EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0428

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska

/* KUMM/2010/0428 */

52010DC0428

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska /* KUMM/2010/0428 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.8.2010

KUMM(2010) 428 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska

INTRODUZZJONI

Sfond

Id-Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI tapplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska maħruġa minn qorti kompetenti fi kwistjonijiet kriminali sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali ordnijiet ta' konfiska fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih inħareġ l-ordni ta' konfiska. Id-Deċiżjoni Qafas tapplika għal kull reat li għalih jistgħu jinħarġu ordnijiet ta' konfiska. Kontrolli ta' kriminalità doppja tneħħew fir-rigward ta' 32 kategorija ta' reati elenkati fid-Deċiżjoni Qafas.

In-notifiki mibgħuta mill-Istati Membri

Sa Frar tal-2010, il-Kummissjoni kienet irċeviet notifiki dwar liġijiet nazzjonali li jittrasponu id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas mit-13-il Stat Membru li ġejjin: AT, CZ, DE, DK, FI, IE, HU, LV, NL, PL, PT, RO u SI. IE ma ehmżietx il-liġi ta' implimentazzjoni man-notifika tagħha. HU u DE bagħtu biss notifika mhux uffiċjali.

Seba' Stati Membri ( BE, CY, EL, ES, FR, IT u LT ) infurmaw lill-Kummissjoni bil-proċess tal-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti f'livell nazzjonali. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma adotta l-leġiżlazzjoni jew innotifika lill-Kummissjoni qabel l-aħħar ta' Frar tal-2010.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri li bagħtu notifika lill-Kummissjoni ttrasponew id-Deċiżjoni Qafas b'mod korrett, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 8 minħabba raġunijiet għal rifjut. Il-maġġoranza tal-Istati Membri inkludew raġunijiet addizzjonali għal rifjut mhux pprovduti mid-Deċiżjoni Qafas. Dan jillimita b'mod sinifikanti l-ambitu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u mhuwiex konformi magħha. Ftit biss mill-Istati Membri ttrasponew parzjalment id-Deċiżjoni Qafas.

Ma ġiet irċevuta l-ebda notifika jew informazzjoni dwar il-proċess ta' traspożizzjoni mis-seba' Stati Membri li ġejjin: BG, EE, LU, MT, SE, SK u UK.

Metodu u kriterju ta' evalwazzjoni

L-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi għall-istabbiliment ta' rapport bil-miktub tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda minn Stati Membri biex jikkonformaw ma' dan l-istrument sal-24 ta' Novembru 2008. Ir-rapport kellu jkun stabbilit mill-Kummissjoni fil-ħin biex il-Kunsill jivvaluta, sal-24 ta' Novembru 2009, il-punt safejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni Qafas. Id-dewmien fil-preparazzjoni ta' dan ir-Rapport jirriżulta minħabba n-numru baxx ta' notifiki (tnejn biss) rċevuti fit-terminu tal-iskadenza oriġinali stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas.

Min-natura tagħhom, id-deċiżjonijiet qafas jorbtu fuq l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, iżda jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodu ta' implimentazzjoni. Tkun xi tkun il-forma magħżula, il-prinċipji ta' ċarezza, ċertezza legali u effettività għandhom ikunu rispettati. Id-deċiżjonijiet qafas m'għandhomx effett dirett. Madankollu l-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi jorbot fir-rigward tad-deċiżjonijiet qafas adottati taħt it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[1].

EVALWAZZJONI

Aspetti ġenerali tal-implimentazzjoni

Kull Stat Membru għażel metodu differenti għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

AT ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas fil-Liġi Federali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali mal-Istati Membri tal-UE. Din il-liġi fiha wkoll traspożizzjoni ta' Deċiżjonijiet Qafas oħra dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali. It-traspożizzjoni għandha l-iktar elementi importanti tad-Deċiżjoni Qafas, iżda hemm xi ommissjonijiet.

CZ immodifikat il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. It-traspożizzjoni hija metikoluża ħafna u tinkludi d-dispożizzjonijiet kollha importanti tad-Deċiżjoni Qafas.

DE implimentat id-Deċiżjoni Qafas billi emendat u ssupplimentat il-Liġi Federali dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali fi Kwistjonijiet Kriminali. Fin-nuqqas ta' verżjoni kkonsolidata tad-dispożizzjonijiet emendati, xi drabi huwa diffiċli biex ikunu apprezzati l-kompletezza u l-korretezza tal-implimentazzjoni. Xi prinċipji essenzjali tad-Deċiżjoni Qafas (bħal pereżempju l-prinċipju tal-kuntatt dirett) ma jidhrux li ġew trasposti sew.

DK – il-liġi ta' implimentazzjoni Daniża daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005, jiġifieri kważi sentejn qabel ma d-Deċiżjoni Qafas kienet adottata mill-Kunsill. Il-liġi Daniża tipprovdi għall-elementi l-iktar importanti tar-rikonoxximent tal-ordnijiet ta' konfiska, iżda tħalli barra elementi oħra inqas importanti.

FI – il-liġi ta' implimentazzjoni tal-Finlandja hija qasira ħafna. Speċifiċità ta' din il-liġi hija li tinkludi dispożizzjoni ġenerali fit-Taqsima 1 tagħha, li tistipula li d-dispożizzjonijiet ta' natura leġiżlattiva fid-Deċiżjoni Qafas għandha tkun osservata bħala liġi, ħlief jekk il-liġi ta' implimentazzjoni tipprovdi mod ieħor. Dispożizzjoni bħal din tista' twassal għal nuqqas ta' ċarezza u ċertezza legali fost dawk li jeżerċitaw peress li huma jridu jkunu familjari sew mad-Deċiżjoni Qafas u japplikawha direttament. Il-liġi ta' traspożizzjoni Finlandiża tiffoka biss fuq ftit kwistjonijiet bħal pereżempju l-appell kontra d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ordni ta' konfiska. Fir-rigward tal-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet l-oħra, il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tirreferi għad-dispożizzjoni ġenerali. Għalhekk huwa kemmxejn diffiċli biex jiġi evalwat il-livell ta' traspożizzjoni. B'konsiderazzjoni tad-dispożizzjoni ġenerali, it-traspożizzjoni tal-Finlandja tista' tkun ikkunsidrata bħala formalment sodisfaċenti. Madankollu, għall-fini ta' ċarezza ta' dan ir-rapport, fejn il-liġi ta' traspożizzjoni ma tinkludiex dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ċerti elementi, dan ir-rapport jistqarr li l-Finlandja ma ttrasponietx dawn l-elementi.

IE ma ehmżietx il-liġi ta' traspożizzjoni man-notifika tagħha. It-traspożizzjoni kienet fl-Att tal-Assistenza Reċiproka fil-Ġustizzja Kriminali fl-2008. Fil-biċċa l-kbira tal-partijiet it-test tal-liġi ta' traspożizzjoni ma jikkorrispondiex mad-Deċiżjoni Qafas u diversi dispożizzjonijiet importanti u prinċipji bażiċi ta' rikonoxximent reċiproku tħallew barra. Il-liġi ma tinkludiex pereżempju l-prinċipji tal-kuntatt dirett u r-rikonixximent mingħajr iktar formalità, tneħħija tal-verifika tal-kriminalità doppja għal 32 reati, raġunijiet għal rifjut, raġunijiet għal posponiment jew dritt għal rimedji legali. Madankollu, hi tinkludi kwistjonijiet oħra mhux stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas bħal pereżempju l-imgħax fuq somom mhux imħallsa jew proċeduri għat-twettiq tal-proprjetà jew impossibbiltà ta' priġunerija awtomatika.

HU implimentat id-Deċiżjoni Qafas b'Att dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni hija sodisfaċenti.

LV emendat il-Liġi tal-Proċedura Kriminali Latvjana. It-traspożizzjoni Latvjana hija parzjali biss peress li tħalli barra xi elementi tad-Deċiżjoni Qafas.

NL ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas bl-emendi tal-Att tar-rikonoxximent reċiproku u t-twettiq tas-sanzjonijiet kriminali. It-traspożizzjoni għandha l-elementi kollha importanti tad-Deċiżjoni Qafas u għalhekk hija sodisfaċenti.

PL emendat il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali billi daħħlet kapitolu dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' konfiska. It-traspożizzjoni għandha l-elementi l-iktar importanti.

PT adotta liġi speċjali li timplimenta biss din id-Deċiżjoni Qafas, u ma għaqqadhiex ma' Deċiżjonijiet Qafas oħra dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Il-liġi hija dettaljata ħafna, issegwi l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas u tittrasponi l-elementi kollha importanti tad-Deċiżjoni Qafas. It-traspożizzjoni hija għalhekk sodisfaċenti ħafna.

RO emendat il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali fi Kwistjonijiet Kriminali. It-traspożizzjoni tar-Rumanija hija dettaljata ħafna; hija għandha l-elementi kollha importanti tad-Deċiżjoni Qafas u għalhekk hija sodisfaċenti.

SI ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas fl-Att dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali mal-Istati Membri tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tittrasponi l-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku kollha. It-taqsima ġenerali tinkludi l-prinċipji ġenerali kollha, bħal pereżempju l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku segwit minn kapitoli individwali li jittrattaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-forom differenti tad-deċiżjoni. It-taqsima dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' konfiska tittrasponi d-dispożizzjonijiet kollha importanti tad-Deċiżjoni Qafas u għalhekk hija tajba.

Artikolu 1 - Għan

L-Artikolu 1(1) jistabbilixxi l-għan ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas. Ma hemmx bżonn li dan jiġi traspost jekk il-kuntest tal-liġi ta' implimentazzjoni huwa ċar biżżejjed dwar l-għan ta' leġiżlazzjoni.

AT, FI, NL, CZ u PT inkludew l-għan ġenerali fil-liġi tat-traspożizzjoni nazzjonali tagħhom. Stati Membri oħra (IE, LV, PL, RO, SI, DE, DK u HU) ma inkludewx dan il-paragrafu.

L-Artikolu 1(2) jipprovdi li d-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif jinsabu fl-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe obbligu li jaqa' fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f'dan ir-rigward ma għandux jiġi milqut.

Id-dispożizzjoni tirrifletti obbligu ġenerali għall-Istati Membri kollha u għalhekk it-traspożizzjoni tiegħu tista' tkun żejda. Huwa permissibbli b'mod ċar għall-Istati Membri li jistipulaw dan l-obbligu fil-liġi ta' implimentazzjoni tagħhom.

Skont il-maġġoranza tal-Istati Membri dan l-Artikolu ma jeħtieġx traspożizzjoni. Xi Stati Membri (AT, FI) ttrasponew dan l-obbligu bħala raġuni addizzjonali għal rifjut.

Artikolu 2 - Definizzjonijiet

L-Artikolu 2 jiddefinixxi termini bħal: "Stat emittenti" u "Stat ta' eżekuzzjoni", "ordni ta' konfiska", "proprjetà", "rikavati", "strumenti" u "oġġetti kulturali". L-implementazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas jinvolvi ċertu marġini ta' apprezzament biex jiġi determinat jekk huwiex neċessarju li jkunu trasposti d-definizzjonijiet kollha fil-liġi nazzjonali. Madankollu l-Istati Membri jridu jiżguraw li t-traspożizzjoni nazzjonali tagħhom ma tikkompromettix l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Nuqqas totali ta' ċerti definizzjonijiet jista' jwassal għal nuqqas ta' ċertezza, pereżempju d-definizzjoni ta' "ordni ta' konfiska" trid tkun implimentata ħalli tiżgura li d-deċiżjoni barranija tista' tkun rikonoxxuta minkejja l-isem tal-istrument fl-Istat Membru emittenti, peress li t-terminoloġija rilevanti tvarja ħafna fl-Istati Membri.

AT indikat li hi ttrasponiet id-definizzjonijiet, iżda ma ehmżietx il-partijiet rilevanti tal-liġi. It-taqsima rilevanti tal-liġi tal-AT għandha biss definizzjoni parzjali ta' "ordni ta' konfiska" peress li ma ssemmiex li hija deċiżjoni finali mogħtija minn qorti. Il-PL indikat li hi ttrasponiet id-definizzjonijiet, iżda l-liġi ta' referenza ( li ma kinitx man-notifika) m'għandha l-ebda definizzjoni.

AT, NL, PT u RO koprew dawn it-termini kollha. Xi Stati Membri, (IE, SI, DK, CZ and HU) ttrasponew xi definizzjonijiet, pereżempju d-definizzjoni ta' "ordni ta' konfiska". Stati Membri oħra (LV, FI, DE u PL) ma ttrasponew l-ebda definizzjoni fil-liġi domestika, u dan jista' jwassal għall-inċertezza fir-rigward tal-ambitu ta' applikazzjoni tal-istrument leġiżlattiv.

Artikolu 3 – Determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti

Dan l-Artikolu jobbliga l-Istati Membri biex jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, liem awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti għall-fini tad-Deċiżjoni Qafas. Kull Stat Membru jista’ jinnomina, jekk huwa neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema interna tiegħu, awtorità ċentrali waħda jew aktar responsabbli għat-trażmissjoni u l-wasla amministrattiva tad-deċiżjonijiet u biex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti.

Għal xi wħud mill-Istati Membri l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet huma l-qrati nazzjonali (AT, CZ, IE HU, LV, PL, PT, SI u RO) jew is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika territorjalment kompetenti. Fi Stati Membri oħra l-awtorità ċentrali hija nnominata bħala l-awtorità emittenti jew ta' eżekuzzjoni. Dan huwa l-każ għal FI (Legal Register Centre), DK (Ministru tal-Ġustizzja) u NL (il-prosekutur pubbliku f'Leeuwarden).

Awtorità ċentrali għal fini tat-trażmissjoni tad-dokumenti hija nominata fi CZ, IE, LV, PL u SI (il-Ministru tal-Ġustizzja). RO nnominat l-Ministeru tal-Ġustizzja bħala l-awtorità ċentrali sabiex tipprovdi assistenza u t-trażmissjoni tad-dokument f'każijiet fejn il-kuntatt dirett mhuwiex possibbli. Il-liġi ta' traspożizzjoni tal-Latvja tinnomina l-qrati bħala l-awtoritajiet kompetenti, iżda tattribwixxi wkoll rwol importanti lill-Ministeru tal-Ġustizzja, li jiddetermina jekk ir-raġuni għal rifjut jeżistiex qabel ma jiddeċiedi li jibgħat it-talba għall-eżekuzzjoni tal-ordni ta' konfiska quddiem il-qorti. IE tattribwixxi wkoll rwol importanti lill-awtorità ċentrali, li tiddeċiedi jekk hux se tibgħat it-talba għall-konfiska rċevuta minn Stat Membru ieħor lill-Qorti Superjuri. Tali dispożizzjoni mhijiex konformi mal-prinċipju tal-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti u r-rwol purament amministrattiv stabbilit mill-Artikolu 3 għall-awtoritajiet ċentrali.

Artikolu 4 – It-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta' konfiska

Skont dan l-Artikolu, id-deċiżjoni kkonċernata flimkien ma' ċertifikat jistgħu jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru fejn il-persuna fiżika jew legali li kontriha nħareġ ordni ta' konfiska dwar ammont ta' flus ikollha proprjetà jew dħul. Fil-każ ta' ordni ta' konfiska dwar oġġetti speċifiċi ta' proprjetà, l-ordni tista' tintbagħat lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru fejn tinsab il-proprjetà. Il-prinċipju tal-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti jinsab f'dan l-Artikolu. Fejn l-awtorità ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tirrikonoxxi l-ordni ta' konfiska, hi għandha, ex officio , tibgħat l-ordni lill-awtorità kompetenti.

CZ, HU, PL, PT, RO, SI u NL ttrasponew l-elementi kollha tal-Artikolu 4 fil-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni tagħhom. AT, DK, LV implimentaw din id-dispożizzjoni parzjalment biss. Il-Finlandja ma ttrasponietx dan l-Artikolu peress li ttrasponiet dispożizzjoni ġenerali li tistipula li d-dispożizzjoni ta' natura leġiżlattiva fid-Deċiżjoni Qafas għandha tkun osservata bħala liġi (ara l-aspetti ġenerali tat-traspożizzjoni). IE u DE ma ttrasponewx dan l-Artikolu.

Il-prinċipju tal- kuntatt dirett kien implimentat minn NL u DK, fejn l-awtorità ċentrali hija fl-istess ħin l-awtorità ta' ħruġ u ta' eżekuzzjoni, li tikkomunika direttament mal-awtorità kompetenti ta' Stat ieħor. Dan il-prinċipju kien implimentat ukoll minn AT, CZ, PL, PT, RO u SI. AT u SI jipprovdu għall-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti, iżda l-Qorti emittenti, qabel ma tibgħat it-talba lil Stat Membru ieħor, trid tagħti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku oppportunità biex jagħti l-opinjoni tiegħu u lill-persuni kkonċernati l-opportunità biex jikkumentaw.

LV ma implimentatx il-prinċipju tal-kuntatt dirett peress li l-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità li mhux biss tibgħat u tirċievi l-ordnijiiet ta' konfiska, iżda tiddeċiedi wkoll jekk l-ordnijiet ta' konfiska humiex se jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti u tiddeċiedi jekk hemmx raġuni għal rifjut. IE ma implimentatx il-prinċipju ta' kuntatt dirett peress li l-awtorità kompetenti tibgħat l-ordni ta' konfiska lid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, li jiddeċiedi jekk l-ordni ta' konfiska hux se jintbagħt lill-Awtorità Ċentrali għat-trażmissjoni lil Stat Membru ieħor. DE ma kitbitx dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni domestika tagħha.

Artikolu 5 – Trażmissjoni tal-ordnijiet ta' konfiska lil Stat wieħed ta' eżekuzzjoni jew iktar

Bħala regola, ordni ta' konfiska jista' jintbagħat biss lil Stat ta' eżekuzzjoni wieħed wieħed. L-Artikoli 5(2) u (3) jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal din ir-regola f'każijiet fejn oġġetti differenti ta' proprjetà jinsabu fi Stati ta' eżekuzzjoni differenti, fejn il-konfiska tinvolvi azzjoni f'iktar minn Stat wieħed ta' eżekuzzjoni jew fejn oġġett speċifiku ta' proprjetà jinsab f'wieħed minn tnejn jew iktar Stati ta' eżekuzzjoni speċifiċi. Fir-rigward tal-ordni ta' konfiska li tikkonċerna ammont ta' flus, din tista' tintbagħat lil iktar minn Stat wieħed ta' eżekuzzjoni fejn il-proprjetà ma ġietx iffriżata jew fejn il-valur tal-proprjetà x'aktarx mhux se jkun biżżejjed għal-eżekuzzjoni.

AT, CZ, HU, NL, PL, PT, SI u RO ttrasponew bis-sħiħ dan l-Artikolu.

LV u DE ttrasponew dan l-Artikolu parzjalment. DK ddikjarat li din d-dispożizzjoni ma teħtieġ l-ebda implimentazzjoni. FI u IE ma ttrasponewx dan l-Artikolu.

Artikolu 6 - Reati

Dan l-Artikolu jinkludi lista ta' reati li jagħtu lok għal rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet mingħajr il-verifika ta' kriminalità doppja jekk huma kastigabbli fl-Istat Membru emittenti permezz ta' sentenza ta' kustodja għall-massimu ta' mill-inqas 3 snin. Kull reat ieħor jista' jkun soġġett għal verfika bħal din mill-Istat Membru ta' eżekuzzjoni. Il-lista tinkludi 32 reat li huma mniżżla wkoll f' Deċiżjonijiet Qafas oħra. Il-kwalifikazzjoni legali tar-reati taqa' esklussivament fuq l-Istat Membru emittenti.

CZ, DK, LV, PT, RO u SI implimentaw din id-dispożizzjoni f'konformità sħiħa mad-Deċiżjoni Qafas. Dawn l-Istati Membri inkludew lista ta' reati direttament fil-liġi ta' traspożizzjoni. AT, HU, NL, DE u PL indikaw li huma implimentaw il-lista ta' reati, iżda ma ehmżux il-leġiżlazzjoni rilevanti man-notifika. Għalhekk mhuwiex possibbli li t-traspoiżżjoni tkun evalwata minn dawn il-pajjiżi. FI ma implimentatx din id-dispożizzjoni, iżda stabbilixxiet dispożizzjoni ġenerali dwar "l-applikazzjoni diretta" tad-Deċiżjoni Qafas (ara l-kumment ġenerali). L-Irlanda ma implimentatx din id-dispożizzjoni u skont il-liġi attwali ma tirrikonoxxiex kwalunkwe ordni ta' konfiska għal reat li mhuwiex reat fl-Irlanda. Dan mhuwiex konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 7 - Rikonoxximent u eżekuzzjoni

Skont l-Artikolu 7, ordni ta' konfiska għandu jkun rikonoxxut mingħajr il-ħtieġa ta' formalitajiet ulterjuri u għandhom jittieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu. Liġijiet ta' implimentazzjoni li jipprovdu għal obbligu tal-awtorità kompetenti biex tlaqqa' seduta f'kull każ mhumiex konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 7, peress li seduta normalment tirrappreżenta formalità sinifikanti.

CZ, PL, RO, SI implimentaw din id-dispożizzjoni, iżda stabbilixxew obbligu biex ilaqqu seduta pubblika f'kull każ. Minħabba n-natura ġenerali ta' formalità fl-Istat ta' eżekuzzjoni ta' dan it-tip, tali seduta mhijiex konformi bis-sħiħ mad-Deċiżjoni Qafas.

L-implimentazzjoni tal-Finlandja tipprovdi għall-possibbiltà li jkollha seduta pubblika fejn uħud mir-raġunijiet għal rifjut x'aktarx ikunu invokati. Tali dispożizzjoni tidher li hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas, peress li d-deċiżjoni li tlaqqa' seduta trid tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ, jekk l-awtorità ta' eżekuzzjoni tikkunsidra li raġuni għal rifjut tista' tkun applikabbli u dan jeħtieġ li l-partijiet jinstemgħu.

LV implimentat din id-dispożizzjoni billi stabbilixxiet proċedura bil-miktub għar-rikonoxximent tal-ordni ta' konfiska.

AT tipprovdi għall-possibbiltà għall-persuna kkonċernata biex tikkumenta dwar il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni sakemm dan ikun jista' jiġi konvokat fit-territorju Awstrijak.

DK, HU, NL u PT implimentaw din id-dispożizzjoni mingħajr ma semmgħu kwalunkwe proċedura speċifika li twassal għar-rikonixximent (jiġifieri jekk is-seduta pubblika hijiex possibbli jew mandatorja jew mhijiex ipprovduta).

DE teħtieġ l-awtorità kompetenti (is-servizz ta' prosekuzzjoni pubblika territorjalment kompetenti) li tagħti l-persuna kkundanata, kif ukoll lil kull parti oħra kkonċernata, opportunità li tagħmel rappreżentazzjonijiet. Il-liġi tipprovdi wkoll għall-intervent ta' qorti mal-applikazzjoni tal-awtorità kompetenti, li għalhekk mhijiex kapaċi li tieħu hi nnifisha l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-ordni ta' konfiska, kif preskritt mill-Artikolu 7.

IE ttrasponiet b'mod parzjali din id-dispożizzjoni, iżda l-liġi ta' implimentazzoni ma tistipulax li jridu jseħħu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' ordni ta' konfiska mingħajr formalità addizzjonali.

B'mod ġenerali l-Istati Membri ma indikawx limiti ta' żmien għal eżekuzzjoni.

Dawn l-Istati Membri li ġejjin għamlu dikjarazzjoni skont l-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni Qafas: AT, LU, PL, SI mhux se jirrikonoxxu u jeżegwixxu ordnijiet ta' konfiska taħt ċirkostanzi fejn il-konfiska kienet ordnata skont is-setgħat estiżi tal-konfiska skont il-liġi tal-Istat emittenti (Artikolu 2 (d)(iv). PL inkludiet din ir-restrizzjoni direttament fit-test tal-liġi ta' traspożizzjoni.

Artikolu 8 - Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni

L-Artikolu 8 jipprevedi għal numru ta' raġunijiet li jistgħu jikkonstitwixxu raġuni għal rifjut ta' rikonoxximent jew eżekuzzjoni. Ir-raġunijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu huma fakultattivi għall-Istati Membri, li jistgħu jagħżlu li jimplimentawhom jew le, u jistgħu wkoll jagħmlu l-applikazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet iktar stretti minn dawk stabbiliti f'din id-dispożizzjoni[2]. Jekk jiġu implimentati, ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jinkitbu fil-liġi domestika bħala fakultattivi għall-awtorità kompetenti ("L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ta' eżekuzzjoni tista' tirrifjuta..."). Peress li jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku, il-lista ta' raġunijiet hija eżawrjenti, għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jikkonkludu kwalunkwe raġuni addizzjonali għal rifjut fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tagħhom.

L-Istati Membri ttrasponew dawn ir-raġunijiet għal rifjut li ġejjin:

- Iċ-ċertifikat ma ġiex ippreżentat, mhuwiex komplut jew manifestament ma jikkorrispondiex mad-Deċiżjoni (traspost bħala fakultattiv minn: DE, PL, PT u RO; traspost bħala mandatorju minn: AT, CZ, DK, LV, SI; traspost bħala parzjalment mandatorju, parzjalment fakultattiv mill-HU);

- ne bis in idem (traspost bħala fakultattiv minn: PL, PT u RO; traspost bħala mandatorju minn: AT, CZ, DK, LT, LV, NL, SI; traspost bħala parzjalment fakultattiv u parzjalment mandatorju mid-DK);

- il-prinċipju ta' kriminalità doppja (traspost bħala fakultattiv minn: PL, DK; traspost bħala mandatorju minn: AT, CZ, DE, HU, NL, RO, LV u SI);

- l-immunità (trasposta bħala fakultattiva minn: PT u RO; trasposta bħala mandatorja minn: AT, CZ, DK, LT, LV, NL u SI);

- drittijiet ta' kull persuna kkonċernata fil-każ (trasposti bħala fakultattivi minn: PL, PT u RO; trasposti bħala mandatorji minn: AT, CZ, DK, NL u SI; mhux trasposti mill-HU, LV);

- proċedimenti in absentia mingħajr rappreżentazzjoni minn konsulent legali (trasposti bħala fakultattivi minn: PL, PT u RO; trasposti bħala mandatorji minn: AT, CZ, DE, DK, HU, LV, NL u SI);

- il-prinċipju tat-territorjalità (traspost bħala fakultattiv minn: CZ, HU, NL, PL, PT u RO; traspost bħala mandatorju minn: AT, SI: traspost parzjalment bħala fakultattiv u parzjalment bħala mandatorju mill-DE u d-DK, mhux traspost mil-LV);

- konfiska taħt is-setgħat estiżi ta' konfiska (trasposta bħala fakultattiva minn: DK, NL , , trasposta bħala mandatorja minn: AT, CZ, PL, mhux trasposta minn HU, RO, SI, LV);

- l-eżekuzzjoni hija ostakolata mill-istatut (trasposta bħala fakultattiva: DE, DK, PL, PT u RO; traspost bħala mandatorju minn: AT, LV, NL u SI);

- FI ma ttrasponietx raġunijiet għal rifjut stipulati mid-Deċiżjoni Qafas, iżda stabbilixxiet li d-dispożizzjonijiet ta' natura leġiżlattiva fid-Deċiżjoni Qafas għandhom ikunu osservati bħala liġi.

- IE ma ttrasponietx raġunijiet għal rifjut stipulati mid-Deċiżjoni Qafas.

Raġunijiet adizzjonali stabbiliti mill-Istati Membri:

- AT żiedet dawn ir-raġunijiet mandatorji li ġejjin għal rifjut: il-persuna nagħtat amnestija jew maħfra; Id-deċiżjoni inagħtat fi ksur tad-drittijiet fundamentali kif iddikjarati fl-Artikolu 6 tat-TUE; il-klassifikazzjoni legali ta' reat kriminali hija żbaljata b'mod ċar jew il-persuna kkonċernata tiddikjara li l-ordni ta' konfiska diġà twettaq.

- CZ inkludiet diversi raġunijiet mandatorji addizzjonali: il-proprjetà ma tagħtix lok għal konfiska taħt liġijiet oħra; il-proprjetà diġà ġiet konfiskata, għibet jew ma tinstabx; is-sentenza diġà twettqet fi Stat ieħor; Il-persuna nagħtat amnestija jew maħfra, l-eżekuzzjoni tmur kontra l-prinċipji kostituzzjonali essenzjali tar-Repubblika Ċeka.

- DE żiedet żewġ raġunijiet fakultattivi għal rifjut, rispettivament meta l-istess assi huma soġġetti għal ordni ta' konfiska Ġermaniża u meta l-istess assi huma soġġetti għal tielet miżura ta' konfiska jew sekwestru ta' Stat Membru, fiż-żewġ każijiet soġġetti għad-dispożizzjoni li huwa fl-interess pubbliku li l-miżura l-oħra għandha tieħu preċedenza (is-sitwazzjoni preċedenti biss hija prevista mid-Deċiżjoni Qafas, li l-Artikolu 10 tagħha jistipula li l-awtorità kompetenti tista' f'każijiet bħal dawn tipposponi – iżda ma tirrifjutax – l-eżekuzzjoni tal-miżura ta' konfiska).

- DK inkludiet diversi raġunijiet mandatorji addizzjonali: il-persuna kkonċernata nagħtat maħfra għall-att fid-DK; raġuni li wieħed jemmen li l-ordni inħareġ għall-għan ta' prosekuzzjoni jew li persuna tiġi kkastigata minħabba s-sess, razza, reliġjon, oriġini etniċi, nazzjonalità, lingwa, opinjoni politika jew orjentament sesswali.

- FI żiedet bħala raġuni mandatorja: jekk hemm raġuni ġġustifikata ta' suspett li l-proċedura kisret il-garanzija ta' proċess ġust u l-eżekuzzjoni mhux se tkun raġonevoli;

- HU semmiet xi raġuniijiet mandatorji addizzjonali oħrajn: Ir-reat li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni tal-Istat Membru jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni Ungeriża (Artikoli 3 u 4 tal-Kodiċi Kriminali); u r-reat kriminali huwa kopert minn amnestija taħt il-liġi Ungeriża.

- LV żiedet raġunijiet mandatorji għal dawn l-erba sitwazzjonijiet li ġejjin: Mhuwiex possibbli li l-ordni jiġi eżegwit fil-LV; il-persuna ma laħqitx l-età minima maġġorenni kriminali; Hemm raġunijiet li wieħed jemmen li l-piena kienet imposta minħabba raġunijiet marbuta ma' razza, affiljazzjoni reliġjuża, etniċità, sess jew opinjonijiet politiċi u l-fatt li d-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tal-Latvja.

- Raġunijiet fakultattivi addizzjonali stabbiliti mill- PL jkopru: min wettaq ir-reat mhuwiex soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Polonja; ir-reat inħaffer permezz ta' amnestija.

- RO inkludiet raġuni fakultattiva addizzjonali: eżekuzzjoni tal-ordni ta' konfiska se jikser il-prinċipji kostituzzjonali.

- SI żiedet dawn ir-raġunijiet mandatorji: l-oġġetti huma parti mill-wirt kulturali tas-Slovenja; il-persuna nagħtat amnestija jew maħfra; il-konfiska hija ordnata minn deċiżjoni li skont il-liġi tas-Slovenja ma tistgħax tiġi ordnata fi proċedimenti kriminali; hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li d-deċiżjoni inħarġet għall-għan li persuna tiġi kkastigata minħabba raġunijiet relatati mar-razza, sess, opinjonijiet politiċi jew reliġjużi;

- PT u IE huma l-uniċi Stat Membri li ma inkludewx raġunijiet addizzjonali għal rifjut.

Diversi raġunijiet addizzjonali għal rifjut stabbiliti mill-Istati Membri juru biċ-ċar li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 mhijiex waħda sodisfaċenti. L-Istati Membri jridu jkunu konformi mad-Deċiżjoni Qafas billi jistabbilixxu dawn ir-raġunijiet għal rifjut biss ipprovduti mid-Deċiżjoni Qafas. Kull raġuni addizzjonali tillimita b'mod sinifikanti l-ambitu tal-applikazzjoni prattika tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u għalhekk ma jikkonformawx mal-iskop, l-ispirtu u l-ittra tad-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 9 – Soluzzjonijiet legali fl-Istat ta' eżekuzzjoni kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni

Dan l-Artikolu jipprovdu għal obbligu tal-Istat ta' eżekuzzjoni biex jiżgura li l-partijiet interessati jkollhom soluzzjonijiet legali effettivi kontra d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' ordni ta' konfiska. Il-kondizzjonijiet biex tittieħed azzjoni tista' ma tkunx inqas vantaġġuża minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet simili ta' natura purament domestika. L-Artikolu 9(2) jillimita l-possibbiltà ta' reviżjoni tad-deċiżjoni fl-Istat ta'eżekuzzjoni peress li r-raġunijiet sostantivi għall-ordni ta' konfiska jistgħu jkunu sfidati fl-Istat emittenti.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (AT, CZ, DK, FI, HU, LV, NL, PL, PT and SI) ittrasponew b'mod korrett l-ewwel parti tal-Artikolu. Madankollu, uħud (AT, DK, LV, NL and PL) ma inkludewx l-Artikolu 9(2) fil-leġiżlazzjoni tagħhom. CZ, FI, HU, PT, SI biss ittrasponew din id-dispożizzjoni f'konformità sħiħa mad-Deċiżjoni Qafas. RO ttrasponiet id-dritt għal soluzzjoni legali ta' kull parti interessata bħala "dritt għall-kumpens" u ma ttrasponietx l-Artikolu 9(2). DE u IE ma implimentawx l-Artikolu 9.

Artikolu 10 – Posponiment tal-eżekuzzjoni

Bħala eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta' eżekuzzjoni immedjata, ir-raġunijiet għall-posponiment m'għandhomx ikunu estiżi lil hinn mill-każijiet ipprovduti fid-Deċiżjoni Qafas.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (AT, CZ, DE, DK, LV, NL, PL, PT, RO u SI) ttrasponew b'mod korrett ir-raġunijiet kollha jew uħud minnhom għall-posponiment u ma inkludewx raġunijiet addizzjonali. FI u IE ma ttrasponewx raġunijiet għall-posponiment.

HU inkludiet dawn ir-raġunijiet addizzjonali għall-posponiment: iċ-ċertifikat huwa assenti, il-proprjetà hija parti protetta tal-wirt kulturali, il-persuna tista' tagħti prova li l-ordni diġà ġie implimentat. Traspożizzjoni bħal din mhijiex konformi bis-sħiħ mad-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 11 – Diversi ordnijiet ta' konfiska

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kriterji li se tikkunsidra sew l-awtorità kompetenti li teżegwixxi l-ordni ta' konfiska meta tiddeċiedi dwar żewġ ordnijiet ta' konfiska jew iktar irċevuti fl-istess ħin.

AT, CZ, HU, LV, NL, PT, RO, SI implimentaw dan l-Artikolu. DE, DK, FI, IE, PL ma ttrasponewx dan l-Artikolu.

Artikolu 12- Liġi li tirregola l-infurzar

Skont l-Artikolu 12 l-eżekuzzjoni tal-ordni ta' konfiska se tkun irregolata mil-liġi tal-Istat ta' eżekuzzjoni. F'każijiet fejn il-konfiska diġà ġiet eżegwita kollha jew parzjalment, tali ammont għandu jitnaqqas kollu mill-ammont ikkonfiskat fl-Istat ta' eżekuzzjoni.

Skont l-Artikolu 12(3) ordni ta' konfiska maħruġ kontra persuna legali għandu jiġi infurzat anki jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali.

L-Artikolu 12(4) jistabbilixxi li l-ebda miżura alternattiva għall-ordni ta' konfiska ma tista' tiġi imposta ħlief jekk l-Istat emittenti jkun ta l-kunsens tiegħu.

AT u NL implimentaw dan l-Artikolu kollu, filwaqt li Stati Membri oħra (CZ, DE, DK, FI, HU, IE, LV, PL, PT, RO u SI) għamlu dan parzjalment. L-implimentazzjoni parzjali ta' dan l-Artikolu kien ir-riżultat tan-nuqqas ta' traspożizzjoni tal-paragrafu 3 li jikkonċerna l-persuni legali. Xi Stati Membri invokaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan ir-rigward (AT, NL, PL), uħud ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni jew ma ehmżux il-leġiżlazzjoni rilevanti (DK, IE, FI, PT, RO, SI). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-CZ ma tirrikonoxxiex ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali u għalhekk mhijiex kompatibbli bis-sħiħ ma' dan l-Artikolu. Madankollu, huwa parzjalment possibbli li jiġu rikonoxxuti u eżegwiti ordnijiet ta' konfiska kontra persuna legali skont il-liġi tar-CZ. CZ tirrakomanda li attwalment qed tipprepara leġiżlazzjoni ġdida li se tintroduċi l-kunċett ta' responsabbiltà amministrattiva tal-persuni legali għal ċertu kondotta fil-liġi tar-Repubblika Ċeka.

Artikolu 13 - Amnestija, maħfra, reviżjoni ta' ordni ta' konfiska

Skont dan l-Artikolu kemm l-amnestija kif ukoll l-maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta' eżekuzzjoni iżda l-Istat emittenti biss jista' jiddetermina l-applikazzjoni għar-reviżjoni tad-deċiżjoni.

L-Istati Membri jagħżlu metodi varji biex jimplimentaw dan l-Artikolu. PT u RO segwu l-kliem tad-Deċiżjoni Qafas. Xi Stati Membri rreferu biss għas-sitwazzjoni fejn il-maħfra jew l-amnestija jingħataw skont il-liġi nazzjonali (DK, NL, HU, SI). LV għamlet referenza għas-sitwazzjoni li fiha d-deċiżjoni għal amnestija u maħfra li ttieħdet fl-Istat Membru emittenti torbot fil-Latvja. AT, CZ, DK , HU u SI ttrasponew id-dispożizzjoni relatata mal-amnestija u l-maħfra bħala deċiżjoni mandatorja għal rifjut u l-PL bħala raġuni fakultattiva għal rifjut. Fir-rigward ir-reviżjoni, AT, CZ, NL, PT ddikjaraw li din id-dispożizzjoni m'għandhiex bżonn traspożizzjoni.

DE, FI u IE ma ttrasponewx dan l-Artikolu.

Artikolu 14 - Konsegwenzi ta’ trażmissjoni ta’ ordnijiet ta' konfiska

Dan l-Artikolu jistipula li t-trażmissjoni ta' ordni ta' konfiska ma tillimitax id-dritt tal-Istat emittenti biex jirrestrinġi hu stess l-ordni ta' konfiska. Madankollu, dan irid ikun irrikonċiljat mad-dmir li jiġi evitat ir-riskju li jinqabeż l-ammont indikat fl-ordni ta' konfiska.

AT, CZ, LV, NL, RO, SI implimentaw dan l-Artikolu kollu; HU, PL u PT għamlu hekk parzjalment biss.

DK ddikjarat li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha. DE, FI u IE ma implimentawx dan l-Artikolu.

Artikolu 15 - Tmiem l-infurzar

Dan l-Artikolu jipprevedi l-obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti li tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha d-deċiżjoni ma tibqax infurzabbli jew tiġi rtirata mill-Istat ta’ eżekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra. Bħala riżultat ta' informazzjoni bħal din, l-Istat ta' eżekuzzjoni huwa obbligat li jwaqqaf l-infurzar tad-deċiżjoni.

AT, CZ, DK, HU, LV, NL, PL, PT, SI u RO ttrasponew din id-dispożizzjoni kollha. DE, FI u IE ma implimentawx dan l-Artikolu.

Artikolu 16 - Tneħħija tal-proprjetà konfiskata

Dan l-Artikolu jistabbilixxi regoli dwar it-tneħħija tal-flus u ta' proprjetà oħra miksuba mill-eżekuzzjoni tal-ordni ta' konfiska. Dawn ir-regoli japplikaw ħlief jekk ikun hemm qbil ieħor bejn l-Istat emittenti u l-Istat ta' eżekuzzjoni.

Dan l-Artikolu ġie implimentat minn AT, CZ, DK, HU, NL, PL, PT, RO u SI, u parzjalment mill-DE.

LV stabbilixxiet il-possibbiltà għall-Ministeru tal-Ġustizzja biex jiddeċiedi dwar talba mill-Istat emittenti dwar id-distribuzzjoni tal-flus f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-LV m'għandux obbligu li jagħmel hekk. FI u IE ma implimentawx din id-dispożizzjoni.

Artikolu 17 - Informazzjoni dwar ir-riżultat tal-eżekuzzjoni

Skont dan l-Artikolu l-awtorità kompetenti tal-Istat ta' eżekuzzjoni se tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti mingħajr dewmien bid-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward ta' rikonoxximent jew eżekuzzjoni.

AT, CZ, DK, HU, LV, NL, PL, PT, RO u SI implimentaw dan l-Artikolu.

DE, FI u IE ma implimentawx din id-dispożizzjoni.

Artikolu 18 - Rimborż

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regoli li skont dawn l-Istat ta' eżekuzzjoni se jkun rimborżat mill-Istat emittenti għas-somom imħallsa f'danni lill-partijiet interessati għall-eżekuzzjoni ta' ordni ta' konfiska. CZ, DK, PL, PT u RO implimentaw din id-dispożizzjoni. FI tirreferi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha għall-artikolu rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas. AT, DE, IE, HU, LV, NL u SI ma implimentawx dan l-Artikolu.

Artikolu 19 - Lingwi

L-Artikolu 19 jiddikkjara li ċ-ċertifikat għandu jiġi tradott fl-ilsien uffiċjali jew f'wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Istat ta' eżekuzzjoni. Madankollu kwalunkwe Stat Membru jista' f'xi ħin jew ieħor jiddikjara li se jaċċetta traduzzjoni f'waħda jew iżjed mill-lingwi uffiċjali.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jitolbu għal traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tagħhom (AT, CZ, DK, IE, HU, LV, PL, PT u RO). Stati Membri oħra se jaċċettaw ukoll l-Ingliż (NL, SI). FI se taċċetta ċertifikati bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew bl-Ingliż jew fl-lingwi oħra jekk ma jkun hemm l-ebda impediment għall-approvazzjoni taċ-ċertifikat.

Artikolu 20 - Spejjeż

Dan l-Artikolu jiddikjara li l-Istati Membri m'għandhomx jitolbu mingħand xulxin ir-rimborż ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-istrument. AT, CZ, NL, PL, PT u SI implimentaw dan l-Artikolu. DE, IE, HU, LV u RO m'għamlux hekk. Il-Finlandja tirreferi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-Artikolu rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas. DK iddikjarat li din d-dispożizzjoni ma teħtieġ l-ebda transpożizzjoni .

KONKLUŻJONIJIET

Il-grad ta’ implimentazzoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tat-8 ta' Ottubru 2006 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea mhuwiex sodisfaċenti. 13-il Stat Membru biss implimenta d-Deċiżjoni Qafas u nnotifika l-Kummissjoni (għall-inqas formalment) sal-aħħar ta' Frar 2010, ħmistax-il xahar wara d-data ta' skadenza stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw b'mod ġenerali jaqblu mad-Deċiżjoni Qafas, speċjalment fir-rigward il-kwistjonijiet l-aktar importanti bħal pereżempju t-tneħħija ta' kontrolli ta' kriminalità doppja u r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mingħajr formalità ulterjuri. Sfortunatament, l-analiżi tar-raġunijiet għal rifjut ta' rikonoxximent juru li kważi l-Istati Membri kollha inkludew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom diversi raġunijiet addizzjonali. Din il-prattika mhijiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas.

Il-Kummissjoni tistieden il-Membri kollha biex jikkunsidraw dan ir-Rapport u jieħdu l-opportunità biex jipprovdu kull informazzjoni relevanti ulterjuri lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Kunsill, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinkoraġixxi dawk l-Istati Membri li wrew li qegħdin jippreparaw il-leġiżlazzjoni relevanti biex jieħdu u jinnotifikaw dawn il-miżuri nazzjonali kemm jista' jkun malajr.

It-traspożizzjoni parzjali u inkompleta ta' dan l-istrument mill-Istati Membri ifixkel b'mod sostanzjali l-applikazzjoni sħiħa u effettiva tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni Ewropea. Hi tillimita r-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġlieda tal-kriminalità finanzjarja billi ċċaħħad l-kriminali mill-benefiċċju finanzjarju li jiksbu mill-kondotta kriminali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux hekk biex jieħdu miżuri malajr biex jimplimentaw kemm jista' jkun id-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, hi tistieden lil dawk li ttrasponewha b'mod sew, pereżempju billi inkludew raġunijiet addizzjonali għal rifjut, biex jirrivedu u jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni Qafas. Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tirrifletti dwar il-ħtieġa li tirrivedi din id-Deċiżjoni Qafas taħt ir-regoli tat-Trattat ta' Liżbona.

[1] Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, 16 ta' Ġunju 2005, Kawża C-105/03, Pupino (), ĠU L 292, 15.11.2006, p. 2

[2] Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropew, 6 ta' Ottubru 2009, C-123/08, Wolzenburg , ĠU C 116 tad-09.05.2008, p.18 .

Top