ġustizzja, billi dan it-taħriġ u t-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni huma elementi ewlenin fil-bini ta’ Ewropa tal-ġustizzja;

    35.

    jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lil dan l-aspett sabiex tiġi ggarantita parteċipazzjoni effettiva mill-professjonisti kollha, fis-settur pubbliku u privat, li jaħdmu fi ħdan is-sistemi ġudizzjali;

    36.

    huwa tal-fehma li l-attivitajiet tat-taħriġ iffinanzjati taħt il-programm “Drittijiet u Ċittadinanza” għandhom jinkludu t-taħriġ fiċ-ċittadinanza Ewropea għal dawk li qed jippjanaw li jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, u għat-tfal tal-iskola, u b’mod partikolari għall-immigranti, bħala appoġġ tal-prinċipju taċ-ċittadinanza attiva għaż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni;

    37.

    jaqbel mal-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ onlajn previsti fil-proposta tal-programm, li jikkoinċidi mat-talba tal-KtR biex jiġu promossi miżuri mmirati lejn it-taħriġ fiċ-ċittadinanza permezz tal-mezzi tax-xandir u l-ICT;

    38.

    huwa tal-fehma li l-programmi “Ġustizzja” u “Drittijiet u Ċittadinanza” huma wkoll mezz vijabbli għat-tisħiħ tal-potenzjal konsiderevoli tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni transkonfinali dwar kwistjonijiet relatati mal-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

    39.

    japprova bis-sħiħ, fil-prinċipju, l-approċċ iktar immirat lejn ir-riżultati, magħżul mill-Kummissjoni għall-programmi, iffokat fuq l-użu ta’ indikaturi sabiex jitkejjel is-suċċess fit-tilħiq tal-objettivi tal-programmi; jenfasizza, madankollu, li waqt li lista komprensiva ta’ indikaturi hija inkluża fil-proposta tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, il-proposta tal-programm “Ġustizzja”, pereżempju, issemmi biss indikatur wieħed għal kull objettiv, u tagħti ħjiel ta’ sensiela mhux definita ta’ indikaturi oħrajn; jissuġġerixxi, għaldaqstant, speċifikazzjoni li hija usa’ b’mod ġenerali, preferebbilment b’referenza għal parametri kwantitattivikif ukoll kwalitattivi;

    40.

    jenfasizza li l-proposta dwar il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” tipprevedi spazju għal struttura iktar flessibbli mill-programm fis-seħħ bħalissa; għaldaqstant mhux neċessarju li jiġu allokati kwoti bil-quddiem għal azzjonijiet individwali li jistgħu jitwettqu taħt il-programm il-ġdid;

    41.

    jirrimarka, fir-rigward ta’ dan, li l-iskemi tal-ġemellaġġi tal-bliet, minbarra li jibqgħu jibbenefikaw mill-programm, jista’ jkollhom ukoll kwota fissa stipulata minn qabel, li fil-programm attwali hija ekwivalenti għal kważi terz tal-baġit totali u tista’ tinżamm fuq dan il-livell;

    42.

    għaldaqstant, jitlob li parti sostanzjali tal-baġit globali tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” tiġi allokata għal attivitajiet li jseħħu fil-kuntest tal-ġemellaġġi tal-bliet, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rwol rikonoxxut u importanti tal-ġemellaġġ tal-bliet fil-ħolqien ta’ kuntatti b’saħħithom u sostenibbli bejn iċ-ċittadini, inklużi dawk ta’ pajjiżi terzi;

    43.

    itenni li, billi l-Parlament u l-Kunsill dan l-aħħar introduċew iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew bħala strument li jenfasizza l-wirt kulturali komuni tal-Istati Membri filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali, il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, sabiex jilħaq l-objettivi ddikjarati, jista’ jibbenefika wkoll mis-siti li jingħataw dan iċ-ċertifikat ġdid, bl-istess mod kif il-bliet Ewropej tal-kultura jippromovu l-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    DRITTIJIET U ĊITTADINANZA – COM(2011) 758 final

    Emenda 1

    Artikolu 4(2)

    Objettivi speċifiċi

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

    2.   L-indikaturi għall-kejl tal-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom ikunu, fost affarijiet oħra, il-perċezzjoni Ewropea tar-rispett, l-eżerċizzju u l-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-għadd ta’ ilmenti.

    2.   L-indikaturi għall-kejl tal-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom ikunu, fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-għadd ta’ ilmenti.

    Raġuni

    Bil-għan li jiġi valutat b’mod iktar effettiv is-suċċess jew le tal-objettivi speċifiċi tal-programm, ikun iktar ċar jekk issir referenza għall-ġbir tad-data kwalitattiva u kwantitattiva, meta wieħed iqis li l-kunċett ta’ “perċezzjoni” jista’ jinftiehem b’mod iktar oskur li mhuwiex rappreżentattiv b’mod suffiċjenti tal-ilħuq tal-objettivi.

    DRITTIJIET U ĊITTADINANZA – COM(2011) 758 final

    Emenda 2

    Artikolu 9(1)

    Proċedura ta’ kumitat

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Raġuni

    Huwa utli u neċessarju li l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali, li permezz tagħhom il-programm sħiħ huwa implimentat, għandha tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni, flimkien mal-Kumitat li jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri u li jassisti lill-Kummissjoni.

    Billi dan huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-programmi li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti ħafna, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma annwali permezz tal-istituzzjoni Ewropea li tirrappreżentahom (Kumitat tar-Reġjuni) tippermetti li l-programmi jinbnew minn isfel għal fuq, skont ix-xewqat li jesprimu ċ-ċittadini Ewropej.

    Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fit-tfassil tal-programmi annwali hija konformi mal-kompetenza tal-Kumitat, fil-proċedura leġislattiva għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li joħroġ din l-opinjoni b’mod formali.

    DRITTIJIET U ĊITTADINANZA – COM(2011) 758 final

    Emenda 3

    Artikolu 12(2)

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi:

    a)

    rapport ta’ evalwazzjoni interim sa mhux aktar tard minn nofs l-2018;

    b)

    rapport ta’ evalwazzjoni ex post.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew lill-Kunsill bi:

    a)

    rapport ta’ evalwazzjoni interim sa mhux aktar tard minn nofs l-2018;

    b)

    rapport ta’ evalwazzjoni ex post.

    Raġuni

    Huwa importanti ħafna li jiġi formalizzat il-proċess ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-programmi “Drittijiet u Ċittadinanza” u “L-Ewropa għaċ-ċittadini”: fil-fatt, għat-tieni, huwa ddikjarat b’mod espliċitu fl-Artikolu 14(3) (Monitoraġġ u Evalwazzjoni) tal-proposta tal-Kummissjoni li l-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport ta’ evalwazzjoni interim u ex-post mhux biss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill iżda anke lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Għaldaqstant, m’hemmx raġunijiet validi għalfejn għandha tinżamm id-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-proposta dwar il-programm “Drittijiet u Ċittadinanza”, li ma tinkludix lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni fost dawk li għandhom jirċievu r-rapport ta’ evalwazzjoni interim u ex-post. L-emenda għalhekk tinkludi dawn iż-żewġ korpi.

    ĠUSTIZZJA – COM(2011) 759 final

    Emenda 1

    Artikolu 7

    Parteċipazzjoni

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

    1.   L-aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għall-korpi u entitajiet pubbliċi u/jew privati kollha, stabbiliti f’:

    a)

    l-Istati Membri;

    b)

    il-pajjiżi tal-EFTA li huma parti għall-Ftehim taż-ŻEE, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

    c)

    pajjiżi għall-adeżjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet qafas milħuqin magħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni;

    d)

    id-Danimarka, abbażi ta’ ftehim internazzjonali.

    2.   Il-korpi u l-entitajiet pubbliċi u/jew privatu li huma stabbiliti legalment f’pajjiżi terzi oħrajn, speċjalment fil-pajjiżi fejn tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jistgħu jkunu assoċjati ma’ azzjonijiet tal-Programm, jekk dan jaqdi l-finijiet ta’ dawn l-azzjonijiet.

    1.   L-aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għall-korpi u entitajiet pubbliċi u/jew privati kollha, stabbiliti f’:

    a)

    l-Istati Membri;

    b)

    il-pajjiżi tal-EFTA li huma parti għall-Ftehim taż-ŻEE, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

    c)

    pajjiżi għall-adeżjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet qafas milħuqin magħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni;

    d)

    id-Danimarka, abbażi ta’ ftehim internazzjonali.

    2.   Il-korpi u l-entitajiet pubbliċi u/jew privat li huma stabbiliti legalment f'pajjiżi terzi oħrajn, speċjalment fil-pajjiżi fejn tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jistgħu jkunu assoċjati ma’ azzjonijiet tal-Programm, jekk dan jaqdi l-finijiet ta’ dawn l-azzjonijiet.

    Raġuni

    Din l-emenda ma tapplikax għall-verżjoni MT.

    L-EWROPA GĦAĊ-ĊITTADINI – COM(2011) 884 final

    Emenda 1

    Artikolu 9(1)

    Kumitat

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament 182/2011.

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament 182/2011.

    Raġuni

    Huwa utli u neċessarju li l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali, li permezz tagħhom il-programm sħiħ huwa implimentat, għandha tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni, flimkien mal-Kumitat li jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri u li jassisti lill-Kummissjoni.

    Billi dan huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-programmi li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti ħafna, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma annwali permezz tal-istituzzjoni Ewropea li tirrappreżentahom (Kumitat tar-Reġjuni) tippermetti li l-programmi jinbnew minn isfel għal fuq, skont ix-xewqat li jesprimu ċ-ċittadini Ewropej.

    Brussell, 18 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top