Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0808

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020

    /* KUMM/2011/0808 finali */

    52011DC0808

    /* KUMM/2011/0808 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020


    KUNTEST MIBDUL

    Il-kuntest ekonomiku inbidel drammatikament minn żmien it-tnedija tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7). Riċessjoni kkawżata mill-kriżi finanzjarja tal-2008 wasslet għall-adozzjoni ta’ pakketti ta’ stimolu sabiex tingħata mbuttatura lill-ekonomija . Filwaqt li bil-mod qed tirkupra mill-kriżi, l-Ewropa issa qed taffronta kriżi tad-dejn pubbliku u l-biża ta' riċessjoni ġdida. L-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Ewropa jridu jaġixxu b'mod deċiżiv sabiex ilaħħqu ma’ dan il-kuntest mibdul. L-isfida ewlenija hija li s-sistema finanzjarja u ekonomika tiġi stabbilizzata f'qasir żmien filwaqt li jittieħdu wkoll miżuri biex jinħolqu l-opportunitajiet ekonomiċi ta' għada.

    Il-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali huma meħtieġa iżda mhumiex suffiċjenti biex tiġi assigurata l-kompetittività globali tal-Ewropa. L-investiment intelliġenti, partikolarment fir-riċerka u l-innovazzjoni, huwa essenzjali biex jinżammu standards tal-għajxien għoljin filwaqt li jiġu trattati l-isfidi urġenti tas-soċjetà bħat-tibdil fil-klima, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, jew iċ-ċaqliq lejn soċjetà li tuża r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti.

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex iġibu l-impjiegi, il-prosperità, il-kwalità tal-ħajja u beni pubbliċi globali. Jiġġeneraw l-iskoperti xjentifiċi u teknoloġiċi meħtieġa biex jiġu affrontati l-isfidi urġenti li qed tiffaċċja s-soċjetà. L-investiment f'dan il-qasam iwassal ukoll għal opportunitajiet għan-negozji billi jinħolqu prodotti u servizzi innovattivi. Minkejja li l-Unjoni hija minn ta' quddiem fid-dinja f'ħafna teknoloġiji, qed taffaċċja kompetizzjoni dejjem akbar sew minn kompetituri tradizzjonali kif ukoll minn ekonomiji emerġenti, u trid għalhekk ittejjeb il-prestazzjoni fl-innovazzjoni.

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni għalhekk tqiegħdu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020[1] sabiex jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan jinkludi l-objettiv prinċipali li tiżdied in-nefqa fuq ir-R&Ż għal 3% tal-PDG sal-2020. L-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni[2] tipprovdi sett komprensiv ta' azzjonijiet biex jitħaffu il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Fi ħdan dan il-kuntest ta' politika, il-proposti tal-Kummissjoni għall-baġit tal-Unjoni ta’ wara l-2013[3] jirriflettu l-ambizzjoni tagħha li tinvesti fil-ġejjieni tal-Ewropa, filwaqt li tiżgura li kull euro jipprovdi l-benefiċċju massimu għaċ-ċittadini Ewropej.

    ORIZZONT 2020: QTUGħ MILL-IMGħODDI

    L-isem tal-programm il-ġdid tal-Unjoni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni – Orizzont 2020 – jirrifletti l-ambizzjoni li jitwasslu l-ideat, it-tkabbir u l-impjiegi għall-ġejjieni. Orizzont 2020 ser ikun għodda ewlenija fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni, fit-twettiq tal-impenji li jkunu saru fi ħdan l-inzjattiva, u fir-reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 u għar-Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni[4].

    Orizzont 2020 iġib flimkien il-finanzjament eżistenti kollu tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-Programm Qafas għar-Riċerka, l-attivitajiet ta' innovazzjoni relatati mal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). [5]. Dan l-approċċ huwa ġeneralment rikonoxxut mill-partijiet interessati bħala t-triq 'il quddiem[6] u ġie appoġġat ukoll mill-Parlament Ewropew fir-Reżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011[7], il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8] u l-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka[9].

    Is-sett ta’proposti għall-Orizzont 2020 jikkonsisti fi:

    - proposta għall-Orizzont 2020[10], li tistabbilixxi l-objettivi ġenerali, ir-raġunament u l-valur miżjud tal-Unjoni, il-pakkett finanzjarju u dispożizzjonijiet dwar il-kontroll, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

    - proposta għal programm speċifiku uniku biex jimplimenta l-Orizzont 2020[11], li jistipula l-modalitajiet tal-implimentazzjoni u l-kontenut f'termini tal-linji ġenerali tal-attivitajiet;

    - proposta għal sett uniku ta' Regoli għall-Parteċipazzjoni u d-Disseminazzjoni[12], li jistipula l-modi ta' finanzjament u rimborż tal-ispejjeż, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, il-kriterji tal-għażla u tal-għotja u r-regoli dwar is-sjieda, l-isfruttar u d-disseminazzjoni tar-riżultati; u

    - proposta separata għall-parti ta' Orizzont 2020 li tikkorrispondi għat-Trattat Euratom[13].

    Dawn il-proposti huma akkumpanjati mill-valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante meħtieġa[14]. Kumplimentarju għal dan il-pakkett hemm ukoll proposta separata għal reviżjoni tar-Regolament EIT.

    Novitajiet ewlenin:

    Orizzont 2020 għandu għadd ta’ karatteristiċi ġodda li jagħmluh adattat għall-għan tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà. Dawn jinkludu:

    - Simplifikazzjoni kbira permezz ta' arkitettura tal-programm aktar sempliċi, sett uniku ta' regoli, inqas burokrazija permezz ta’ mudell faċli biex jintuża l-mudell ta’ rimborż tal-ispejjeż, punt uniku ta' aċċess għall-parteċipanti, inqas dokumentazzjoni (paperwork) fit-tħejjija tal-proposti, inqas kontrolli u verifiki, bil-għan ġenerali li l-ammont ta’ żmien għall-għotjiet jonqos sa 100 jum;

    - Approċċ inklużiv miftuħ għal parteċipanti ġodda, inklużi dawk b’ideat inqas konvenzjonali, li jiżgura li riċerkaturi u innovaturi eċċellenti minn madwar l-Ewropa u lil hinn jkunu jistgħu u fil-fatt jipparteċipaw fihom;

    - L-integrazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' finanzjament bla xkiel u koerenti mill-idea għas-suq;

    - Aktar appoġġ għall-innovazzjoni u attivitajiet qrib is-suq, li jwassal għal stimolu ekonomiku dirett;

    - Iffukar qawwi fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet għan-negozju mir-rispons tagħna għat-tħassib ewlieni komuni għan-nies fl-Ewropa u lil hinn, jiġifieri ‘sfidi tas-soċjetà’;

    - Aktar possibbiltajiet għal parteċipanti ġodda u xjenzati żgħażagħ promettenti biex jiġu sfruttati l-idear tagħhom u jiksbu finanzjament.

    IFFUKAR TAR-RIżORSI FUQ PRIJORITAJIET EWLENIN

    Orizzont 2020 se jiffoka r-riżorsi fuq tliet prijoritajiet distinti, iżda reċiprokament rinfurzanti, fejn hemm valur miżjud ċar għall-Unjoni. Dawn il-prijoritajiet jikkorrispondu ma’ dawk tal-Ewropa 2020 u l-Unjoni tal-Innovazzjoni.

    1. Xjenza Eċċellenti . Din se tgħolli l-livell tal-eċċellenza fil-bażi tax-xjenza tal-Ewropa u tiżgura fluss stabbli ta’ riċerka mill-aqwa biex tiġi tiżgura l-kompetittività fit-tul tal-Ewropa. Se tappoġġa l-aħjar ideat, tiżviluppa t-talent fl-Ewropa, tagħti aċċess lir-riċerkaturi għal infrastruttura ta’ riċerka prijoritarja, u l-Ewropa ssir post attraenti għall-aħjar riċerkaturi fid-dinja.

    Din se:

    - tappoġġa l-individwi u t-timijiet tagħhom bl-aktar talent u kreattivi sabiex iwettqu r-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ogħla kwalità msejsa fuq is-suċċess tal- Kunsill Ewropew għar-Riċerka ;

    - tiffinanzja r-riċerka kollaborattiva biex tiftaħ oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni ġodda u promettenti permezz tal-appoġġ għal Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET);

    - tipprovdi lir-riċerkaturi b’taħriġ eċċellenti u opportunitajiet għall-iżvilupp tal-karriera permezz tal- azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie[15] ('azzjonijiet Marie Curie') ;

    - tiżgura li l-Ewropa jkollha l- infrastrutturi tar-riċerka mill-aqwa (inkluż l-infrastrutturi elettroniċi) aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha fl-Ewropa u lil hinn.

    - Tmexxija industrijali . Din se timmira li tagħmel l-Ewropa post aktar attraenti għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni (inkluż l-ekoinnovazzjoni), billi tippromwovi attivitajiet fejn in-negozji jistipulaw l-aġenda. Se tipprovdi investiment kbir f’teknoloġiji industrijali ewlenin, timmassimizza l-potenzjal tat-tkabbir tal-kumpaniji Ewropej billi tipprovdilhom livelli adegwati ta’ finanzi u se tgħin l-SMEs innovattivi sabiex jikbru u jsiru kumpaniji mill-aqwa fid-dinja.

    Din se:

    - tibni tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali , b’appoġġ dedikat għall-ICT, in-nanoteknoloġiji, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija, il-manifattura u l-ipproċessar avvanzati, u l-ispazju, filwaqt li tipprovdi wkoll appoġġ għal azzjonijiet trasversali biex taħtaf il-benefiċċji akkumulati mill-kombinament ta' diversi Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin;

    - tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament tar-riskju ;

    - tipprovdi appoġġ mifrux madwar l-Unjoni għall- innovazzjoni fl-SMEs .

    - Sfidi tas-Soċjetà . Din tirrifletti l-prijoritajiet tal-politika tal-istrateġija Ewropa 2020 u tindirizza tħassib ewlieni kondiviż miċ-ċittadini fl-Ewropa u bnadi oħra. Approċċ ibbażat fuq sfida se jġib flimkien riżorsi u għarfien bejn oqsma differenti, teknoloġiji u dixxiplini, inklużi x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Din se tkopri attivitajiet mir-riċerka sas-suq b 'iffukar ġdid fuq attivitajiet relatati mal-innovazzjoni, bħall-pilotaġġ, id-dimostrazzjoni, il-pjattaformi tal-ittestjar, u l-appoġġ għall-akkwist pubbliku u l-adozzjoni mis-suq. Se tinkludi l-istabbilment ta’ rabtiet ma’attivitajiet tas-Sħubiji Ewropej ta' Innovazzjoni.

    Il-finanzjament se jkun iffukat fuq l-isfidi li ġejjin:

    - Saħħa, it-tibdil demografiku u l-benesseri;

    - Sikurezza tal-ikel, l-agrikoltura sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima u l-bijoekonomija;

    - Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti;

    - Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat;

    - Azzjoni klimatika, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-materja prima;

    - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u siguri.

    L-iżvilupp sostenibbli se jkun objettiv prevalenti tal-Orizzont 2020. Il-finanzjament iddedikat għall-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fir-riżorsi se jkun ikkumplimentat permezz ta’ objettivi oħrajn speċifiċi tal-Orizzont 2020 bir-riżultat li tal-inqas 60% tal-baġit totali tal-Orizzont 2020 se jkun relatat mal-iżvilupp sostenibbli, bil-maġġoranza vasta ta' din in-nefqa tikkontribwixxi għal objettivi klimati u ambjentali ta' rinforz reċiproku. Huwa mistenni li madwar 35% tal-baġit tal-Orizzont 2020 se jkun relatat man-nefqa tal-klima.

    L-EIT se jkollu rwol importanti billi jgħaqqad ir-riċerka eċċellenti, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, u għalhekk jintegra t-trijanglu tal-għarfien. L-EIT se jagħmel dan primarjament permezz tal-Komunitajiet tal-Għarfien u Innovazzjoni (KICs). Barra minn hekk, se jiżgura li l-esperjenzi huma kondiviżi lil hinn mill-KICs permezz ta’ miżuri mmirati ta’ disseminazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien.

    L-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunta għar-Riċerka se jkun parti integrali tal-Orizzont 2020, fejn se jipprovdu appoġġ robust u bbażat fuq l-evidenza għall-politiki tal-Unjoni. Dan se jkun xprunat permezz tal-ħtiġijiet tal-klijenti kumplimentati minn attivitajiet progressivi.

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nukleari, li se jiġu appoġġati taħt it-Trattat Euratom, se jippermettu lill-Unjoni biex tiżviluppa, fl-interess tal-Istati Membri kollha tagħha, l-aktar teknoloġiji avvanzati għas-sikurezza nukleari, is-sigurtà, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u n-nonproliferazzjoni.

    Il-mod li bih huwa mqassam il-baġit tal-Orizzont 2020 fuq l-objettivi strateġiċi tiegħu ugwalment jirrifletti kif ġie adattat sabiex jopera f'kuntest mibdul. Id-distribuzzjoni tal-baġit fi ħdan l-Orizzont 2020:

    - hija totalment allinjata mal-Ewropa 2020 billi timplimenta l-Unjoni tal-Innovazzjoni, tipprijoritizza l-Aġenda Diġitali, l-inklussività, l-enerġija, l-effiċjenza tar-riżorsi, it-teknoloġiji industrijali, l-azzjoni klimatika u tikkontribwixxi għall-politiki esterni tal-Unjoni;

    - tipprijoritizza l-infiq b'impatt immedjat fuq it-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ investiment kbir fir-riskju finanzjarju, l-SMEs u piloti ta’ skala kbira u dimostraturi għat-teknoloġiji ewlenin;

    - tkompli tinvesti fil-futur tal-Ewropa billi tipprovdi spinta kbira biex il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, issaħħaħ ir-riċerka fit-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET), iżżid l-possibbiltajiet għat-taħriġ, il-mobbiltà u l-iżvilupp tal-karrieri għal talenti żgħażagħ u tagħti rwol importanti lill-FET;

    - tagħti ingranaġġ lil sorsi oħra pubbliċi u privati ta’ finanzjament biex timmassimizza l-effett fuq il-progress lejn il-mira ta' 3 %.

    Orizzont 2020 se jkun programm ta’ seba’ snin u jista 'jkun hemm bidliet sinifikanti fil-kuntest aktar mifrux tal-ekonomija u tal-politika hekk kif il-programm jipprogressa. Li jkun żgurat li Orizzont 2020 jibqa rilevanti għalhekk se jirrikjedi wkoll l-aġġustament tal-prijoritajiet u r-riżorsi, kif u meta hemm bżonn. Fil-fatt, ġew inklużi klawżoli ta’ flessibbiltà fil-proposta f’dan ir-rispett.

    L-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 se tieħu wkoll approċċ strateġiku għall-ipprogrammar tar-riċerka u l-innovazzjoni, bl-użu ta’ azzjonijiet konġunti u modi ta’ amministrazzjoni li jallinjaw mill-qrib mal-iżvilupp tal-politika iżda li jaqsmu l-konfini tal-politiki settorjali tradizzjonali. Din se tkun ibbażata fuq evidenza soda, l-analiżi u l-antiċipazzjoni, bil-progress jitkejjel f’konfront ma’ sett robust ta' indikaturi.

    Fir-rigward tal-finanzjament għal attivitajiet tar-riċerka li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani, il-pakkett leġiżlattiv tal-Orizzont 2020 qiegħed kompletament f’konformità mal-approċċ appoġġat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill mal-adozzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-FP7, kif stipulat fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006[16] .

    SIMPLIFIKAZZJONI TAL-AċċESS U OTTIMIZZAZZJONI TAL-ġESTJONI

    Orizzont 2020 irid jattira l-aktar riċerkaturi eċċellenti u impriżi innovattivi. Dan jeħtieġ simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli u l-proċeduri għall-parteċipanti. Ir-rapport interim ta’evalwazzjoni tal-FP7 ikkonkluda li kienu meħtieġa passi kbar lejn aktar simplifikazzjoni, permezz ta’approċċ ibbażat fuq bilanċ adegwat bejn it-teħid ta' riskju u l-fidjuċja fil-parteċipanti[17].

    Orizzont 2020 se jibni fuq impetu mogħti mill-Komunikazzjoni dwar is-simplifikazzjoni[18] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar tliet miżuri għal simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FP7[19] billi jintroduċu karatteristiċi importanti ġodda, kif ġie mitlub ukoll mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010[20].

    Is-simplifikazzjoni tal-Orizzont 2020 se timmira tliet għanijiet prevalenti: tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi tal-parteċipanti; tħaffif tal-proċessi kollha tal-proposta u l-ġestjoni tal-għotja u t-tnaqqis tar-rata tal-iżball finanzjarju.

    Is-simplifikazzjoni se tinkiseb fuq diversi dimensjonijiet:

    - Is-simplifikazzjoni strutturali qed tiġi pprovduta permezz ta’:

    - arkitettura tal-programm iżjed sempliċi iċċentrata fuq tliet objettivi strateġiċi, li jagħmilha aktar faċli għall-parteċipanti biex jidentifikaw fejn jeżistu l-opportunitajiet ta' finanzjament;

    - sett uniku ta’ regoli ta’ parteċipazzjoni, dwar kwistjonijiet bħa l-eliġibbiltà, l-evalwazzjoni jew IPR, l-applikazzjoni għall-komponenti kollha tal-Orizzont 2020, b'devjazzjonijiet possibbli biss meta ġustifikati minn bżonnijiet speċifiċi.

    - Ir-regoli tal-finanzjament aktar sempliċi li jqisu l-preferenza tal-partijiet interessati għal rimborż tal-ispejjeż attwali, se jinkludu:

    - rimborż aktar sempliċi tal-ispejjeż diretti, b 'aċċettazzjoni usa' tal-prattiki normali tal-kontabbiltà tal-benefiċjarji;

    - il-possibbiltà tal-użu ta’ spejjeż għal unità tal-persunal (l-ispejjeż medji tal-persunal), inkluż għal proprjetarji ta’ SME mingħajr salarju;

    - is-simplifikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-ħin bil-forniment ta’ sett ċar u sempliċi ta’ kundizzjonijiet minimi; b’mod partikolari l-abolizzjoni tal-obbligi tar-reġistrazzjonijiet tal-ħin għall-persunal li jkun qed jaħdem fuq proġett tal-Orizzont 2020 esklużivament;

    - spejjeż indiretti koperti b'rata fissa unika applikabli għall-ispejjeż diretti bħala regola ġenerali – it-tneħħija ta’ sors ewlieni ta' żbalji finanzjarji u kumplessità;

    - rata unika ta' rimborż għall-parteċipanti kollha u attivitajiet fl-istess proġett;

    - somom f’daqqa, premjijiet, output ibbażat fuq oqsma speċifiċi fejn dan ta’ prova li kien xieraq;

    - Strateġija tal-kontroll riveduta se tikseb bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll u bejn it-teħid u l-evitar tar-riskju permezz:

    - estensjoni tal-fond ta’ garanzija għall-azzjonijiet kollha fl-Orizzont 2020 u l-kontrolli tal-kapaċità tal-finanzjament ex-ante meħtieġa biss għall-koordinaturi;

    - tnaqqis fl-għadd ta’ċertifikati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji billi jkun meħtieġ ċertifikat wieħed biss bħal dan għal kull benefiċjarju fl-aħħar tal-proġett;

    - tnaqqis fil-piż tal-verifika fuq parteċipanti permezz ta' strateġija tal-kontroll ex-post b'enfasi fuq kontroll ibbażat fuq ir-riskju u detezzjoni tal-frodi, kunċe–t uniku tal-verifika u tnaqqis fil-perjodu ta’ limitazzjoni għall-verifiki ex-post minn ħames għall-erba’ snin;

    - Dan il-metodu rivedut għandu jissarraf f’massimu ta’ 7% tal-benefiċjarji tal-Orizzont 2020 ikunu soġġetti għall-verifika matul il-perjodu kollu ta’ programmar.

    B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tissimplifika, tarmonizza u taċċelera l-proċeduri u l-proċessi marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm u tal-proġett. Dan se jinkludi approċċ imġedded għall-komitoloġija, b’attenzjoni qawwija fuq l-involviment tal-kumitati tal-programm fid-diskussjonijiet dwar l-ippjanar strateġiku u fuq l-iżgurar tar-rabitiet mal-attivitajiet ffinanzjati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tibni fuq il-progress li sar biex żdiedet il-kwalita, l-effiċjenza u l-konsistenza tal-implimentazzjoni permezz ta' pjattaforma unika tal-IT faċli għall-utenti li tipprovdi punt uniku ta’ servizz għall-parteċipanti (Orizzont 2020 elettroniku) u permezz ta’ aktar passi lejn l-esternalizzazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni. F’dan ir-rigward, l-użu tal-aġenziji eżekuttivi eżistenti se jiġi ottimizzat, inkluż permezz ta’ ridistribuzzjoni possibbli tal-kompiti biex tinkiseb speċjalizzazzjoni ikbar.

    Permezz ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni temmen li huwa possibbili li tnaqqas iż-żmien medju għall-għotja b'100 jum għal Orizzont 2020 meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali.

    Approċċi ta 'sħubija abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat se jitkomplew ukoll. Użu aktar estensiv tal-istrumenti finanzjarji se jkun ukoll parti importanti tal-isforz ta' esternalizzazzjoni, billi jibni fuq il-pjattaformi tad-dejn u l-ekwità li preżentament qed jiġu stabbiliti. L-EIT se jallinja , permezz ta' ppjanar għaqli tal-attivitajiet tiegħu, ħidmietu mill-qrib mal-prijorritajiet tal-Orizzont 2020. Bl-espansjoni tal-għadd ta' KICs u t-tnedija ta’ attivitajiet relatati mad-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien, se jkun jista’ jamministra baġit akbar milli jagħmel illum.

    APPROċċ MIFRUX U BLA XKIEL GħALL-INNOVAZZJONI

    L-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni tenfasizza l-ħtieġa għall-Ewropa biex tiżviluppa approċċ distintiv għall-innovazzjoni mibni fuq is-sett uniku ta' valuri tagħha. Orizzont 2020 jieħu approċċ wiesa’ lejn l-innovazzjoni li mhux limitat sabiex iġib prodotti ġodda fis-suq, iżda jkopri wkoll proċessi, sistemi jew approċċi oħrajn, inkluż permezz tar-rikonoxximent tal-punt b'saħħithom Ewropej fid-disinn, il-kreattività, is-servizzi u l-importanza tal-innovazzjoni soċjali. Finanzjament għal dawn l-attivitajiet se jinġabar mal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

    Appoġġ imsaħħaħ se jingħata lill-adozzjoni tal-innovazzjoni mis-suq, inkluż mis-settur pubbliku. Dan se jinkludi iktar prova tal-kunċett, pilotaġġ u dimostrazzjoni. Dan se jinvolvi użu aħjar tal-potenzjal tal-infrastrutturi tar-riċerka, kif ukoll l-issettjar tal-istandards tekniċi, l-akkwist prekummerċjali u t-tisħiħ tal-finanzjament tas-self u l-ekwità. Approċċi ġodda bħal premjijiet ta’ inkoraġġiment, li jippremjaw il-kisba ta' għanijiet speċifiċi, se jinkoraġġixxu l-involviment ta’ firxa usa' ta' innovaturi. L-Isħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni ser jiġu inkarigati bl-indirizzar tal-barrieri tekniċi, legali u operattivi għall-innovazzjoni fl-Ewropa, u b'hekk jistabbilixxu rabtiet sodi bejn il-miżuri min-naħa tal-provvista u d-domanda.

    Spiss l-innovazzjonijiet importanti jiġu minn skoperti mhux previsti jew applikazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji eżistenti jew emerġenti. Orizzont 2020 se jippermetti lill-aktar imħuħ brillanti u kreattivi tal-Ewropa biex jestendi l-fruntieri tal-għarfien billi jsaħħaħ attivitajiet minn isfel għal fuq bħall-ERC u FET, l-azzjonijiet Marie Curie u l-istrument dedikat tal-SMEs. Barra minn hekk, għal kull sifda tas-soċjetà, id-deskrizzjonijeit tas-suġġeti fis-sejħiet għall-proposti se jippermettu, iktar mill-passat, ambitu wiesa' ħafna għall-applikanti biex jipproponu soluzzjonijeit innovattivi tal-għażla tagħhom.

    Orizzont 2020 se jippromwovi l-iskambju tal-ideat u l-perspettivi bl-iskjerament ta' approċċ bla xkiel madwar il-partijiet tal-kostitwenti tiegħu kollha. L-istess regoli se japplikaw, u jippermettu lill-parteċipanti biex jimxu malajr bejn partijiet differenti. Azzjonijiet ta' tqarrib se jitqiegħdu fis-seħħ biex idaħħlu proġetti u r-riżultati minn parti waħda f'kuntatt ma' proġetti relatati f’partijiet oħra.

    Attivitajiet konġunti bejn il-partijiet differenti tal-Orizzont 2020 ser ikunu meħtieġa partikolarment biex jiżguraw konnessjoni bla xkiel bejn l-appoġġ għal teknoloġiji abilitanti u industrijali u l-applikazzjonijiet tagħhom għall-isfidi tas-soċjetà. Saru dispożizzjonijiet speċifiċi biex ikun permess dan l-approċċ u biex ikunu inċentivati azzjonijiet trasversali, inkluż l-abbiltà li jikkombinaw il-baġits f’manjiera effiċjenti.

    Wara ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar teknoloġiji Abilitanti Ewlenin (KETs)[21], ‘Tmexxijja fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali’ se jippermettu li l-KETs jiġu ttrattati bħala prijorità ewlenija tal-Orizzont 2020, b’enfasi fuq l-importanza tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi. Dan jinkludi baġit dedikat ta’ EUR 6663 miljun għall-KETs tal-fotonika, il-mikro u n-nanoelettornika, in-nanoteknoloġiji, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija u l-manifattura u l-ipproċessar avvanzati. Bħala parti minn dan l-approċċ integrat għall-KETs, ser jiġi pprovdut appoġġ dedikat għal attivitajiet li jisfruttaw il-benefiċċji akkumulati mill-kombinament ta’ għadd ta’ KETs, b 'mod partikolari permezz tal-appoġġ fuq linja pilota ta’ skala akbar u proġetti ta’ dimostrazzjoni

    TISħIħ TAL-PARTEċIPAZZJONI TAL-SMES

    L-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni tinkludi impenn biex tiżgura parteċipazzjoni qawwija mill-SMEs fl-Orizzont 2020. L-SMEs għandhom potenzjal tal-innovazzjoni sinifikanti u għandhom l-aġilità biex iġibu skoperti teknoloġiċi rivoluzzjonarji u innovazzjoni tas-servizz għas-suq. It-tisħiħ tal-approċċ għall-SMEs, inkluż it-titjib tal-parteċipazzjoni tal-mikroimpriżi, huwa essenzjali jekk l-Orizzont 2020 se jgħin il-kumpaniji li qed jikbru malajr tal-lum biex isiru l-kumpaniji multinazzjonali ta' għada.

    Orizzont 2020 jieħu approċċ integrat lejn l-SMEs. Permezz ta’ dan l-approċċ, huwa mistenni li madwar 15% tal-baġit totali kkombinat għall-isfidi tas-soċjetà kollha u t-teknoloġiji abilitanti u industrijali se jmur għand l-SMEs. Għadd ta’ novitajiet taħt l-Orizzont 2020 se jħeġġu l-parteiċpazzjoni tal-SMEs.

    Is-simplifikazzjoni se tkun ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs, għaliex spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex ilaħħqu mal-piżijiet amministrattivi għoljin. Dan se jinkludi l-istabbilment ta’ punt tad-dħul uniku għall-SMEs li jixtiequ jipparteċipaw fl-Orizzont 2020. Ugwalment, l-enfasi msaħħa fuq l-attivitajiet ta’ innovazzjoni se żżid il-parteċipazzjoni tal-SMEs għaliex dawn l-attivitajiet huma ta' rilevanza diretta għalihom.

    Dawn il-miżuri orizzontali se jkunu ssupplimentati b'azzjonijiet speċifiċi għall-SMEs, b’konsolidazzjoni tal-appoġġ li kien preċedentement mifrux fuq diversi programmi f’sett ta' strumenti ssimplifikat.

    L-ewwel, strument ġdid tal-SME, li jibni fuq il-mudell SBIR[22], li l-prinċipji tiegħu huma deskritti fl-‘Innovazzjoni fl-SMEs’, se jintuża konsistentament madwar l-isfidi tas-soċjetà kollha kif ukoll għat-teknoloġiji abilitanti u industrijali. L-istrument se jippermetti lill-SMEs biex iressqu l-iżjed ideat innovattivi tagħhom biex jindirizzaw sfidi fil-livell tal-Unjoni. L-istrument se jissodisfa l-ħtiġijiet tal-SMEs kollha u jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi speċifiċi, irrispettivament jekk dawn humiex high-tech u xprunati mir-riċerka jew innovazzjonijiet soċjali xprunati mis-servizz, permezz tal-karatteristiċi li ġejjin:

    - L-SMEs biss ser jitħallew japplikaw għal finanzjament. Jistgħu jġibu magħhom msieħba oħra iżda waħda mill-akbar novitajiet ta’ dan l-istrument huwa li tippermetti għal paroġetti ta’ parteċipant wieħed;

    - L-appoġġ se jiġi provdut f’fażijiet differenti. Stadju tal-fattibbiltà se jippermetti valutazzjoni tal-potenzjal tal-proġett. Għotja ewlenija se tippermetti lill-SMEs biex iwettqu l-proġett, iżommu s-sjieda tal-IPR u jesternalizzaw l-kompiti fejn meħtieġ. Appoġġ ta’ segwitu se jiġi pprovdut indirettament permezz ta’ servizzi bħal għajnuna fl-aċċess għal kapital ta’ riskju, appoġġ għall-innovazzjoni jew akkwist pubbliku.

    It-tieni, attività dedikata għal SMEs intensivi hija inkluża fir-riċerka fl-‘Innovazzjoni fl-SMEs’. Din se tappoġġa l-istadju li jmiss fl-iskema Eurostars[23] implimentata fi sħubija mal-Istati Membri[24]. Se tkun akkumpanjata minn miżuri biex tinbena l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-SMEs, bħan-netwerking u s-senserija, u tippermetti wkoll lill-SMEs biex jagħmlu “spin in” tat-teknoloġija billi jaqbdu ma’ riċerkaturi u innovaturi madwar l-Ewropa.

    It-tielet, ‘Aċċess għal finanzjament ta’ riskju’ se jkollu fokus tal-SME qawwi, kif talab il-Kunsill Ewropew. Għall-Faċilità tad-Dejn, il-fokus tal-SME se jissaħħaħ billi jaħdem ma’ intermedjarji finanzjarji fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Il-Faċilità tal-Ekwità se tiffoka fuq investimenti fl-istadji bikrin, filwaqt li jkollha l-possibbiltà li tagħmel investimenti ta’ espansjoni u tkabbir tal-istadju flimkien mal-faċilità tal-ekwità taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs.

    Il-Faċilità tal-Ekwità u l-komponent tal-Faċilità tad-Dejn relatat mal-SME se jiġu implimentati bħala parti minn żewġ Strumenti Finanzjarji tal-UE li jipprovdu ekwità u dejn biex jappoġġaw ir-R&I u t-tkabbir tal-SMEs, flimkien mal-faċilitajiet tal-ekwità u d-dejn taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs.

    KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi terzi hija meħtieġa biex jindirizzaw effettivament ħafna objettivi speċifiċi definiti fl-Orizzont 2020. Dan hu l-każ partikolarment għall-isfidi tas-soċjetà kollha indirizzati bl-Orizzont 2020, li jridu jiġu indirizzati fil-livell globali. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali għar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien u bażika sabiex jinħatfu l-benefiċċji minn opportunitajiet tax-xjenza u t-teknoloġija emerġenti. Il-promozzjoni tal-mobilità internazzjonali tar-riċerkaturi u tal-persunal tal-innovazzjoni hija kruċjali għat-titjib tal-kooperazzjoni globali. Attivitajiet fuq livell internazzjonali huma ugwalment importanti biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea billi tippromwovi l-adozzjoni u l-kummerċ ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ standards u linji gwida madwar id-dinja, u bil-promozzjoni tal-aċċettazzjoni u l-iskjerament ta' soluzzjonijiet Ewropej barra mill-Ewropa.

    L-għan tal-koperazzjoni internazzjonali fl-Orizzont 2020 se tkun biex isaħħaħ l-eċċellenza u l-attratività tal-Unjoni fir-riċerka, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali flimkien u biex jingħata appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni. Il-fokus tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-Orizzont 2020 se tkun fuq il-kooperazzjoni bi tliet gruppi kbar ta’ pajjiżi:

    (1) ekonomiji industrijalizzati u emerġenti;

    (2) pajjiżi aderenti u tal-viċinat; u

    (3) pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Fejn xieraq, Orizzont 2020 se jippromwovi l-kooperazzjoni fil-livell reġjonali jew multilaterali. Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija aspett ewlieni tal-impneji globali tal-Unjoni u għandha rwol importanti x'taqdi fl-isħubija tal-Unjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li spiss huma effettwati b’mod sproporzjonat mill-isfidi globali. Din il-kooperazzjoni se tippromwovi t-tkabbir inclusi u l-progress lejn il-kisba tal-Miri tal-Iżvilupp tal-Millenju u miri oħra maqbula fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli internazzjonali.

    Orizzont 2020 se jkompli mal-prinċipju tal-ftuħ ġenerali, filwaqt li jħeġġeġ l-aċċess reiproku tal-programmi tal-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, firxa ta’ azzjonijiet immirati se jiġu implimentati billi jittieħed approċċ strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali abbażi ta' interess komuni u benefiċċju reċiproku u l-promozzjoni tal-koordinazzjoni u sinerġiji ma' attivitajiet tal-Istati Membri. Miżuri ta' appoġġ dedikati biex jassistu l-approċċ strateġiku u l-proċess tal-iffissar tal-prijoritajiet huma inklużi fl-isfida ‘Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u siguri’.

    TIXRID TAL-EċċELLENZA U TWESSIGħ TAL-PARTEċIPAZZJONI

    Orizzont 2020 se jkompli jalloka l-finanzjament abbażi ta’ sejħiet kompetittivi għal proposti u permezz ta’ analiżi inter pares indipendenti u bbażata fuq il-meritu, fejn tagħżel biss l-aħjar proġetti mingħajr kwalunkwe konsiderazzjoni tad-distribuzzjoni ġeografika.

    Approċċ bħal dan, madankollu, jeħtieġ li jiġi kkumplimentat b'miżuri biex jiżguraw li l-Orizzont 2020 huwa miftuħ għal firxa wiesgħa ta' parteċipanti, inkluż parteċipanti ġodda, u li l-eċċellenza tipprevali fejn din teżisti. Għalhekk it-talent jeħtieġ li jitrawwem u jiġi appoġġat biex jikber f’eċċellenza, u jippermetti lir-riċerkaturi u lill-innovaturi madwar l-Ewropa biex jibbenefikaw minn strumenti tal-Orizzont 2020, in-netwerks u l-finanzjament. Dan se jinkludi li jissawru rabtiet mill-qrib ma’ attivitajiet fis-settur tal-edukazzjoni ogħla, b’mod partikolari fil-programmi Erasmus Għal Kulħadd u l-Alleanzi tal-Għarfien.

    Il-finanzjament tal-Unjoni għen fil-bini u t-tixrid tal-eċċellenza madwar l-Ewropa kemm permezz tal-FP7 u tal-fondi tal-Politika tal-Koeżjoni. L-attivitajiet tar-‘Reġjuni tal-Għarfien" u l-"Potenzjal tar-Riċerka' tal-programm speċifiku tal-Kapaċitajiet tal-FP7 ġew sodisfatti b’interess kbir, iżda l-evidenza tissuġġerixxi li jkun aktar effiċjenti jekk azzjonijiet simili ġew segwiti taħt politika ta' Koeżjoni[25].

    Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi diviżjoni aktar ċara tax-xogħol bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali, filwaqt li jissaħħu l-interazzjonijiet. L-appoġġ għar-reġjuni sabiex jibnu l-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom se jkun ipprovdut permezz tal-politika ta' Koeżjoni, li se tintroduċi l-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u tinkludi miżuri li jippermettu lir-riċerkaturi u lill-innovaturi madwar l-Ewropa biex jikbru fl-eċċellenza.

    Il-miżuri kumplimentari taħt l-Orizzont 2020 se jimmiraw li jwessgħu l-parteċipazzjoni madwar l-programm kollu. Dan se jinkludi l-iżgurar ta’ koordinazzjoni aħjar, kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn żewġ programmi ta' fondi tal-Unjoni. L-appoġġ se jingħata wkoll fis-‘Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u siguri’ għat-tagħlim u l-konsulenza dwar il-pariri bil-għan li l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu riformati. Dan se jinvolvi wkoll netwerking u skemi ta’ ġemellaġġ li jtejbu r-rabtiet bejn ir-riċerkaturi u l-innovaturi fl-Istati Membri u r-reġjoni kollha. B’dan il-mod, it-tmexxija għall-eċċellenza li hi karatteristika tal-Orizzont 2020 ikkumbinata mal-elementi tal-bini tal-kapaċità tal-Fondi Strutturali se tippermetti pakketti ta’ eċċellenza biex joħorġu u jikbru f’reġjuni li qed jiżviluppaw. Dawn se jżidu l-attrattività internazzjonali tar-reġjuni kkonċernati u jaġixxu bħala punti fokali għal aktar żvilupp ekonomiku tagħhom. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda għandhom jitqisu wkoll.

    TLESTIJA TAż-ŻONA EWROPEA TAR-RIċERKA

    It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) hija meħtieġa b’urġenza biex jiġi evitat infiq żejjed fuq l-istess ħaġa u duplikazzjoni bla bżonn tal-attivitajiet. Din tinvolvi l-bini ta' suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jippermetti lir-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozji biex jiċċirkolaw, jikkompetu u jikkooperaw tul il-fruntieri. Il-lakuni li jifdal se jiġu indirizzati permezz tal-qafas ERA, li se jkun ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2012.

    Orizzont 2020 se jsaħħaħ l-appoġġ mogħti biex jippromwovi l-karrieri tar-riċerkaturi u l-mobbiltà (inkluż permezz tal-‘Azzjonijiet Marie Curie’) u biex jiżgura n-netwerking u l-ftuħ ta’ infrastrutturi tar-riċerka fuq skala kbira kif ukoll il-kisba tal-ERA ‘onlajn’ (‘Infrastrutturi tar-Riċerka’). Orizzont 2020, sabiex jikkontribwixxi għall-attratività tal-karriera tar-riċerka, se jagħti attenzjoni adegwata lil Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi, flimkien ma’ oqfsa ta’ referenza rilevanti oħrajn ddefiniti fil-kuntest tal-ERA, filwaqt li jirrispetta n-natura volontarja tagħhom. Ser jittieħdu iktar passi lejn l-Aċċess Miftuħ, biex jiżguraw li r-riżultati tar-riċerka huma disponibbli għal dawk li jeħtiġuhom. Se jinvolvi wkoll azzjonijiet biex ineħħi l-ostakli li jżommu lin-nisa milli jsegwu karrieri xjentifiċi b’suċċess. Il-Kummissjoni hija impenjata li tilħaq il-mira ta' 40 % ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fl-istrutturi konsultattivi tagħha u se tiżgura li d-differenzi bejn is-sessi huma rifless fil-kontenut tas-sejħiet għall-proposti, u fil-proċessi ta' evalwazzjoni, fejn xieraq. Il-parteċipazzjoni miżjuda tan-nisa se ttejjeb il-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li tgħin tindirizza d-defiċit eżistenti ta’ xjenzati bi kwalifiki għoljin u tal-esperjenza li huma neċessarjigħall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku mtejbin Ewropej.

    L-isfida ‘Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u sikuri’ se tappoġġa l-koordinazzjoni tal-politika madwar l-Ewropa, li tipprovdi bażi ta' evidenza qawwija biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ taħlit adegwat ta' politiki. Bħala miżura ġdida, il-programmi tax-xogħol se jkun fihom informazzjoni dwar kif il-koordinazzjoni ma’ finanzjament nazzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni hija żgurata, fejn din issir element ta' diskussjoni fil-kumitati tal-programm.

    Orizzont 2020 se jappoġġa approċċi mmirati lejn il-ġbir u l-ingranaġġ ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament permezz tal-iskema ERA-NET simplifikata, u jipprovdi appoġġ mill-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-kofinanzjament ta' sejħiet konġunti għall-proposti. Sett ċar ta' kriterji għal programmi konġunti taħt l-Artikolu 185 u impriżi konġunti taħt l-Artikolu 187 se jippermettu sett imsaħħaħ ta' inizjattivi biex jimxu 'l quddiem, filwaqt li titqies l-esperjenza u l-evalwazzjonijiet taħt l-FP7 kif ukoll ir-reviżjonijiet għar-Regolamenti Finanzjarji.

    L-Inizjattivi ta’ Programmar Konġunt (JPI) kienu żvilupp importanti fil-ġbir ta' riżorsi biex tiġi ġġenerata massa kritika biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tal-Istati Membri. Orizzont 2020 se jgħin il-JPIs fl-iżvilupp tal-Aġendi Strateġiċi tar-Riċerka tagħhom. Fejn l-isfida indirizzata b'JPI hija konformi mal-prijoritajiet ta’ Orizzont 2020, ERA-NET jew il-kofinanzjament jistgħu jintużaw biex jipprovdu aktar appoġġ. Inizjattivi tal-Artikolu 185 il-ġdid se jkunu kkunsidrati biss sakemm ikun hemm impenn ċar mill-Istati Membri u fejn JPI wriet il-kapaċità tagħha ta’ kollaborazzjoni sinifikanti u l-iskala u l-ambitu meħtieġa biex tappoġġa l-integrazzjoni sħiħa tal-programmi nazzjonali.

    Imsejjes fuq l-esperjenza tal-isħubiji privati pubbliċi l-pjan għall-irkupru ekonomiku Ewropew, se jkun hemm ambitu ikbar għall-istabbilment ta’ sħubiji bħal dawn mingħajr rikors għal proċeduri leġiżlattivi ġodda. Dan se jippermetti inizjattivi bħal dawn biex jiġu implimentati f’manjiera simplifikata filwaqt li jiżguraw aktar ċarezza tar-rwoli u r-responsabbiltajiet.

    NISSODISFAW L-AMBIZZJONIJIET KONDIVIżI TAGħNA

    Il-kontribwenti tal-Ewropa għandhom id-dritt ikunu jafu kif il-flus tagħhom qed jiġu investiti. Minħabba li r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-futur tan-nies, huwa importanti li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni iffinanzjati permezz ta’ Orizzont 2020 jinġiebu għall-attenzjoni tal-pubbliku ġenerali, u juru b'mod partikolari l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Dan se jiġġenera fehim, involviment u dibattitu aħjar tal-pubbliku. Il-miżuri ta’ informazzjoni u komunikazzjoni se jkunu għalhekk parti integrali tal-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020.

    Dawn il-miżuri se jiffokaw ukoll fuq il-komunikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka lill-persuni li jfasslu l-politika, il-kumpaniji, l-innovaturi u riċerkaturi oħra, inkluż billi jippromwovi l-Aċċess Miftuħ.

    L-ilħuq tal-ambizzjonijiet kondiviżi tagħna, li huwa ċentrali għall-Ewropa 2020 u l-Unjoni tal-Innovazzjoni, jesiġi politiki ambizzjużi. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-proposta tagħha għal Orizzont 2020 u l-bidla radikali li tinvolvi se tippermetti l-Baġit tal-Unjoni biex jaqdi rwol ewlieni fit-tmexxija fil-pass tal-bidla fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni li l-Ewropa teħtieġ. Orizzont 2020 huwa mfassal biex iservi sa tmiem dan id-deċennju. Il-proġetti tiegħu se jkomplu għaddejjin sew fid-deċenju ta’ wara u l-impatt tal-finanzjament tieħgu se jinħass lil hinn minn dak. Għalhekk huwa verament investiment għall-futur.

    [1] COM(2010) 2020.

    [2] COM(2010) 546.

    [3] COM(2011) 500.

    [4] P7 TA(2011)0236

    [5] Attivitajiet fil-qasam tal-enerġija nukleari huma parti integrali tal-Orizzont 2020, iżda huma suġġetti għal proposta separata taħt it-Trattat Euratom. Il-finanzjament għall-ITER se jkun barra mill-baġit tal-UE u soġġett għal programm supplimentari.

    [6] http://ec.europa.eu/research/horizon2020/pdf/consultation-conference/summary_analysis.pdf

    [7] P7 TA(2011)0401

    [8] CESE 1163/2011

    [9] ERAC 1210/11

    [10] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020, COM (2014-2020), COM(2011) 809

    [11] Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Speċifiku li jimplimenta Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020), COM(2011) 811

    [12] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020, COM (2014-2020), COM(2011) 810

    [13] Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020, COM(2011) 812

    [14] SEC(2011) 1427 u SEC(2011) 1428

    [15] Permezz ta’ dan l-isem, il-Kummissjoni tagħti ġieħ lil din ix-xjenzata brillanti li rebħet il-premju Nobel u l-kontribuzzjoni importanti li għamlet għall-avvanz tal-istat tax-xjenza fl-Ewropa.

    [16] ĠU L 412 tat-30 ta’ Diċembru 2006

    [17] http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/fp7_interim_evaluation_expert_group_report.pdf

    [18] COM(2010)0187

    [19] C(2011)174 tal-24 ta’ Jannar 2011.

    [20] P7 TA(2011)0401

    [21] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf

    [22] Riċerka tal-Innovazzjoni tan-Negozji Żgħar, http://www.sbir.gov

    [23] http://www.eurostars-eureka.eu/

    [24] http://www.eurekanetwork.org/

    [25] Grupp espert fuq sinerġiji bejn FP7, CIP u l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/docs/seg-final_en.pdf

    Top