Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0426

    Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali {SEG(2008) 2180} {SEG(2008) 2181}

    /* KUMM/2008/0426 finali - CNS 2008/0140 */

    52008PC0426




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 2.7.2008

    KUMM(2008) 426 finali

    2008/0140 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali

    {SEG(2008) 2180}{SEG(2008) 2181}

    (preżentati mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet għal u għanijiet tal-proposta

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali barra mis-suq tax-xogħol. Hija tistabbilixxi qafas għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal dawn ir-raġunijiet u tistabbilixxi livell minimu uniformi ta’ protezzjoni fl-Unjoni Ewropea għal persuni li soffrew din id-diskriminazzjoni.

    Din il-proposta tissupplimenta l-qafas legali KE fis-seħħ skond liema l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tapplika biss għal impjieg, xogħol u taħriġ professjonali[1].

    Kuntest ġenerali

    Il-Kummissjoni ddikjarat fil-programm leġiżlattiv u ta’ ħidma adottat fit-23 ta’ Ottubru 2007[2] li se tipproponi inizjattivi ġodda sabiex tikkompleta l-qafas legali ta’ l-UE kontra d-diskriminazzjoni.

    Il-proposta in kwistjoni hija ppreżentata bħala parti mill-“Aġenda Soċjali Rinnovata: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21”[3], u takkompanja l-Komunikazzjoni “Nuqqas ta’ Diskriminazzjoni u Opportunitajiet Ugwali: Impenn Rinnovat”[4].

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet kienet iffirmata mill-Istati Membri u l-Komunità Ewropea. Hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, parteċipazzjoni u inklużjoni fis-soċjetà, opportunitajiet ugwali u aċċessibilità . Proposta għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea kienet ippreżentata lill-Kunsill[5].

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Din il-proposta tibni fuq id-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2004/113/KE[6] li jipprojbixxu diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew twemmin[7]. Diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini etnika u razzjali hija projbita fl-impjieg, xogħol u taħriġ professjonali, kif ukoll f’oqsma ta’ nuqqas ta’ impjieg bħal protezzjoni soċjali, protezzjoni tas-saħħa, edukazzjoni u aċċess għal provvisti u servizzi, inkluż akkomodazzjoni, li huma disponibbli għall-pubbliku. Diskriminazzjoni bbażata fuq sess hija projbita fl-istess sfera ta’ oqsma, bl-eċċezzjoni ta’ edukazzjoni u midja u reklamar. Madankollu, diskriminazzjoni bbażata fuq età, reliġjon u twemmin, orjentazzjoni sesswali u diżabilità hija projbita biss f’impjieg, xogħol u taħriġ professjonali.

    Id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE kellhom ikunu trasposti fil-liġi nazzjonali sa l-2003, bl-eċċezzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li jittrattaw diskriminazzjoni ta’ età u diżabilità, li għalihom huma disponibbli tliet snin żejda. Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE kien adottat mill-Kummissjoni fl’2006[8] u rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE kien adottat fid-19 ta’ Ġunju 2008[9]. L-Istati Membri kollha minbarra wieħed ittrasponew dawn id-direttivi. Id-Direttiva 2004/113/KE kellha tkun trasposta sa l-aħħar ta’ l-2007.

    Sa fejn hu possibbli, il-kunċetti u regoli stabbiliti f’din il-proposta jibnu fuq dawk użati fid-Direttivi eżistenti bbażati fuq l-Artikolu 13 KE.

    Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni

    Din il-proposta tibni fuq l-istrateġija żviluppata sa mit-Trattat ta’ Amsterdam biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u hija konsistenti ma’ l-għanijiet orizzontali ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-għanijiet tal-Proċess ta’ Protezzjoni Soċjali u Inklużjoni Soċjali ta’ l-EU. Din se tgħin biex tiżviluppa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, skond il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Konsultazzjoni tal-partijiet interessati u stima ta’ l-impatt

    Konsultazzjoni

    Fil-preparazzjoni għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni ppruvat tgħaqqad il-partijiet interessati li għandhom interess potenzjali u attenzjoni kienet mogħtija sabiex tiżgura li dawk li jistgħu jixtiequ jikkummentaw ikollhom l-opportunità u ż-żmien biex jirrispondu. Is-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd ipprovdiet opportunità unika biex tenfasizza l-kwistjonijiet u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fid-dibattitu.

    Għandha tissemma b’mod partikolari l-konsultazzjoni pubblika onlajn[10], stħarriġ tas-settur tan-negozju[11], u konsultazzjoni bil-miktub ta’, u laqgħat ma’, l-imsieħba soċjali u NGOs ta’ livell Ewropew attivi fil-qasam ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni[12]. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u dik ta’ l-NGOs kienu sejħa għal-leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew sabiex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għalkemm kien hemm min talab direttivi b’raġunijiet speċifiċi fil-qasam ta’ diżabilità u ta’ sess. Il-konsultazzjoni tal-Bord Ewropew tat-Test tan-Negozju indika li n-negozji jemmnu li jkun ta’ għajnuna jekk ikun hemm l-istess livell ta’ protezzjoni minn diskriminazzjoni madwar l-UE. L-imsieħba soċjali li jirrappreżentaw in-negozju kienu kontra leġiżlazzjoni ġdida bħala prinċipju, li huma qiesu li żżid xogħol żejjed u spejjeż, filwaqt li s-sindakati kienu favuriha.

    Ir-risposti għall-konsultazzjoni enfasizzaw tħassib dwar kif Direttiva ġdida għandha titratta numru ta’ oqsma sensittivi u rrivelaw ukoll nuqqas ta’ ftehim dwar il-limiti jew il-miżura ta’ kompetenza Komunitarja. Id-Direttiva proposta tindirizza dan it-tħassib u tpoġġi limiti espliċiti fuq il-kompetenza tal-Komunità. F’dawn il-limiti l-Komunità għandha l-poter li taġixxi (l-Artikolu 13, it-Trattat tal-KE) u temmen li azzjoni fuq livell Ewropew huwa l-aħjar metodu.

    Ir-risposti enfasizzaw ukoll in-natura speċifika ta’ diskriminazzjoni relatata ma’ diżabilità u l-miżuri neċessarji biex tkun indirizzata. Dawn huma indirizzati f’Artikolu speċifiku.

    Kien espress tħassib li Direttiva ġdida ġġib magħha spejjeż fin-negozju iżda għandu jkun enfasizzat li din il-proposta hija bbażata l-aktar fuq kunċetti użati fid-direttivi eżistenti li operaturi ekonomiċi huma familjari magħhom. Fir-rigward ta’ miżuri li jittrattaw diskriminazzjoni ta’ diżabilità, il-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli hija familjari għal negozji peress li kien stabbilit fid-Direttiva 2000/78/KE. Il-proposta tal-Kummissjoni tispeċifika l-fatturi li għandhom ikunu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta’ x’inhu “raġonevoli”.

    Kien osservat li, għall-kuntrarju taż-żewġ Direttivi l-oħra, id-Direttiva 2000/78/KE ma tirrikjedix li Stati Membri jistabbilixxu korpi ta’ ugwaljanza. Kienet miġbuda l-attenzjoni wkoll lejn il-bżonn li tkun trattata diskriminazzjoni multipla, per eżempju permezz ta’ definizzjoni ta’ diskriminazzjoni u l-istabbiliment ta’ rimedji effettivi. Dawn il-kwistjonijiet jmorru lil hinn mill-iskop ta’ din id-Direttiva iżda xejn ma jostakola lill-Istati Membri milli jieħdu azzjoni f’dawn l-oqsma.

    Fl-aħħarnett, kien osservat li l-iskop ta’ protezzjoni minn diskriminazzjoni ta’ sess skond id-Direttiva 2004/113/KE mhux daqshekk estensiv bħal fid-Direttiva 2000/43/KE u li dan għandu jkun indirizzat f’leġiżlazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dan is-suġġeriment issa peress li d-data għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE għadha kif skadiet. Madankollu l-Kummissjoni se tagħmel rapport fl-2010 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tista’ tipproponi modifikazzjonijiet wara, skond kif ikun xieraq.

    Ġbir u użu ta’ ħila esperta

    Studju[13] fl-2006 wera li, min-naħa waħda, ħafna pajjiżi pprovdew protezzjoni legali f’xi forma li tmur lil hinn mir-rekwiżiti KE kurrenti f’ħafna mill-oqsma eżaminati, u min-naħa l-oħra, kien hemm ammont sostanzjali ta’ varjetà bejn pajjiżi rigward il-livell u n-natura tal-protezzjoni. Dan wera wkoll li kienu ftit il-pajjiżi li wettqu stimi ta’ l-impatt ex - ante fuq leġiżlazzjoni li mhijiex diskriminatorja. Studju ieħor[14] eżamina n-natura u l-miżura ta’ diskriminazzjoni barra impjieg fl-UE, u l-ispejjeż potenzjali (diretti u indiretti) li dan jista’ jkollu għal individwi u s-soċjetà.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat ir-rapporti min-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Indipendenti fil-qasam ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, notevolament id-deskrizzjoni fil-qosor tagħhom “L-Iżvilupp ta’ Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni fl-Ewropa”[15] kif ukoll studju dwar “Indirizzar ta’ Diskriminazzjoni Multipla: prattiċi, politiki u liġijiet”[16]

    Huma relevanti wkoll ir-riżultati ta’ stħarriġ speċjali Eurobarometer [17] u stħarriġ Eurobarometer fil-qosor fi Frar 2008[18].

    Stima ta’ impatt

    Ir-rapport ta’ stima ta’ impatt[19] ikkunsidra evidenza ta’ diskriminazzjoni barra mis-suq tax-xogħol. Huwa sab li, filwaqt li nuqqas ta’ diskriminazzjoni hija rikonoxxuta bħala waħda mill-valuri fundamentali ta’ l-UE, fil-prattika l-livell ta’ protezzjoni legali sabiex ikunu żgurati dawn il-valuri huwa differenti bejn Stati Membri u bejn raġunijiet għal diskriminazzjoni. Bħala riżultat, dawk fir-riskju ta’ diskriminazzjoni ħafna drabi jsibu lilhom infushom inqas kapaċi biex jipparteċipaw totalment fis-soċjetà u l-ekonomija, b’effetti negattivi kemm għall-individwu u għal soċjetà usa’.

    Ir-rapport iddefinixxa tliet għanijiet li kwalunkwe inizjattiva għandha tilħaq:

    - sabiex iżżid protezzjoni kontra diskriminazzjoni ;

    - sabiex tiżgura ċertezza legali għal operaturi ekonomiċi u vittmi potenzjali fl-Istati Membri;

    - sabiex iżżid inklużjoni soċjali u tippromovi parteċipazzjoni totali tal-gruppi kollha fis-soċjetà u l-ekonomija.

    Mid-diversi miżuri identifikati li jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet, sitt alternattivi kienu magħżula għal iktar analiżi, notevolment ebda azzjoni ġdida fuq livell Ewropew; regolazzjoni tagħhom infushom; rakkomandazzjonijiet; u direttiva waħda jew iktar li jipprojbixxu diskriminazzjoni barra l-isfera ta’ l-impjieg .

    Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet li tiddefinixxi ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli bħala diskriminazzjoni. Miżura legalment vinkolanti li tipprojbixxi diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ diżabilità tinvolvi spejjeż finanzjarji minħabba l-adattazzjonijiet neċessarji iżda hemm ukoll benefiċċji mill-inklużjoni iktar soda ekonomika u soċjali li bħalissa taffaċċja diskriminazzjoni.

    Ir-rapport jikkonkludi li direttiva b’diversi raġunijiet tkun ir-risposta approprjata, maħsuba sabiex tirrispetta l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Numru żgħir ta’ Stati Membri diġà għandhom protezzjoni leġiżlattiva pjuttost kompluta filwaqt li ħafna oħrajn għandhom xi protezzjoni, iżda waħda inqas komprensiva. L-adattazzjoni leġiżlattiva li tirriżulta mir-regoli KE ġodda għalhekk tkun tvarja.

    Il-Kummissjoni rċeviet ħafna lmenti dwar diskriminazzjoni fis-settur ta’ l-assigurazzjoni u dak bankarju. L-użu ta’ età jew diżabilità minn assiguraturi u banek sabiex jevalwaw il-profil tar-riskju ta’ klijenti ma jirrappreżentax neċessarjament diskriminazzjoni: jiddependi fuq il-prodott. Il-Kummissjoni għandha tibda djalogu ma’ l-industrija ta’ l-assigurazzjoni u dik bankarja flimkien ma’ partijiet interessati oħra sabiex tikseb ftehim komuni aħjar fejn l-età jew diżabilità huma fatturi rilevanti għad-disinn u prezzar tal-prodotti offruti f’dawn is-setturi.

    2. ASPETTI LEGALI

    Bażi legali

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 13(1) tat-Trattat KE.

    Sussidjarjetà u proporzjonalità

    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom għax miżura Komunitarja biss tista’ tiżgura li jkun hemm livell standard minimu ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali fl-Istati Membri kollha. Att legali Komunitarju jipprovdi ċertezza legali rigward id-drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi u ċittadini, inkluż għal dawk fi Stati Membri. Esperjenza bid-direttivi preċedenti adottati skond l-Artikolu 13(1) KE hija li huma kellhom effett pożittiv fil-kisba ta’ protezzjoni aħjar kontra diskriminazzjoni. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-direttiva proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti.

    Barra minn hekk, it-tradizzjonijiet u l-istrateġiji nazzjonali f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni għandhom it-tendenza jkunu aktar diversi milli f’oqsma marbuta ma’ l-impjiegi. Dawn l-oqsma huma kkaratterizzati minn għażliet leġittimi tas-soċjetà f’oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza nazzjonali.

    Id-diversità tas-soċjetajiet Ewropej hija waħda mill-oqsma fejn l-Ewropa hija b'saħħitha, u għandha tiġi rrispettata skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ l-istat ċivili jew familjari, l-adozzjoni, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u kwistjonijiet oħra simili l-aħjar li jiġu deċiżi f’livell nazzjonali. Id-Direttiva, għaldaqstant, ma tirrikjedix li xi Stat Membru jemenda l-liġijiet u l-prassi attwali tiegħu b’rabta ma’ dawn il-kwistjonijiet. Lanqas ma taffettwa r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-attivitajiet ta’ knejjes jew organizzazzjonijiet reliġjużi oħra jew ir-relazzjoni tagħhom ma’ l-istat. Għalhekk, per eżempju, se jibqa’ f’idejn l-Istati Membri waħidhom li jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħal jekk jippermettux ammissjoni selettiva għall-iskejjel, jew jipprojbixxux jew jippermettux l-ilbies jew il-wiri ta’ simboli reliġjużi fl-iskejjel , jekk jirrikonoxxux żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess, u n-natura ta' kull relazzjoni bejn reliġjon organizzata u l-istat.

    Għażla ta’ strument

    Direttiva hija l-istrument li jiżgura l-aħjar livell koerenti minimu ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni fl-UE, filwaqt li tippermetti Stati Membri individwali li jridu jmorru lil hinn mill-istandards minimi sabiex jagħmlu dan. Hija tippermettilhom ukoll li jagħżlu l-iktar mezz ta’ infurzar u sanzjonijiet xierqa. Esperjenza tal-passat fil-qasam tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni hija li d-direttiva kienet l-iktar strument xieraq.

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    L-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-direttiva kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-direttiva.

    Żona Ekonomika Ewropea

    Dan huwa test ta’ rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea u d-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-Istati Membri li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea taż-Żona Ekonomika Ewropea wara deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ŻEE

    3. IMLIKAZZJONIJIET TA’ BAġIT

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit Komunitarju.

    4. SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAD-DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI

    ARTI kolu 1: Skop

    L-għan ewlieni tad-direttiva huwa li tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali u li ddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ trattament ugwali, barra mill-kamp ta’ l-impjieg. Id-direttiva ma tipprojbixxix differenzi ta’ trattament ibbażat fuq sess li huma koperti mill-Artikoli 13 u 141 tat-Trattat tal-KE u leġiżlazzjoni sekondarja relatata.

    Arti kolu 2: Kunċett ta’ diskriminazzjoni

    Id-definizzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa bbażat fuq dak li jinstab fid-direttivi preċedenti adottati skond l-Artikolu 13(1) KE [kif ukoll ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea].

    Diskriminazzjoni diretta tikkonsisti fit-trattament ta’ xi ħadd differenti sempliċiment minħabba l-età, diżabilità, reliġjon jew twemmin u orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha. Diskriminazzjoni indiretta hija iktar kumplessa fis-sens li regola jew prattika li tidher newtrali fil-fatt ikollha impatt ta’ żvantaġġ partikolari fuq persuna jew grupp ta’ persuni li għandhom karatteristika speċifika L-awtur tar-regola jew prattika jista’ ma jkollu ebda idea tal-konsegwenzi prattiċi, u intenzjoni li jiddiskrimina hija għalhekk ma tkunx rilevanti. Bħal fid-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2002/73/KE[20] huwa possibbli li tkun ġustifikata diskriminazzjoni indiretta (jekk “dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika mhix oġġettivament ġustifikata minn għan leġittimu u l-mezz li bih jintlaħaq dak l-għan huwa approporjat u neċessarju”).

    Fastidju huwa forma ta’ diskriminazzjoni. Il-kondotta mhux mixtieqa tista’ tieħu diversi forom, minn kummenti verbali jew bil-miktub, mossi jew komportament, iżda għandha tkun serja biżżejjed sabiex toħloq ambjent intimidanti, umiljanti jew offensiv. Din id-definizzjoni hija identika għad-definizzjonijiet inklużi fid-direttivi l-oħra ta’ l-Artikolu 13.

    Ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli hija kkunsidrata bħala forma ta’ diskriminazzjoni. Din hija skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet u koerenti tad-Direttiva 2000/78/KE. Ċertu differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età jistgħu jkunu legali, jekk ikunu ġustifikati minn għan leġittimu u l-mezz li bih jintlaħaq dak l-għan huwa approprjat u neċessarju (test ta’ proporzjonalità).

    Fid-direttivi ta’ l-Artikolu 13 eżistenti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta kienu permessi għal “rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti”, għal differenzi ta’ trattament sakond l-età, u fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni sesswali, b’aċċess għal provvisti u servizzi. Għalkemm din il-proposta ma tkoprix impjieg, għandu jkun hemm differenzi ta’ trattament fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3 li għandhom ikunu permessi. Madankollu, kif eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza għandhom ikunu stabbiliti b’mod ristrett, it-test doppju ta’ għan ġustifikat u mod proporzjonali kif jintlaħaq (jiġifieri bl-inqas mod diskriminatorju possibbli) huwa meħtieġ.

    Regola speċjali hija miżjuda għal servizzi ta’ assigurazzjoni u dawk bankarji, fir-rikonoxximent tal-fatt li età u diżabilità jistgħu jkunu element essenzjali ta’ l-evalwazzjoni ta’ riskju għal ċerti prodotti, u għalhekk ta’ prezz. Jekk assiguranti ma għandhomx permess li jikkunsidraw età u diżabilità, l-ispejjeż addizzjonali ikollhom ikunu mħallsa mill-bqija tan-nies assigurati, li jirriżultaw fi spejjeż ogħla ġeneralment u inqas disponibbiltà ta’ kopertura għall-klijenti. L-użu ta’ età u diżabilità fl-evalwazzjoni ta’ riskju għandu jkun ibbażat fuq dejta u statistiċi preċiżi.

    Id-direttiva ma taffettwax miżuri nazzjonali bbażati fuq sigurtà pubblika, ordni pubblika, il-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, il-protezzjoni tas-saħħa u d-drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.

    Arti kolu 3: Skop

    Dis kriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali hija projbita kemm mis-settur pubbliku kif ukoll dak privat fi:

    - protezzjoni soċjali, inkluż sigurtà soċjali u protezzjoni tas-saħħa;

    - vantaġġi soċjali;

    - edukazzjoni;

    - aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni.

    Fit-termini ta’ aċċess għal provvisti u servizzi, attivitajiet professjonali jew kummerċjali biss huma koperti. Fi kliem ieħor, tranżazzjonijiet bejn individwi privati li jaġixxu f’kapaċità privata ma jkunux koperti: kirja ta’ kamra ġo dar privata mhemmx għalfejn tkun trattata bl-istess mod bħall-kiri ta’ kmamar ġo lukandi. L-oqsma huma koperti biss sal-miżura li s-suġġett jaqa’ fil-kompetenzi tal-Komunità. Għalhekk, per eżempju, l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ l-iskola, l-attivitajiet u l-kontenut ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni, inkluż kif tiġi organizzata edukazzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali, hija affari ta’ l-Istati Membri, u li huma jistgħu jipprovdu għal differenzi fit-trattament ta’ aċċess għal istituzzjonijiet edukattivi reliġjużi. Per eżempju, skola tista’ tirranġa preżentazzjoni speċjali għal tfal ta’ ċerta età biss, filwaqt li skola bbażata fuq il-fidi titħalla tirranġa ħarġiet ta’ l-iskola b’tema reliġjuża.

    It-test jagħmilha ċara li suġġetti li jirrigwardaw l-istat ċivili u familjari, li tinkludi adozzjoni, huma barra mill-iskop tad-direttiva. Din tinkludi drittijiet riproduttivi. L-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu jekk jistabbilixxux u jirrikonoxxux sħubiji reġistrati legalment jew le. Madankollu, ladarba l-liġi nazzjonali tirrikonoxxi dawn ir-relazzjonijiet bħala kumparabbli ma’ dawk ta’ miżżewġin allura japplika l-prinċipju ta’ trattament ugwali[21].

    L-Artikolu 3 jispeċifika li d-direttiva ma tkoprix liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw in-natura sekulari ta’ l-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu, u lanqas dawk li jirrigwardaw is-sitwazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jippermettu jew jipprojbixxu l-ilbies ta’ simboli reliġjużi fl-iskejjel. Differenzi fi trattament ibbażati fuq nazzjonalità ukoll mhumiex koperti.

    Artikolu 4: Trattament ugwali ta’ persuni b’diżabilitajiet

    Aċċess effettiv għal persuni b’diżabilità għal protezzjoni soċjali, vantaġġi soċjali, protezzjoni tas-saħħa, edukazzjoni u aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni, għandhom ikunu provduti bil-quddiem. Din l-obbligazzjoni hija limitata mid-difiża li jekk dan jimponi piż sproporzjonat jew jirrikjedi bidliet kbar fuq il-merkanzija, mhemm għalfejn tkun imwettqa.

    F’xi każijiet miżuri individwali ta’ akkomodazzjoni raġonevoli jistgħu jkunu neċessarji sabiex jiżguraw aċċess effettiv għal persuna partikolari b’diżabilità. Kif imsemmi hawn fuq, dan huwa l-każ biss jekk ma jimponix piż sproporzjonat. Lista mhux eżawrjenti hija mogħtija tal-fatti li jistgħu jitqiesu fl-evalwazzjoni ta’ jekk piż huwiex sproporzjonat, u b’hekk tista' titqies is-sitwazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u mikro-intrapriżi.

    Il-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli diġà jeżisti fl-isfera ta’ l-impjieg skond id-Direttiva 2000/78/KE, u Stati Membri u negozji għalhekk għandhom esperjenza fl-applikazzjoni tagħha. Li jista’ jkun approprjat għal korporazzjoni kbira jew korp pubbliku jista’ ma jkunx għal kumpanija żgħira jew waħda ta’ daqs medju. Ir-rekwiżit li ssir akkomodazzjoni raġonevoli ma jimplikax biss li jsiru bidliet fiżiċi iżda jista’ jinvolvi mezz alternattiv ta’ provvista ta’ servizz.

    Artikolu 5: Azzjoni pożittiva

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Huwa ċar li f’ħafna każijiet, ugwaljanza formali ma twassalx għal ugwaljanza fil-prattika. Jista’ jkun neċessarju li jkunu stabbiliti miżuri speċifiċi sabiex jipprevjenu u jikkoreġu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza. L-Istati Membri għandhom tradizzjonijiet u prattiċi differenti rigward azzjoni pożittiva, u dan l-artikolu jippermetti li l-Istati Membri jipprovdu azzjoni pożittiva iżda mhux bħala obbligu.

    Arti kolu 6: Rekwiżiti minimi

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Hija tippermetti li Stati Membri jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak garantit mid-Direttiva, u tikkonferma li ma għandux ikun hemm tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija minn Stati Membri meta jimplimentaw id-Direttiva.

    Arti kolu 7: Difiża ta’ drittijiet

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. In-nies għandhom ikunu jistgħu jinfurzaw id-dritt tagħhom għal nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Dan l-artikolu għalhekk jistabbilixxi li nies li jħossuhom li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni għandhom ikunu jistgħu jużaw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, anki wara r-relazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni hija allegata li seħħet spiċċat skond sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża Coote[22].

    Id-dritt għal protezzjoni legali effettiva hija msaħħa billi jingħata permess lil organizzazzjonijiet, li għandhom interess leġittimu fil-ġlieda kontra diskriminazzjoni, sabiex jgħinu vittmi ta’ diskriminazzjoni fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi. Regoli nazzjonali dwar limiti ta’ żmien għall-bidu ta’ azzjonijiet mhumiex affettwati minn din id-dispożizzjoni.

    Arti kolu 8: Oneru tal-prova

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi ta’ l-Artikolu 13 kollha. Fi proċeduri ġudizzjarji, ir-regola ġenerali hija li persuna li tallega xi ħaġa għandha tagħti prova tagħha. Madankollu, f’każijiet ta’ diskriminazzjoni, ħafna drabi huwa estremament diffiċli li tinkiseb evidenza neċessarja sabiex tingħata prova tal-każ, peress li ħafna drabi din hija f’idejn il-konvenut. Din il-problema kienet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea[23] u l-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva 97/80/KE[24].

    Il-bidla ta’ l-oneru tal-prova tapplika għall-każijiet kollha li jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, inkluż dawk li jinvolvu assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet skond l-Artikolu 7(2). Bħal fid-direttivi ta’ qabel, din il-bidla fl-oneru tal-prova ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-liġi kriminali hija użata sabiex tagħmel prosekuzzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

    Arti kolu 9: Vittimizzazzjoni

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Protezzjoni legali effettiva għandha tinkludi protezzjoni kontra ritaljazzjoni. Vittmi jistgħu jkunu ostakolati milli jużaw id-drittijiet tagħhom minħabba r-riskju ta’ ritaljazzjoni, u għalhekk huwa neċessarju li l-individwi jkunu protetti kontra kwalunkwe trattament negattiv minħabba l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva. Dan l-artikolu huwa l-istess bħal fid-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE.

    Arti kolu 10: Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Esperjenza u sondaġġi juru li l-individwi mhumiex infurmati sew jew mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet tagħhom. Iktar ma tkun effettiva s-sistema ta’ informazzjoni pubblika u prevenzjoni, inqas ikun hemm bżonn għal rimedji individwali. Dan huwa replikat b’dispożizzjonijiet ekwivalenti fid-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2002/113/KE.

    Arti kolu 11: Djalogu ma’ partijiet interessati rilevanti

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Hija timmira sabiex tippromwovi djalogu bejn l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi rilevanti bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom interess leġittimu fil-kontribuzzjoni għall-ġlieda kontra diskriminazzjoni għal ragunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. Dispożizzjoni simili hija inkluża fid-direttivi ta’ kontra d-diskriminazzjoni preċedenti.

    Arti kolu 12: Korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għal żewġ direttivi ta’ l-Artikolu 13. Dan l-artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom korp jew korpi (“Korp ta’ Ugwaljanza”) fuq livell nazzjonali sabiex jippromwovi t-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

    Hija tirreplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43/KE safejn jitkellmu dwar aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi, u tibni fuq dispożizzjonijiet ekwivalenti fid-Direttivi 2002/73/KE[25] u 2004/113/KE. Hija tistabbilixxi kompetenzi minimi applikabbli ghal korpi fuq livell nazzjonali li għandhom jaġixxu indipendentement biex jippromwovu l-prinċipju ta’ trattament ugwali. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dawn il-korpi jkunu l-istess bħal dawk diġà stabbiliti skond id-direttivi preċedenti.

    Huwa diffiċli kif ukoll jiswa l-flus biex individwi joħolqu każ legali jekk jaħsbu li kien hemm diskriminazzjoni kontrihom. Rwol ewlieni tal-Korpi ta’ Ugwaljanza huwa li jagħtu għajnuna indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni. Huma għandhom ikunu jistgħu jwettqu wkoll sondaġġi indipendenti dwar diskriminazzjoni u jippubblikaw rapporti u rakkomandazzjonijiet dwar argumenti li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni.

    Arti kolu 13: Osservanza

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Trattament ugwali jinvolvi l-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta minn kwalunkwe liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi u d-direttiva għalhekk tirrikjedi li l-Istati Membri jħassru dawn id-dispożizzjonijiet. Bħal f’leġiżlazzjoni preċedenti, id-direttiva tirrikjedi wkoll li kwalunkwe dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandhom ikunu annullati jew emendati, jew għandhom ikunu jista’ jsiru hekk jekk ikunu kontestati.

    Arti kolu 14: Sanzjonijiet

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[26], it-test jipprovdi li ma għandu jkun hemm ebda limitu fuq il-kumpens li għandu jitħallas f’każijiet ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li jkunu introdotti sanzjonijiet kriminali.

    Arti kolu 15: Implimentazzjoni

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Hija tagħti lill-Istati Membri perjodu ta’ sentejn sabiex jittrasponu d-direttiva f’liġi nazzjonali u biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-obbligazzjoni biex jiżguraw aċċess effettiv għal persuni b’diżabilità tapplika biss erba’ snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva.

    Artikolu 16: Rapport

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Hija tirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva, fuq il-bażi ta’ informazzjoni minn Stati Membri. Ir-rapport se jikkunsidra l-opinjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali, NGOs rilevanti u l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

    Artikolu 17: Dħul fis-seħħ

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13. Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Artikolu 18: Indirizzati

    Din id-dispożizzjoni hija komuni għad-direttivi kollha ta’ l-Artikolu 13, u tagħmilha ċara li d-Direttiva tindirizza l-Istati Membri.

    2008/0140 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[27],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[28],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[29],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[30],

    Billi:

    1. Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett għal drittijiet umani u libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u tirrispetta drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

    2. Id-dritt għal ugwaljanza quddiem il-liġi u protezzjoni kontra diskriminazzjoni għall-persuni kollha jikkostitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Persuni b’Diżabilitajiet, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea, li għalihom l-Istati Membri [kollha] huma firmatarji. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet tinkludi ċ-caħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli fid-definizzjoni tagħha ta’ diskriminazzjoni.

    3. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 10 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon; l-Artikolu 21 jipprojbixxi diskriminazzjoni, inkluż għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali; u l-Artikolu 26 jirrikonoxxi d-dritt ta’ persuni b’diżabilitajiet li jibbenefikaw mill-miżuri maħsuba sabiex jiżguraw l-indipendenza tagħhom.

    4. Is-Snin Ewropej tal-Persuni b’Diżabilitajiet fl-2003, ta’ Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd fl-2007, u tad-Djalogu Interkulturali fl-2008 enfasizzaw il-persistenza ta’ diskriminazzjoni iżda wkoll il-benefiċċji ta’ diversità.

    5. Il-Kunsill Ewropew, fi Brussell fl-14 ta’ Diċembru 2007, stieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi sabiex jipprevjenu u jiġġieldu d-diskriminazzjoni ġewwa u barra s-suq tax-xogħol[31].

    6. Il-Parlament Ewropew sejjaħ għall-estensjoni tal-protezzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea.[32]

    7. Il-Kummissjoni Ewropea affermat fil-Komunikazzjoni tagħha “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21”[33] li, f’soċjetajiet fejn kull individwu jitqies li hu ta’ valur ugwali, l-ebda ostaklu artifiċjali jew diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip ma għandha żżomm lin-nies lura milli jisfruttaw dawn l-opportunitajiet.

    8. Il-Komunità adottat tliet strumenti legali[34] fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13(1) tat-Trattat tal-KE sabiex tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, oriġini razjali u etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. Dawn l-istrumenti wrew il-valur tal-leġiżlazzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. B’mod partikolari, d-Direttiva 2000/78/KE tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali. Madankollu, jibqgħu varjazzjonijiet bejn Stati Membri fuq il-livell u l-forma ta’ protezzjoni minn diskriminazzjoni għal dawn ir-raġunijiet lil hinn mill-oqsma ta’ l-impjieg.

    9. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni għandha tipprjobixxi diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali fi sfera ta’ oqsma barra s-suq tax-xogħol, inkluż protezzjoni soċjali, edukazzjoni u aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi, inkluż akkomodazzjoni. Għandha tipprovdi għal miżuri sabiex tiżgura l-aċċess ugwali ta’ persuni b’diżabilitajiet għall-oqsma koperti.

    10. Id-Direttiva 2000/78/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-aċċess għal taħriġ vokazzjonali; jeħtieġ li din il-protezzjoni tkun kompletata billi tiġi estiża l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għall-edukazzjoni li mhijiex meqjusa taħriġ vokazzjonali.

    11. Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri fl-oqsma ta’ edukazzjoni, sigurtà soċjali u protezzjoni tas-saħħa. Din għandha tkun ukoll bla ħsara għar-rwol essenzjali u diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-Istati Membri fil-provvista, kummissjoni u organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    12. B’diskriminazzjoni huwa mifhum li tinkludi diskriminazzjoni diretta u indiretta, fastidju, istruzzjonijiet għal diskriminazzjoni u ċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli.

    13. Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, il-Komunità għandha, skond l-Artikolu 3(2) tat-Trattat KE, timmira sabiex telimina inugwaljanzi, u li tippromwovi ugwaljanza bejn irġiel u nisa, speċjalment peress li n-nisa huma ħafna drabi l-vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla.

    14. L-apprezzament tal-fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għandu jibqa’ f’idejn il-korpi nazzjonali ġudizzjali jew korpi kompetenti oħra skond ir-regoli tal-liġi jew prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari, għal diskriminazzjoni indiretta li għandha tkun stabbilita bi kwalunkwe mezz inkluż fuq il-bażi ta’ evidenza statistika.

    15. Il-fatturi attwarjali u ta’ riskju li għandhom x’jaqsmu ma’ diżabilità u età jintużaw fl-għoti ta’ assigurazzjoni, servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra. Dawn ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu diskriminazzjoni fejn il-fatturi jkunu jidhru li huma fatturi ewlenin għall-evalwazzjoni tar-riskju.

    16. L-individwi kollha jgawdu l-libertà li jikkuntrattaw, inkluż il-libertà li jagħżlu sieħeb kuntrattwali għal tranżazzjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet ekonomiċi magħmula minn individwi li għalihom dawn it-tranżazzjonijiet ma jikkostitwixxux l-attività professjonali jew kummerċjali tagħhom.

    17. Filwaqt li jipprojbixxu diskriminazzjoni, huwa importanti li jkunu rispettati drittijiet u libertajiet fundamentali oħrajn, inkluż il-protezzjoni tal-ħajja privata u familjari u tranżazzjonijiet imwettqa f’dak il-kuntest, il-libertà ta’ reliġjon, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni. Din id-Direttiva hi bla ħsara għal liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili jew familjari, inkluż fuq drittijiet riproduttivi. Hija wkoll bla ħsara għan-natura sekulari ta’ l-Istat, l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta' l-istat, jew l-edukazzjoni.

    18. L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ l-edukazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda għal Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ attenzjoni speċjali li trid tingħata lil tfal żvantaġġati u dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali. B’mod partikolari l-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għad-differenzi fl-aċċess għal istituzzjonijiet edukattivi bbażati fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. L-Istati Membri jistgħu wkoll jippermettu jew jipprojbixxu l-ilbies jew il-wiri ta’ simboli reliġjużi fl-iskola.

    19. L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni tagħha Nru 11 dwar is-sitwazzjoni ta’ knejjes u organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessi ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, espressament irrikonoxxiet li tirrispetta u ma tippreġudikax is-sitwazzjoni skond liġi nazzjonali ta’ knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta s-sitwazzjoni ta’ organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Miżuri li jippermettu li persuni b’diżabilitajiet ikollhom aċċess effettiv mhux diskriminatorju għal oqsma koperti minn din id-Direttiva għandhom rwol importanti fl-assigurazzjoni ta’ ugwaljanza totali fil-prattika. Barra minn hekk, miżuri individwali ta’ akkomodazzjoni raġonevoli jistgħu jkunu meħtieġa f’xi każijiet sabiex jiżguraw dan l-aċċess. Meta jiġi evalwat jekk il-piż huwiex sproporzjonat, għandhom jitqiesu għadd ta’ fatturi inklużi d-daqs, ir-riżorsi u n-natura ta’ l-organizzazzjoni. Il-prinċipju ta’ akkomodazzjoni raġonevoli u ta’ piż sproporzjonat huma stabbiliti fid-Direttiva 2000/78/KE u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet.

    20. Rekwiżiti[35] u standards legali dwar aċċessibilità kienu stabbiliti fuq livell Ewropew f’xi oqsma filwaqt li l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999[36] jirrikjedi li l-aċċessibiltà għal persuni b’diżabilità tkun waħda mill-kriterji li għandhom ikunu osservati fid-definizzjoni ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi. Il-Kunsill enfasizza wkoll il-bżonn għal miżuri sabiex jiżguraw l-aċċessibiltà ta’ infrastruttura kulturali u attivitajiet kulturali għal nies b’diżabilitajiet[37].

    21. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tkun bla ħsara għaż-żamma jew adozzjoni minn Stati Membri ta’ miżuri maħsuba sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi li jbatu grupp ta’ persuni ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali partikolari li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-promozzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ dawk il-persuni.

    22. Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tagħti lill-Istati Membri l-alternattiva li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex isservi sabiex tiġġustifika kwalunkwe regressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

    23. Persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali għandu jkollha mezz adegwat ta’ protezzjoni legali. Sabiex jipprovdu livell iktar effettiv ta’ protezzjoni, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra għandu jkollhom il-poter fi proċedimenti, inkluż f’isem jew b’appoġġ ta’ xi vittma, bla ħsara għal regoli nazzjonali ta’ proċedura li jirrigwardaw rappreżentazzjoni u difiża quddiem il-qrati.

    24. Ir-regoli dwar l-oneru tal-prova għandhom ikunu adattati meta jkun hemm każ ta’ diskriminazzjoni prima facie u, sabiex ikun applikat effettivament il-prinċipju ta’ trattament, l-oneru tal-prova għandu jerġa’ jmur lura fuq il-konvenut meta evidenza ta’ din id-diskriminazzjoni hija ppreżentata. Madankollu, mhuwiex f’idejn il-konvenut li jagħti prova li r-rikorrent għandu reliġjon jew twemmin partikolari, għandu diżabilità partikolari, huwa ta’ età partikolari jew għandu orjentazzjoni sesswali partikolari.

    25. L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jirrikjedi protezzjoni ġudizzjarja kontra vittimizzazzjoni.

    26. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-segwitu tas-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007), il-Kunsill sejjaħ għall-assoċjazzjoni kollha tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw nies fir-riskju ta’ diskriminazzjoni, imsieħba soċjali u persuni interessati fid-disinn ta’ politiki u programmi immirati sabiex jipprevjenu diskriminazzjoni u jippromwovu ugwaljanza u opportunitajiet ugwali, fuq livelli Ewropej u nazzjonali.

    27. Esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE turi li l-protezzjoni minn diskriminazzjoni għar-raġunijiet koperti minn din id-Direttiva tkun imsaħħa bl-eżistenza ta’ korp jew korpi f’kull Stat Membru, bil-kompetenza li tanalizza l-problemi involuti, tistudja soluzzjonijiet possibbli u tipprovdi assistenza konkreta għall-vittmi.

    28. Fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom u t-twettiq tar-responsabilitajiet skond din id-Direttiva, dawn il-korpi għandhom joperaw b’mod konsistenti mal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Pariġi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni u l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u promozzjoni ta’ drittijiet umani.

    29. L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u disswasivi f’każijiet ta’ ksur ta’ l-obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva.

    30. Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE, l-għan ta’ din id-Direttiva, fi kliem ieħor li jkun żgurat livell komuni ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, skond l-iskala u l-impatt ta’ l-azzjoni proposta, jintlaħaq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    31. Skond il-paragafu 34 tal-ftehim interistituzzjonali dwar ħolqien ta’ liġi aħjar, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li għandhom, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u li jagħmluhom pubbliċi.

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Kapitolu 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Arti kolu 1 Għan

    Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li jiġġieled id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, sabiex ikollu effett fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali minbarra fl-oqsma ta’ impjieg u professjoni.

    Artikolu 2 Kunċett ta’ diskriminazzjoni

    1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-“prinċipju ta’ trattament ugwali” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

    2. Għall- finijiet tal-paragrafu 1:

    (a) diskriminazzjoni diretta għandha tkun ikkunsidrata li sseħħ meta persuna waħda hija trattata b’mod inqas favorevoli milli oħra hi, kienet jew se tkun trattata f’sitwazzjoni simili, għal kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    (b) diskriminazzjoni indiretta għandha tkun ikkunsidrata li sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tpoġġi lil persuni ta’ reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari fi żvantaġġ partikolari mqabbel ma’ persuni oħra, sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx oġġettivament ġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi li bihom jintlaħaq dak l-għan huma approprjati u neċessarji.

    3. Fastidju għandu jitqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, meta kondotta mhix mixtieqa li għandha x'taqsam ma' kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu sseħħ bl-iskop jew effett li tmur kontra d-dinjità ta’ persuna u ta’ ħolqien ta’ ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

    4. Istruzzjoni li tiddiskrimina kontra persuni minħabba kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu ikkunsidrati li jkunu diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1.

    5. Ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli f’każ partikolari kif provdut fl-Artikolu 4 (1)(b) ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet għandhom ikunu kkunsidrati li jkunu diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1.

    6. Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li differenzi fi trattament għal raġunijiet ta’ età ma għandhomx jikkostitwixxu diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest ta’ liġi nazzjonali, huma ġustifikati minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi ta’ ksib ta’ dak l-għan huma xierqa u neċessarji. B’mod partikolari, din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-istabbiliment ta’ età speċifika għall-aċċess għal benefiċċji soċjali, għal edukazzjoni u għal ċerti provvisti jew servizzi.

    7. Minkejja l-paragrafu 2, fl-għoti ta’ servizzi finanzjarji l-Istati Membri jistgħu jippermettu differenzi proporzjonati fi trattament fejn, għall-prodott ikkonċernat, l-użu ta’ età jew diżabilità bħalahuwa fattur ewlieni fl-evalwazzjoni ta’ riskju bbażat fuq dejta preċiża attwarjali jew ta’ statistika.

    8. Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għal miżuri ġenerali stabbiliti fil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għal sigurtà pubblika, għaż-żamma ta’ l-ordni pubblika u l-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u l-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.

    Artikolu 3 Skop

    1. Fil-limiti tal-poteri konferiti fuq il-Kummissjoni, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tapplika għall-persuni kollha, fir-rigward tas-setturi pubbliċi u privati, inkluż korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

    (a) Protezzjoni soċjali, inkluż sigurtà soċjali u protezzjoni tas-saħħa;

    (b) Vantaġġi soċjali;

    (ċ) Edukazzjoni;

    (d) Aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi oħra li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni.

    Subparagrafu (d) għandu japplika għal individwi biss safejn ikunu qed iwettqu attività professjonali jew kummerċjali.

    2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili jew familjari u drittijiet riproduttivi.

    3. Din id-Direttiva hija bla ħsara għar-responsabbiltajiet ta’ Stati Membri għall-kontenut ta’ tagħlim, attivitajiet u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom, inkluż l-għoti ta’ edukazzjoni ta’ bżonnijiet speċjali. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal differenzi fi trattament għal aċċess f’istituzzjonijiet edukattivi bbażati fuq reliġjon jew twemmin.

    4. Din id-Direttiva hija bla ħsara għal għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura n-natura sekulari ta’ l-Istat, istituzzjonijiet jew korpi ta’ l-Istat, jew edukazzjoni, jew li tikkonċerna l-istatus u l-attivitajiet ta’ knejjes u organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq reliġjon jew twemmin. Hija bl-istess mod bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

    5. Din id-Direttiva ma tkoprix differenzi ta’ trattament ibbażati fuq nazjonalità u hija bla ħsara għal dispożizzjonijiet u kundizzjonijiet li jirrigwardaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fit-territorju ta’ Stati Membri, u għal kwalunkwe trattament li jinħoloq mis-sitwazzjoni legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat ikkonċernati.

    Artikolu 4 Trattament ugwali ta’ persuni b’diżabilitajiet

    1. Sabiex ikun garantit twettiq tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet:

    a) Il-miżuri neċessarji li jippermettu li persuni b’diżabilitajiet ikollhom aċċess effettiv mhux diskriminatorju għal protezzjoni soċjali, vantaġġi soċjali, protezzjoni tas-saħħa, edukazzjoni u aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni u trasport, għandhom ikunu provduti b’antiċipazzjoni, inkluż permezz ta’ tibdil jew aġġustamenti xierqa. Dawn il-miżuri ma għandhomx jimponu piż sproporzjonat, u lanqas jirrikjedu tibdil fundamentali tal-protezzjoni soċjali, il-vantaġġi soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, jew il-provvisti u s-servizzi kkonċernati, jew jirrikjedu l-istabbiliment ta’ alternattivi għalihom.

    b) Minkejja l-obbligazzjoni li jkun żgurat aċċess mhux diskriminatorju u fejn hemm bżonn f’każ partikolari, akkomodazzjoni raġonevoli għandha tkun provduta sakemm dan ma jimponix piż sproporzjonat.

    2. Sabiex jiġi evalwat jekk miżuri neċessarji biex jikkonformaw mal-paragrafu 1 humiex se jimponu piż sproporzjonat, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, id-daqs u r-riżorsi ta’ l-organizzazzjoni, in-natura tagħha, il-prezz estimat, il-ħajja tal-provvisti u servizzi u l-benefiċċji possibbli ta’ aċċess miżjud għal persuni b’diżabilitajiet. Il-piż ma għandux ikun sproporzjonat meta huwa rimedjat biżżejjed minn miżuri eżistenti fil-qafas tal-politika ta’ trattament ugwali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    3. Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja jew regoli nazzjonali li jkopru l-aċċessibilità ta’ provvisti jew servizzi partikolari.

    Artikolu 5 Azzjoni pożittiva

    Sabiex tkun żgurata ugwaljanza totali fil-prattika, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma għandux jostakola kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa żvantaġġi konnessi ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

    Artikolu 6 Rekwiżiti minimi

    1. Stati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha f’ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġunijiet għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri f’oqsma koperti minn din id-Direttiva .

    KAPITOLU II RIMEDJI U INFURZAR

    Arti kolu 7 Difiża ta’ drittijiet

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inkluż meta jikkunsidraw li huma xierqa proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li jħossuhom li kien hemm nuqqas kontrihom fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, anki wara li r-relazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni hija allegata li saret tkun spiċċat.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra, li għandhom interess leġittimu fl-assigurazzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mwettqa, jistgħu jieħdu sehem, kemm f’isem jew b’appoġġ ta’ min qed jagħmel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva stabbilita fl-infurzar ta’ obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva.

    3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bla ħsara għal regoli nazzjonali li jirrigwardaw limiti ta’ żmien sabiex ikunu ppreżentati azzjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    Artikolu 8 Oneru tal-prova

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta persuni li jħossuhom li sar nuqqas kontrihom minħabba li l-prinċipju ta’ trattatment ugwali ma kienx applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun f’idejn il-konvenut li jagħti prova li ma kienx hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux jostakola Stati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma iktar favorevoli għal rikorrenti.

    3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal proċeduri kriminali.

    4. Stati Membri m’għandomx japplikaw paragrafu 1 għal proċeduri li fihom il-qorti jew korp kompetenti jinvestiga l-fatti tal-każ.

    5. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe proċedimenti legali mibdija skond l-Artikolu 7(2).

    Arti kolu 9 Vittimizzazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma neċessarji sabiex jipproteġu individwi minn kwalunkwe trattament kuntrarju jew konsegwenza kuntrarja bħala reazzjoni għal ilment jew għal proċedimenti mmirati sabiex jinfurzaw twettiq tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    Artikolu 10 Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

    Stati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet diġà fis-seħħ, jitpoġġew fl-attenzjoni tal-persuni kkonċernati permezz ta’ mezzi approprjati fit-territorju tagħhom.

    Artikolu 11 Djalogu mal-partijiet interessati rilevanti

    Sabiex ikun promoss il-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-Istati Membri għandhom iħeġġu djalogu ma’ partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari organizzazzjonijiet mhux governattivi, li għandhom, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, interess leġittimu sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra diskriminazzjoni għar-raġunijiet u fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    Arti kolu 12 Korpi għall-Promozzjoni ta’ Trattament Ugwali

    1. L-Istati Membri għandhom jaħtru korp jew korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali tal-persuni kollha irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin tagħhom, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali. Dawn il-korpi jistgħu jiffurmaw parti minn aġenziji inkarigati fuq livell nazzjonali bid-difiża ta’ drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardja ta’ drittijiet ta’ individwi, inkluż drittijiet skond atti Komunitarji oħra inklużi d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu:

    - bla ħsara għad-dritt ta’ vittmi u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra msemmija fl-Artikolu 7(2), li jipprovdu assistenza indipendenti għal vittmi ta’ diskriminazzjoni biex jagħmlu l-ilmenti tagħhom rigward diskriminazzjoni,

    - twettiq ta’ stħarriġ indipendenti li jikkonċernaw diskriminazzjoni,

    - pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u provvediment ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe argument li jirrigwarda din id-diskriminazzjoni.

    KAPITOLU III DIŻPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Arti kolu 13 Twettiq

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa rispettat u b’mod partikolari li:

    (a) kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali huma mħassra;

    (b) kwalunkwe dispożizzjonijiet kuntrattwali, regoli interni ta’ impriżi, u regoli li jirregolaw assoċjazzjonijiet li jagħmlu profitt jew li ma jagħmlux profitt u li jmorru kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali huma, jew jistgħu jkunu, iddikjarati nulli jew jiġu emendati.

    Arti kolu 14 Sanzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jkunu applikati. Is-sanzjonijiet jistgħu jinvolvu l-ħlas ta’ kumpens, li ma jistax ikun ristrett bl-istabbiliment ta’ limitu preċedenti ta’ fuq, u għandu jkun effettiv, proporzjonat u dissważiv.

    Arti kolu 15 Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jimxu skond din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn …. [sentejn wara adozzjoni]. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. Sabiex ikunu kkunsidrati kundizzjonijiet partikolari, Stati Membri jistgħu, jekk ikun neċessarju, jistabbilixxu li l-obbligazzjoni li jkun provdut aċċess effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 4 għandu titwettaq [sa mhux aktar tard minn] … erba’ [snin wara adozzjoni].

    L-Istati Membri li jixtiequ jużaw dan il-perjodu addizzjonali għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-ġurnata stabbilita fil-paragrafu 1 u jagħtu r-raġunijiet.

    Arti kolu 16 Rapport

    1. L-Istati Membri u l-korpi ta’ ugwaljanza nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn …. jew kull ħames snin wara dan, l-informazzjoni kollha neċessarja għall-Kummissjoni sabiex tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis, kif xieraq, il-perspettivi ta’ l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, kif ukoll l-Aġenzija ta’ Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju dwar studji tas-sessi, dan ir-rapport għandu, inter alias , jipprovdi stima ta’ l-impatt tal-miżuri meħuda fuq nisa u rġiel. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni li waslet, dan ir-rapport għandu jinkludi, jekk neċessarju, proposti għar-reviżjoni u emenda ta’ din id-Direttiva.

    Arti kolu 17 Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Arti kolu 18 Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] Id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika, ĠU L 180 tad-19.7.2000, p.22 u d-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU L 303 tat-2.12.2000, p. 16

    [2] COM (2007) 640

    [3] COM (2008) 412

    [4] COM (2008) 420

    [5] [ COM (2008) XXX ]

    [6] Id-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija, ĠU L 373 tal-21.12.2004, p.37

    [7] Id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (ĠU L 180 tad-19.7.2000), id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol (ĠU L 303 tat-2.12.2000)

    [8] COM (2006) 643 finali

    [9] COM (2008) 225

    [10] Ir-riżultati kompluti tal-konsultazzjoni jistgħu jinkisbu fuq: http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/news/news_en.htm#rpc

    [11] http://ec.europa.eu/yourvoice/ebtp/consultations/index_en.htm

    [12] http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/org/imass_en.htm#ar

    [13] http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/pubst/stud/mapstrand1_en.pdf

    [14] Se jkun disponibbli fuq:http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/org/imass_en.htm

    [15] http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/public/pubst_en.htm#leg

    [16] http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/pubst/stud/multdis_en.pdf

    [17] Special Eurobarometer Survey 296 dwar diskriminazzjoni fl-UE: http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/public/pubst_en.htm u http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

    [18] Flash Eurobarometer 232; http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_232_en.pdf

    [19] Se jkun disponibbli fuq:http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/org/imass_en.htm

    [20] ĠU L 269 tal-5.10.2002

    [21] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1.4.2008 fil-kawża C-267/06 Tadao Maruko

    [22] Kawża C-185/97 [1998] Ġabra I-5199

    [23] Danfoss, Kawża 109/88 . [1989] Ġabra 03199

    [24] ĠU L.14, 20.1.1998

    [25] Id-Direttiva 2002/73/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol, ĠU L 269 tal-5.10.2002, p.15

    [26] Kawżi C-180/95 Draehmpaehl, Ġabra 1997 I p.2195 u C-271/91 Marshall Ġabra 1993 I P.4367

    [27] ĠU C , , p. .

    [28] ĠU C , , p. .

    [29] ĠU C , , p. .

    [30] ĠU C , , p. .

    [31] Konklużjonijiet ta’ presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007, punt 50.

    [32] Riżoluzzjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 2008 P6_TA-PROV(2008)0212

    [33] COM (2008) 412,

    [34] Id-Direttiva 2000/43/KE, id-Direttiva 2000/78/KE u d-Direttiva 2004/113/KE

    [35] Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1371/2007

    [36] ĠU L 210, 31.7.2006, p.25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 20071989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p.6)

    [37] ĠU C 134, 7.6.2003, p.7

    Top