Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0043

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew it-tieni Rapport dwar il-progress fit-tħaddim tad-Direttiva 1999/5/KE, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom

    /* KUMM/2010/0043 finali */

    52010DC0043

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew it-tieni Rapport dwar il-progress fit-tħaddim tad-Direttiva 1999/5/KE, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom /* KUMM/2010/0043 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 9.2.2010

    KUMM(2010)43 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    IT-TIENI RAPPORT DWAR IL-PROGRESS FIT-TĦADDIM TAD-DIRETTIVA 1999/5/KE, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    IT-TIENI RAPPORT DWAR IL-PROGRESS FIT-TĦADDIM TAD-DIRETTIVA 1999/5/KE, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom

    INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva tal-R&TTE 1999/5/KE (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'id-Direttiva')[1] tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid fis-suq, il-moviment liberu u t-tqegħid fis-servizz fl-Unjoni Ewropea ta' tagħmir tar-radju u tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni. Din tindirizza parti kbira tas-suq ta' EUR 90bn għat-tagħmir tar-radju u t-telekomunikazzjonijiet, u tkopri inter alia s-settijiet tat-telefown ċellulari, it-trażmittenti tan-netwerks ċellulari, it-telefonija fissa u l-modems għat-trażmissjoni tad-dejta. L-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet mhux bir-radju, bħas-sistemi tal-isswiċċjar, hija eskluża mill-ambitu tagħha. Id-Direttiva hija applikata fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif ukoll fit-Turkija fl-applikazzjoni tal-ftehim dwar l-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija. L-Isvizzera kkonformat il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fuq bażi volontarja.

    It-tagħmir kopert mid-Direttiva huwa affettwat bil-qawwi wkoll minn leġiżlazzjoni Ewropea oħra, bħall-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi[2], u b'mod partikolari d-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju[3] u l-miżuri implimentattivi tagħha għall-armonizzazzjoni progressiva tal-ispettru

    It-2ni rapport dwar il-progress qed jinħareġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva li jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tirrapporta perjodikament dwar it-tħaddim tad-Direttiva u jkopri inter alia l-progress dwar it-tfassil tal-istandards rilevanti kif ukoll kwalunkwe problemi li nqalgħu matul l-implimentazzjoni.

    Ir-rapport huwa msejjes fuq:

    - konsultazzjoni pubblika li saret fl-2007 meta 60 korrispondent wieġbu madwar 120 mistoqsija dwar it-tħaddim tad-Direttiva[4],

    - il-proċedimenti tal-Kumitat permanenti (TCAM[5]),

    - rispons mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq u partijiet interessati oħra.

    Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni lejn xi diffikultajiet fit-tħaddim tad-Direttiva fil-kuntest tal-kisba tal-effetti mixtieqa tagħha. Ir-rimedji possibbli se jiġu indirizzati f’Valutazzjoni tal-Impatt komprensiva fil-kuntest ta’ reviżjoni futura tad-Direttiva, li għaliha hemm skedata proposta mill-Kummissjoni fi tmiem l-2010.

    IT-TħADDIM TAD-DIRETTIVA

    L-Ambitu tad-Direttiva

    Il-kunċett ġuridiku ta’ “terminal”, kif imfisser fl-Artikolu 2, huwa element essenzjali fl-ambitu tad-Direttiva. Id-distinzjoni bejn ‘terminal’ u ‘netwerk tat-telekomunikazzjonijiet’ iddaħħlet fil-leġiżlazzjoni tal-UE tul id-diċennju li beda fl-1990 biex tiġi evitata d-dominanza konġunta tal-operaturi tan-netwerks monopolistiċi u l-manifatturi assoċjati tal-apparat tal-utenti. Din id-distinzjoni, u l-obbligu tal-operaturi li jippubblikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interfaces tan-netwerks tagħhom, kif jitlob l-Artikolu 4.2 tad-Direttiva, hija maħsuba biex tiftaħ is-suq tal-apparat tal-utenti għall-manifatturi kollha u b'hekk tħeġġeġ il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni. Wara l-evoluzjonijiet fit-teknoloġija u l-kundizzjonijiet tas-suq, ir-rilevanza ta' din id-distinzjoni fir-rigward tat-trawwim tal-kompetizzjoni jixraqilha li tiġi mistħarrġa mill-ġdid. Barra minn dan, il-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni relatati issa jinkludu wkoll aspetti ta’ aċċess għal kontenut li spiss jaf ikun indipendenti minn forunituri ta' terminals tal-utenti jew ta' abbonament f'servizzi tat-telekomunikazzjoni.

    L- ambitu tad-Direttiva jeħtieġ li jiġi revedut. Pereżempju, ir-riċevituri tar-radju u t-TV li ma jistgħux jittrażmettu bir-radju jew il-fili ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva, filwaqt li dawk li jistgħu jittrażmettu s-sinjali iva.

    Xi biċċiet ta’ apparat tar-radju pjuttost speċifiċi huma parti integrali mis-sistemi li huma koperti wkoll mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà u s-sikurezza jew minn trattati internazzjonali. Dan huwa speċjalment il-każ meta wieħed jiġi għal sistemi tas-sigurtà marittimi, terrestri jew ajrunawtiċi . Dawn l-oġġetti ma jaqblux sew mal-proċessi tal-istandardizzazzjoni u l-proċeduri tal-R&TTE.

    Definizzjoni tar-rekwiżiti essenzjali

    Id-Direttiva, fl-Artikolu 3, fiha għadd ta' rekwiżiti essenzjali li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà, jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika u jevitaw l-interferenzi dannużi. Il-mod kif dawn ir-rekwiżiti essenzjali huma definiti fid-Direttiva huwa ġeneralment meqjus bħala xieraq mill-partijiet interessati. Madankollu, il-kunċett ta’ ‘użu intenzjonat’ tal-apparat jidher li joħloq xi konfużjoni bejn ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva u interessi pubbliċi oħra, bħas-sigurtà pubblika jew il-libertà tal-komunikazzjoni, li jmorru 'l hinn mill-ambitu tagħha.

    L-Artkolu 3.3(e) li jippermetti li l-UE timponi rekwiżiti addizzjonali dwar l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza ġie applikat b’mod effettiv diversi drabi b’relazzjoni ma’ apparat speċifiku tas-sikurezza marittima u terrestri.

    Standards armonizzati li jsostnu d-Direttiva

    Id-Direttiva hija msejsa fuq il-prinċipju tal-“Istrateġija l-Ġdida”: il-konformità mal-istandards armonizzati ġġib magħha l-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva, possibbiltà li ġeneralment intużat mill-manifatturi tal-apparat tal-R&TTE. Modi alternattivi ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali baqgħu eċċezzjonali. Ġabra komprensiva ta’ standards armonizzati tiġi ppubblikata regolarment f'Il-Ġurnal Uffiċjali, u bħalissa tgħodd mal-200 standard[6]. Għaldaqstant l-istandards għandhom rwol kruċjali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva.

    Feġġew biss ftit problemi bi standards li jonqsu li jindirizzaw ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva u, għalhekk, il-ħtieġa li l-Kummissjoni toħroġ gwida għall-entitajiet tal-istandardizzazzjoni ma kinetx waħda frekwenti.Pereżempju, fl-2007 xi sistemi WiFi RLAN ta' 5 GHz[7] interferew mar-radars meteoroloġiċi li joperaw fl-istess faxxa u b'mod konformi mal-istandard armonizzat. Il-Kummissjoni u t-TCAM intervjenew billi ħarġu gwida għal reviżjoni tal-istandards armonizzati relatati u, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, qablu dwar mod ta’ migrazzjoni għall-addattament tal-prodotti WiFi RLAN qabel ma dawn jiġu skjerati fis-suq tal-massa. Wara l-allokazzjoni tal-2003 tal-faxxa ta’ 5 GHz għall-użu mill-mowbajls (jiġifieri użu ta’ WiFi RLAN) fil-livell globali, flimkien mal-użu ta' din il-faxxa mis-servizzi meteoroloġiċi, fl-istandardizzazzjoni Ewropea ma tqisitx il-medda sħiħa tal-applikazzjonijiet meteoroloġiċi. Dan il-każ għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet interessati kollha fil-qsim tal-ispettru jipparteċipaw fl-istandardizzazzjoni.

    Kien hemm ukoll xi evidenza li tissuġerixxi li l-istandards armonizzati jistgħu xi minn daqqiet ikunu strinġenti wisq. Il-kampanji ta’ sorveljanza tas-suq urew li proporzjon ta’ apparat ta’ qawwa baxxa mhux liċenzjat jidher li mhuwiex konformi mal-istandards armonizzati (cf. § 2.5). Madankollu, il-livell reġistrat ta’ interferenza dannuża ma jidhirx li ġie affettwat minn dan.

    Il-konsultazzjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ ostakli li jżommu lill-SMEs u l-konsumaturi milli jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, kif inhu diskuss b'mod aktar ġenerali f'żewġ Komunikazzjonijiet riċenti tal-Kummissjoni[8],[9]. Il-konsultazzjoni żvelat ukoll li t-trasparenza tal-proċess ta' standardizzazzjoni għandha tittejjeb. Barra minn hekk, il-qasam tal-apparat tar-radju parzjalment juri d-diffikultajiet tal-UE fit-tmexxija tal-istandardizzazzjoni globali, kif tinnota l-White Paper riċenti tal-Kummissjoni dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICTs[10]. Il-proċess għall-allokazzjoni tal-faxex tal-frekwenza u l-użu sussegwenti tagħhom huwa differenti bejn kontinent u ieħor u l-istandards mhumiex dejjem interkambjabbli.

    Il-konsultazzjoni enfasizzat ukoll li l-iskedar taż-żmien għall-ħidma ta' standardizzazzjoni u l-proċessi relatati li jwasslu għal deċiżjonijiet regolatorji dwar l-użu tal-ispettru jista' jittejjeb ħalli jippermetti li l-ħidma teknika tissejjes fuq qafas regolatorju stabbli. Dan ikun jeħtieġ impenn iktar qawwi mill-amministrazzjonijiet li jipparteċipaw fl-ETSI f'livelli differenti.

    Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li nimxu lejn standards armonizzati iktar flessibbli u ġeneriċi li huma anqas speċifiċi għal xi teknoloġija jew applikazzjoni partikolari.

    Entitajiet Notifikati (EN)

    Fejn l-istandards armonizzati għadhom mhumiex disponibbli jew ma ġewx segwiti mill-manifattur, id-Direttiva tassenja lill-Entitajiet Notifikati r-rwol li jassistu lill-manifatturi tul il-proċess kollu tal-valutazzjoni tal-konformità, b’mod partikolari fil-ħruġ ta’ opinjonijiet dwar id-dokumentazzjoni teknika tal-prodotti. B’mod prattiku, il-biċċa l-kbira tal-opinjonijiet tal-EN jikkonċernaw prodotti li jużaw standards armonizzati biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti essenzzjali tad-Direttiva, imma li fir-rigward tagħhom il-manifatturi - minħabba l-kumplessità teknika li spiss tkun waħda kbira tal-valutazzjoni tal-konformità - jippreferu jfittxu l-approvazzjoni minn entità esperjenzata u kwalifikata.

    Għadd kbir ta’ EN pew notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri[11]. L-EN huma bbażati fiż-ŻEE kif ukoll f’pajjiżi li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet Ftehimiet ta' Rikonoxximent Reċiproku magħhom. L-EN jorganizzaw lilhom infushom fuq bażi volontarja fi ħdan l- Assoċjazzjoni tal-Konformità R&TTE[12] . Ma ġew irrapportati ebda problemi speċifiċi li jolqtu l-kooperazzjoni bejn il-manifatturi u l-EN.

    L-Awtoritajiet għas-Sorveljanza tas-Suq (ASS), l-infurzar tad-Direttiva u l-konformità

    Kull sena, l-ASS inkarigati mis-sorveljanza tas-suq jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’madwar 50 każ ta’ apparat mhux konformi projbit mis-suq nazzjonali tagħhom skont il-proċedura tal-klawsola ta' salvagwardja prevista fl-Artikolu 9.

    L-ASS jikkooperaw b’mod attiv fil-livell tal-UE u jiltaqgħu regolarment fil-grupp tal- Kooperazzjoni Amministrattiva (ADCO) tal-R&TTE. Il-grupp ADCO jikkoordina l-kampanji ta’ sorveljanza konġunti, u issa għandu jieħu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet mdaħħla mill-Qafas Ġuridiku l-Ġdid (QĠĠ)[13] biex iwassal il-kooperazzjoni tiegħu għal livell ġdid. Il-kampanji tal-imgħoddi diġà nnutaw tħassib dwar il-livelli ta’ konformità f’ċerti gruppi ta’ prodotti . B’mod partikolari, ġie osservat livell baxx ħafna ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fost il-bċejjeċ ta' apparat tar-radju ta' qawwa baxxa u b'rata inqas f'oqsma oħra. Għadd ta' importaturi u manifatturi ta’ dan l-apparat mhumiex konxji mid-Direttiva jew jinjorawha apposta. Għadd ta' partijiet interessati nnutaw li dan ma wassalx għax xi riskji ovvji għas-sikurezza tal-konsumatur u għall-integrità tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, jew għal xi żieda fl-interferenzi dannużi. Il-kumpaniji li jikkonformaw mad-Direttiva jqisu l-prodotti mhux konformi bħala kawża ta’ distorzjoni inġusta tal-kompetizzjoni.

    It-traċċabilità ta’ prodotti difettużi hija kwistjoni ta' tħassib: l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq spiss ma jkunux jistgħu jidentifikaw il-manifattur jew il-persuna responsabbli mit-tqegħid ta' xi prodott fis-suq, speċjalment fil-każ ta' parteċipanti minuri fis-suq. Ikollu jsir sforz qawwi u li spiss ikun jiswa ħafna flus biex jinstabu l-manifatturi jew l-importaturi, biex b'hekk jinżamm milli r-riżorsi limitati tal-ASS jiġu allokati b'mod aktar effiċjenti. Fil-konsultazzjoni ġie ssuġġerit li jkun hemm reġistrazzjoni obbligatorja onlajn jew tal-manifatturi inkella tal-prodotti tagħhom u/jew adattament tad-Direttiva għall-Qafas Ġuridiku l-Ġdid (QĠĠ), ħalli tittejjeb it-traċċabilità.

    Id-Direttiva tistipula miżura ta’ salvagwardja (Artikolu 9) bħal p.eż. permezz ta’ “projbizzjoni ta’ bejgħ”. Il-proċedura eżistenti tippermetti biss miżuri nazzjonali b’notifika lill-Kummissjoni. Din il-proċedura tqieset bħala twila wisq billi normalment ma tistax titlesta qabel ma jintemm iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott mhux konformi. Fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-“Razzjonalizzazzjoni tal-ambjent regolatorju għall-użu tal-ispettru” il-Grupp Politiku dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG)[14] irrakkomanda li jinvestiga l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja nazzjonali għas-suq kollu kemm hu tal-UE, fejn jixraq[15].

    Dispożizzjonijiet mhux użati jew li ma tantx jintużaw

    L-applikazzjoni tal-Artikoli 3.3(a-d) u 3.3(f) li tippermetti li l-UE timponi rekwiżiti addizzjonali ta’ interess pubbliku biex pereżempju tikkumbatti l-frodi jew tiżgura l-interoperabbiltà jew il-privatezza, tqieset xi drabi iżda finalment twarrbet.

    In-notifikazzjonijiet ta’ diskonnessjoni ta’ terminals skont l-Artikolu 7.4 u n-notifikazzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ apparat konformi skont l-Artikolu 9.5 ma ġewx riċevuti.

    Meta l-interfaces tar-radju nazzjonali jiġu armonizzati bħala riżultat ta’ miżuri implikmentattivi tekniċi skont id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju[16] huwa superfluwi li tiġi valutata l-ekwivalenza tagħhom skont l-Artikolu 4.1 tad-Direttiva invista ta’ klassi ta’ apparat.

    Hemm tmintax-il dispożizzjoni amministrattiva fid-Direttiva u r-relevanza ta’ xi wħud minnhom hemm id-dubji dwarha. B’mod partikolari, hemm għadd ta’ tipi ta’ apparat żgħir ħafna bħal RFID tags jew impjanti cochlear, li jitfgħu raġġi tar-radju li aktarx ma jikkawżaw l-ebda interferenza dannuża. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha fid-Direttiva għal dan it-tip ta' apparat pjuttost innoċenti taf ma tkunx ġustifikata, l-aktar minħabba l-piżijiet amministrattivi involuti. L-apparat innoċenti jeħtieġ spettru biex ikun jista’ jitħaddem, u għalhekk hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet regolatorji li jikkonċernaw l-ispettru għalih.

    Il-koerenza ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-UE

    Għadd li kull ma jmur qed jikber ta' prodotti mmirati għas-suq tal-massa, bħal ġugarelli, illum il-ġurnata qed jinkludu xi apparat tar-radju. Dan jikkawża sitwazzjonijiet kumplessi, proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità multipla u interpretazzjonijiet u prattiċi mhux armonizzati fost l-Istati Membri.

    Filwaqt li d-Direttiva tikkumplimenta ferm mad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju[17], hemm madankollu xi kwistjonijiet ta’ demarkazzjoni u konsistenza bejn iż-żewġ strumenti ġuridiċi, li jwasslu biex jinħolqu xi inċertezzi fl-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-eżitu tar-reviżjoni tal-qafas regolatarju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi[18] u Direttivi bħar-RoHS[19] jew il-WEEE[20] kif ukoll il-miżuri implimentattivi skont id-Direttiva tad-Disinn Ekoloġiku 2005/32/KE, għandhom impatt importanti fuq l-apparat R&TTE. Id-Direttiva tal-R&TTE mhix kompletament konsistenti ma’ dawn it-testi ġuridiċi, u għal darba oħra dan iwassal għal problemi ta’ applikazzjoni u interpretazzjoni.

    TCAM u l-applikazzjoni konsistenti tad-Direttiva

    Il-Kumitat tad-Direttiva kien qed itella’ madwar tliet laqgħat ta' jumejn fis-sena, bis-sehem ta’ tista’ tgħid l-Istati Membri kollha. Filwaqt li fis-snin bikrija tad-Direttiva, il-Kumitat iddiskuta l-aktar kwistjonijiet ta' applikazzjoni komuni, il-Kumitat issa qiegħed kull ma jmur dejjem jittratta aktar kwistjonijiet regolatorji u li jirrigwardjaw l-istandards, b'diffikultajiet ta' infurzar, u b'applikazzjoni potenzjali tal-Artikolu 3(3), li jagħmilha possibbli li jiġu stipulati rekwiżiti addizzjonali.

    L-Istati Membri qablu fit-TCAM dwar strateġija armonizzata għal kwistjonijiet speċifiċi. Madankollu, mhux dejjem kien possibbli jintlaħaq ftehim dwar strateġija komuni, b’mod partikolari inkonnessjoni mat-teknoloġiji innovattivi. Dan jaf wassal biex xi kumpaniji u investituri introduċew prodotti innovattivi 'l hinn mill-Ewropa.

    Ma kien hemm l-ebda kriterju komuni dwar in-notifiki skont l-Artikolu 6.4 rigward apparat li juża faxex ta’ frekwenza li ma ġewx armonizzati. Minn Jannar 2008 ’l hawn, madankollu, is-sistema tan-Notifika One-Stop (onlajn) taffiet il-konsegwenzi tad-diskrepanzi nazzjonali eżistenti bla ma solviethom kompletament.

    Matul il-konsultazzjoni, xi partijiet interessati esprimew ix-xewqa li, fil-każ ta’ xi dettalji dwar it-tħaddim tad-Direttiva, il-konklużjonijiet fi ħdan it-TCAM ikunu ta' natura li torbot lill-Istati Membri kollha.

    L-isfidi teknoloġiċi

    Id-Direttiva ppermettiet li jiġu indirizzati l-biċċa l-kbira tal-iżviluppi teknoloġiċi. Madankollu, joħloq sfida partikolari l-każ ta' apparat li jiġi kkonfigurat mill-ġdid waqt li jkun qed jitħaddem mill-utenti u/jew entità oħra għajr il-manifattur inizjali, bħar-‘Radju Definit bis-Softwer’ (RDS), jew ir- radju konjittiv rikonfigurabbli . Id-Direttiva attwali, li tassumi li xi entità ġuridika waħdanija tfassal l-apparat u tiżgura l-konformità tiegħu għal dejjem, mhix adatta biżżejjed biex tindirizza din il-flessibbiltà.

    Id-Direttiva tal-R&TTE u l-qafas ġenerali għall-kompetittività u l-innovazzjoni f’dan il-qasam

    Mindu ddaħħlet fis-seħħ id-Direttiva kienet strumentali fil- konsolidazzjoni tas-Suq Intern għall-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tagħha. Il-qafas jaħdem sew għat-tqegħid fis-suq ta’ apparat li juża t-teknoloġiji stabbiliti, filwaqt li jiffaċilita wkoll l-evoluzzjoni tagħhom, b'mod partikolari permezz tar-reviżjoni f'waqtha tal-istandards armonizzati.

    Id-Direttiva tidher anqas adatta għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti msejsa fuq teknoloġiji tar-radju fundamentalment ġodda li mhumiex koperti mill-istandards armonizzati. Fin-nuqqas ta’ standards armonizzati, il-manifattur ikollu jikkonsulta l-EN biex iqiegħed prodott fis-suq. Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Ir-Razzjonalizzazzjoni tal-ambjent regolatorju għall-użu tal-ispettru”[21], l-RSPG innota “li l-partijiet interessati (entitajiet notifikati, manifatturi...) jidhru li ma jistgħux jistabbilixxu, b'ċerta ċertezza, il-konformità tal-apparat tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva tal-R&TTE fejn standard armonizzat ma ġiex applikat jew ma jeżistix.” Ir-Regolatori għandhom it-tendenza wkoll li jissottomettu l-prodotti innovattivi tar-radju għal-limiti ta’ użu konservattiv fi ħdan il-faxex li huma permessi.

    Barra minn hekk, 'l hinn mill-ambitu tad-Direttiva, iżda b'rabta qawwija mal-introduzzjoni ta' teknoloġiji tar-radju innovattivi, hemm il-kwistjoni li l- innovazzjonijiet jafu ma jaqgħux b’mod suffiċjenti fi ħdan l-allokazzjonijiet tal-ispettru eżistenti u minħabba f'hekk jiġu legalment miżmuma milli jintużaw. L-Istati Membri joffru l-possibbiltà tal-jeddijiet ta’ użu sperimentali li jistgħu jsostnu l-iżvilupp tat-teknoloġiji innovattivi fil-livell nazzjonali.

    Meta l-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp tgħaddi għall-iskjerament kummerċjali, in-nuqqas ta’ standards armonizzati li jippermettu li prodotti innovattivi jitqiegħdu fis-suq b'mod konformi mar-rekwiżiti ġuridiċi, u d-disponibilità ta' allokazzjonijiet xierqa tal-ispettru u l-kundizzjonijiet assoċjati mal-użu jafu joħolqu inċertezza ġuridika u għalhekk igerrxu l-investituri potenzjali fit-teknoloġija. Madankollu, iż-żieda fil-flessibbiltà fl-użu tal-ispettru kif iddaħħlet fir-reviżjoni tal-2009 tal-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi tista' toffri soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

    Minħabba dawn l-isfidi marbuta ma' ambjent regolatorju kumpless, u sa ċertu punt inflessibbli, il-kumpaniji jafu jagħżlu li jieħdu t-testijiet bi prova, l-iskjerament prekummerċjali u l-iskjerament kummerċjali inizjali f’żoni kummerċjali oħra, bħall-Istati Uniti tal-Amerika. Dan iżomm l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tar-radju fl-Ewropa milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.

    KONKLUżJONIJIET

    Id-Direttiva kienet strumentali biex ġie kkompletat is-suq internet għall-apparat tar-radju, billi ħadet post eluf ta’ skemi ta' approvazzjoni nazzjonali u daħħlet sistema regolatorja eħfef li tiffaċilita l-innovazzjoni u l-kompetittività. Kollox ma' kollox, il-qafas regolatorju mwaqqaf mid-Direttiva ppermettielha tilħaq il-miri maħsuba tagħha , jiġifieri livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-utenti, il-kompatibilità elettromanjetika (KEM) għat-terminali tat-telekomunikazzjoni u l-apparat tar-radju kif ukoll l-evitar ta’ interferenzi dannużi.

    Fir-rigward tal-użu tal-ispettru, minkejja l-konformità teknika limitata osservata f’xi tipi ta’ prodotti, ma hemm xejn li jixhed li żdiedu l-livelli ta' interferenza dannuża. Dan jista’ jagħti lil wieħed x’jifhem li xi standards jafu huma strinġenti wisq, u li reviżjoni tal-istrateġija teknika f’dan il-qasam jaf jippermetti użu iktar intens u effiċjenti tal-ispettru.

    Hemm żewġ kwisjonijiet li jistħoqqilhom jiġu mistħarrġa aktar fil-fond: id-dħul fis-suq ta' teknoloġiji innovattivi tar-radju minħabba l-proċess eżistenti għat-tqegħid fis-seħħ tad-deċiżjonijiet regolatorji neċessarji fir-rigward tal-użu tal-ispettru u l-istandards armonizzati, u t-traċċabilità tal-manifattur jew il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tal-prodotti.

    [1] ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10–28

    [2] Id-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

    [3] Id-Deċiżjoni dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (676/2002/UE)

    [4] Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet tinsab fis-sit: http://ec.europa.eu/enterprise/rtte/index_en.htm

    [5] Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità tat-Telekomunikazzjonijiet u s-Sorveljanza tas-Suq

    [6] http://ec.europa.eu/enterprise/rtte/harstand.htm.

    [7] Netwerks għall-Aċċess bir-Radju Lokali

    [8] COM/2008/133 finali: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Lejn aktar kontribuzzjoni min-naħa tal-istandardizzazzjoni għall-innovazzjoni fl-Ewropa.

    [9] COM/2008/394 finali: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

    [10] COM(2009) 324 finali: Il-WHITE PAPER dwar il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICTs fl-UE - It-Triq 'il Quddiem

    [11] http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/nando/index.cfm?fuseaction=directive.notifiedbod y&dir_id=22&type_dir=NO%20CPD&pro_id=99999&prc_id=99999&ann_id=99999&prc_anx=99999

    [12] http://www.rtteca.com/

    [13] Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE.

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE

    [14] Il-Grupp Politiku dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) huwa grupp konsultattiv għall-Kummissjoni Ewropea magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri inkarigati mill-politika tal-ispettru (ara: http://rspg.ec.europa.eu/).

    [15] Ir-Rakkomandazzjoni 5.19 fid-dokument RSPG0 8-246 (http://rspg.ec.europa.eu/rspg_opinions/index_en.htm)

    [16] op. cit., p. 2

    [17] op. cit., p. 2

    [18] op. cit., p. 2

    [19] Id-Direttiva dwar ir-Ristrezzjoni ta' Sustanzi Perikolużi (2002/95/KE).

    [20] Id-Direttiva dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku (2002/96/KE).

    [21] RSPG08-246 (http://rspg.ec.europa.eu/rspg_opinions/index_en.htm)

    Top